Opinjoni | Nimmansaw is-suq tal-kera

'Il-proposti fil-White Paper b’mod ġenerali huma pass tajjeb ’il quddiem'

Il-proposti fid-dokument ippubblikat mill-Gvern (White Paper) għal dibattitu pubbliku dwar il-ħtieġa li nqisu l-kiri ta’ propjetà residenzjali bħala alternattiva reali ilna nistennewhom. Għax is-suq tal-kera bħalissa hu ġungla li teħtieġ li tkun immansata.

Il-komunità Maltija, kif ġustament tindika l-White Paper, tul is-snin żviluppat allerġija għas-suq tal-kera ta’ proprjetà residenzjali u dan għax ir-regolamentazzjoni tiegħu, meta eżistiet, kienet pjuttost waħda riġida. Kien hemm alternanza bejn protezzjoni żejda tal-inkwilin għal sitwazzjoni ta’ prattikament bla kontrolli ta’ xejn: kulħadd jagħmel li jrid. Għal perjodu twil ta’ żmien spiċċajna b’liġijiet li kienu intenzjonati bħala miżuri proviżorji fi żmien tal-gwerra u li żmienhom kienu ilhom li għamluh. It-tkaxkir tas-saqajn tal-politiċi biex jintroduċu liġijiet sura dwar il-kera għal snin kbar kien ta’ xkiel biex is-suq tal-kera tal-proprjetà residenjali jiżviluppa. Huwa biss bħala reazzjoni għal dan li Malta żviluppat bħala pajjiż fejn bosta huma sidien ta’ darhom. Kieku l-Gvernijiet li kellna għamlu xogħolhom sewwa l-affarijiet, bla dubju kienu jkunu differenti sew.

Il-proposti fil-White Paper b’mod ġenerali huma pass tajjeb ’il quddiem. Jekk ikunu implimentati sewwa għandhom iservu biex jitħejjew pedamenti għal suq tal-kera residenzjali li jkun wieħed stabbli, ibbażat fuq il-ħarsien adegwat kemm tal-inkwilini kif ukoll tas-sidien. Iżda hemm ħtieġa ta’ dibattitu serju biex ikunu evitati diffikultajiet bla bżonn. 

Is-suq tal-kera preżentement qiegħed fi stat ta’ anarkija. L-unika regoli li japplikaw huma dawk tal-ġungla fejn min jiflaħ iħawwel. Dan minħabba li s’issa l-istat abdika mir-responsabbiltajiet tiegħu u ma pproteġiex lill-vulnerabbli mill-eċċessi tas-suq. Suġġett għat-tliet eċċezzjonijiet imsemmija fil-White Paper (ħaddiema barranin temporanji, studenti barranin f’edukazzjoni terzjarja u kirjiet temporanji intenzjionati biex għal perjodu qasir jisostitwixxu residenza li tkun qed tissewwa jew tkun irranġata) hu tajjeb li l-kirjiet residenzjali ma jkunux iqsar minn sena u dan biex ikun indirizzat l-abbuż assoċjat ma’ kirjiet qosra. Huwa tajjeb ukoll li s-sidien ikollhom l-obbligu li jagħtu avviż raġjonevoli jekk ma jkollhomx l-intenzjoni li jġeddu l-kirja. Hu fl-interess ta’ kulħadd li d-drittijiet u d-doveri jkunu ċari għal kull naħa. Dan iwassal għal relazzjoni stabbli u ċivili fil-kirjiet.

 

Kien wasal ukoll iż-żmien li d-depożitu li jintalab mal-iffirmar ta’ ftehim ta’ kera ikun regolat kemm dwar jekk ikunx meħtieġ kif ukoll dwar kemm kif ukoll dwar dawk iċ-ċirkustanzi li jistgħu jiġġustifikaw it-telf ta’ dan id-depożitu. Din hi materja li dwarha nisimgħu diversi stejjer dwar abbużi minn kull naħa. Ir-regolamentazzjoni f’dan il-qasam tintroduċi ftit sens komun li preżentment hu nieqes.

Huwa importanti wkoll li hu propost li għandu jkun ċar dwar x’tibdil jista’ jsir fil-kera sakemm jibqa’ fis-seħħ il-ftehim tal-kirja. Li dan ikun ċar hu pass ’il quddiem imma m’għandux jingħalaq il-bieb għax is-suq jippreferi reviżjoni spissa. 

Anke ir-reġistrazzjoni tal-kuntratti tal-kera jkun pass kbir ’il quddiem. Mhux biss għax pass bħal dan iwassal biex ikun stabilit b’iktar ċertezza li l-liġi qed tkun osservata. Fuq kollox imma dan il-pass għandu jwassal biex it-taxxa dovuta (mis-sidien) fuq il-kera titħallas kollha.

Meta nikkunsidraw il-proposti tal-White Paper għandna nippruvaw nevitaw eċċezzjonijiet li mhumiex meħtieġa għax dawn iservu biss biex ixekklu l-oġġettiv u ċioè l-iżvilupp ta’ suq stabbli ta’ kirjiet residenzjali. B’mod partikolari l-proposta fil-White Paper li tiġġustifika t-tmiem ta’ kirja meta sid ikun jeħtieġ proprjetà għall-użu tiegħu, jew biex ibiegħ (bla inkwilini) inkella biex jiżviluppa l-proprjetà mill-ġdid hi proposta żejda. Billi l-kirjiet residenzjali ser ikunu minnhom infushom qosra (bejn sena u ħames snin)  ma nara l-ebda diffikultà li jistenna ftit li tispiċċa l-kirja qabel ma jerġa’ jieħu l-fond lura f’idejh.

Il-proposti li ġew ippreżentati, bl-eċċezzjoini ta’ dik fil-paragrafu preċedenti huma l-pass li jmiss biex is-suq tal-kera tal-proprjetà residenzjali jkun żviluppat. Waħedhom imma mhumiex biżżejjed għax jeħtieġu li jkunu mwieżna minn Awtorità tad-Djar li b’mod proattiv tindirizza l-ħtiġijiet tal-vulnerabbli huma u jiffaċċjaw suq determinat li jqaxxar lil dawk li bħal ġwejjed ma jirrealizzawx li hemm alternattivi oħra għax-xiri biex ikollok saqaf fuq rasek.

Carmel Cacopardo hu Chairman ta’ Alternattiva Demokratika.[email protected],  http://carmelcacopardo.wordpress.com

More in Blogs