Opinjoni | L-isfida tal-proprjetà: Biex għada jkun aħjar mil-lum

Il-kera, il-prezzijiet tad-djar u l-housing...jikteb il-Kandidat tal-PL għal MEP Alex Agius Saliba

Biex tavvanza u tkompli tiġġedded trid tkun kritiku tiegħek innifsek u tosserva dak li jkun qed iseħħ madwarek. Filwaqt li tagħraf it-tajjeb li għamilt, trid tidentifika l-isfidi l-ġodda li għandek quddiemek, biex tipprepara ruħek għalihom u taħdem biex tiffaċċjahom u tegħlibhom. Dan huwa dak li dejjem għamel il-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat u dak huwa li rridu nkomplu nagħmlu, dejjem bl-akbar umiltà.

Għalhekk, mingħajr ma noqogħdu nduru mal-lewża, tajjeb nagħrfu li waħda mill-isfidi ewlenin li qegħdin jiffaċċjaw illum il-ġurnata bosta persuni hija meta jiġu biex jixtru jew jikru proprjetà. Il-Gvern mhux biss identifika din l-isfida iżda beda jaħdem minnufih biex jaqbad il-barri minn qrunu.

Il-vjaġġ li qabad il-Gvern Laburista ħames snin u nofs ilu jista’ jiġi deskritt bħala suċċess wara ieħor. Kull suċċess iġib miegħu sfidi ġodda u għalhekk ma nistgħu qatt nieqfu naħdmu għall-ġid ta’ kull ċittadin, biex ħadd ma jaqa’ lura. Il-maġġoranza, madwar 80% tal-popolazzjoni, hija sid ta’ darha.

Għalhekk, il-fatt li l-proprjetà saret tiswa aktar ifisser li l-istess 80% qegħdin jistagħnew dejjem aktar. Min-naħa l-oħra ma nistgħux u m’aħniex se ninsew lil dawk il-persuni li jridu jixtru jew jikru, iżda ma jistgħux għax qegħdin isibu prezzijiet għoljin li ma jifilħux għalihom. Nitkellem ma’ bosta persuni u nirrikonoxxi li l-proprjetà hija waħda mill-aktar kwistjonijiet li jissemmew, speċjalment minn koppji żgħażagħ u persuni ta’ ’l fuq minn erbgħin sena, iżda mhux biss.

Bit-tnedija tal-White Paper għas-suq tal-kera u bil-miżuri mħabbrin fil-Baġit, il-Gvern qed juri bil-fatti kemm tassew għandu ruħ soċjali u li qed jaħdem bla heda biex jgħin lil dawk l-aktar vulnerabbli.

L-iskop tal-White Paper huwa li s-suq tal-kera jiġi regolarizzat sabiex ikun hemm aktar stabbiltà għall-familji, trasparenza u sigurtà, kemm għas-sidien kif ukoll għall-inkwilini. Dan huwa pass importanti ħafna li għandu jgħin lil għadd ta’ persuni li llum qegħdin isibu ruħhom f’diffikultà.

Bit-tnedija tal-White Paper għas-suq tal-kera u bil-miżuri mħabbrin fil-Baġit, il-Gvern qed juri bil-fatti kemm tassew għandu ruħ soċjali u li qed jaħdem bla heda biex jgħin lil dawk l-aktar vulnerabbli

Fil-Baġit għall-2019 jissemmew diversi miżuri mmirati biex jgħinu lil dawk il-persuni li jridu jixtru jew jikru, fosthom miżuri dwar is-sussidju tal-kera, il-housing, l-equity sharing għal persuni li għandhom aktar minn erbgħin sena u t-tiġdid ta’ skemi eżistenti.

Hija ppjanata riforma fis-sistema tal-kera filwaqt li se jiżdied is-sussidju għal persuni waħedhom kif ukoll għal familji b’żewġt itfal jew aktar. Se jingħataw inċentivi għal kirjiet raġonevoli fit-tul.

Fil-housing se jkollna 1,200 appartament ġdid b’investiment ta’ xejn inqas minn €100 miljun. Proprjetà tal-Gvern li tinsab fi stat ħażin u ta’ abbandun se tittranġa għall-akkomodazzjoni soċjali u se ssir riġenerazzjoni tal-housing estates.

Inizjattiva tajba ħafna li se tgħin lil ħafna persuni hija l-equity sharing għal persuni ta’ aktar minn erbgħin sena. Dawn se jkunu jistgħu jħallsu għal nofs il-proprjetà u jissellfu għan-nofs l-ieħor, filwaqt li l-Gvern se jagħmel tajjeb u jħallas l-imgħax hu.

It-tiġdid ta’ skemi li tant kisbu suċċess bħal dik tal-first time buyers u s-second time buyers bi tnaqqis fit-taxxa tal-boll se jkomplu jagħmlu differenza kbira fil-bwiet ta’ eluf ta’ persuni. Wieħed ma jridx jinsa jsemmi wkoll skemi oħra li qed jgħinu lil eluf ta’ familji jirranġaw djar antiki.

Fejn hemm ir-rieda li jsir xi ħaġa, soluzzjoni tinstab żgur. Il-Gvern Laburista qed juri bil-fatti li qed jaħdem biex il-persuni li jinsabu f’diffikultà jingħataw l-għajnuna li jenħtieġu. Konvint li l-miżuri li semmejt, flimkien ma’ ħafna oħrajn, se jkunu qegħdin jgħinu eluf ta’ persuni – irġiel, nisa, familji, persuni waħedhom, kbar u żgħar - biex ikollhom aktar serħan il-moħħ meta jiġu biex jikru jew jixtru proprjetà.

Dan il-Gvern qed jaħdem biex ħadd ma jaqa’ lura. Il-miżuri u l-inizjattivi li qed jaħdem fuqhom se jgħinu biex kulħadd igawdi mit-tkabbir ekonomiku u s-surplus tal-pajjiż. Nidħak meta dawk tal-Oppożizzjoni joqogħdu jsemmu ż-żieda ta’ €2.33 u jieqfu hemm, bħallikieku l-Baġit mhux qed joffri benefiċċji kbar – kif fil-fatt qed jagħmel, fosthom fil-qasam tal-proprjetà. Il-verità hi li ħafna ċittadini, se jkunu qegħdin jiffrankaw ħafna flus u jibbenefikaw mill-bosta miżuri għaqlin li se jdaħħal il-Gvern, li jmorru ’l bogħod mis-sempliċiment żieda tal-għoli tal-ħajja.

Kulħadd qed javvanza u qed igawdi mis-suċċess li qed jinkiseb grazzi għall-għaqal tal-Gvern Laburista. Il-Maltin u l-Għawdxin qed iħarsu b’ottimiżmu lejn għada, għax qed jagħrfu li dan huwa Gvern ta’ kulħadd, li jaħseb f’kulħadd.

More in Blogs