Opinjoni | It-theddida ta’ Luigi Di Maio

It-theddida fina ta’ Luigi Di Maio ovvjament kienet fis-sens li l-elettriku li jiġi minn Ragusa jibqa’ ġej biss sakemm il-Gvern Taljan ikun jaqbel li dan isir...

Donald Trump, President tal-Istati Uniti tal-Amerika, waqt kolazzjon mas-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg, fetħilha bi kritika qawwija tal-Gvern ta’ Angela Merkel li qed tagħti wisq appoġġ lill-pipeline tal-gas naturali Russu li jgħaddi minn diversi pajjiżi Ewropej. Il-Ġermanja, qal Donald Trump, hi dipendenti wisq fuq il-gass naturali Russu. Din id-dipendenza, emfasizza Donald Trump, hi ta’ theddida għas-sovranità tal-Ġermanja fuq il-ħtiġijiet enerġetiċi tagħha, u dan mhux tajjeb.

Malta wkoll jista’ jkollha s-siġurtà u s-sovranità enerġetika tagħha mdendla b’ħajta li tista’ tinqata’ minn ħin għall-ieħor!

Kien ix-xahar li għadda li Luigi Di Maio, Deputat Prim Ministru Taljan, fakkarna fl-elettriku li Malta tuża permezz tal-interconnector li jibda minn Ragusa mal-kosta ta’ Sqallija. Dan kien kumment li ntqal waqt id-dibattitu selvaġġ li żviluppa dwar l-operazzjonijiet ta’ salvataġġ mill-vapuri taħt it-tmexxija tal-għaqdiet mhux governattivi biex jiġu salvati l-immigranti mill-għarqa f’nofs il-Mediterran.

L-għeluq kemm tal-portijiet Maltin kif ukoll ta’ dawk Taljani jista’ jiżviluppa fi traġedja oħra. Forsi min jaf il-Gvern Malti ta każ tat-theddida ta’ Di Maio

Il-politiku taċ-Cinque Stelle deherlu li kien f’waqtu li għal skop ta’ impatt politiku jirreferi għall-interconnector bejn u Malta bl-istess mod li Vladimir Putin bosta drabi jagħmel mhux biss fil-konfront tal-Ġermanja imma wkoll fil-konfront tal-bqija tal-kontinent Ewropew.

Il-fatt li Malta tidher li hi dipendenti ż-żejjed fuq l-elettriku ġej minn Ragusa ma tantx jagħmel is-sitwazzjoni waħda faċli. Probabbilment li tul l-aħħar xhur tlifna kont ta’ kemm-il darba nqata’ l-elettriku f’Malta: l-ispjegazzjoni mogħtija ġeneralment kienet fis-sens li xi mkien bejn Malta u Sqallija kien hemm ħsara teknika li kienu qed jieħdu ħsiebha.

Fi ftit snin oħra, probabbilment Malta jkollha sors ieħor ta’ enerġija, ukoll minn Sqallija: pipeline tal-gass minn Gela.

Bħall-interconnector tal-elettriku li jibda minn Ragusa l-pipeline tal-gass minn Gela huwa eżerċizzju kummerċjali. Malta ser tħallas għall-gass bħalma diġà qiegħda tħallas għall-elettriku.

It-theddida fina ta’ Luigi Di Maio ovvjament kienet fis-sens li l-elettriku li jiġi minn Ragusa jibqa’ ġej biss sakemm il-Gvern Taljan ikun jaqbel li dan isir. Il-messaġġ ċar ta’ Di Maio għaldaqstant kien li jekk il-Gvern Malti ser jibqa’ jkun irritanti, daqshekk naraw elettriku minn Ragusa.  

Mhux magħruf jekk il-Gvern Malti għamilx rappreżentazzjonijiet mal-Gvern Taljan wara dak li qal Di Maio. Nafu biss li ftit wara l-Gvern Malti ddikjara li kien ser jagħlaq il-portijiet Maltin lill-vapuri operati minn għaqdiet mhux governattivi u li nbdew proċeduri kriminali kontra l-kaptan tal-MV Lifeline dwar ir-reġistrazzjoni tal-istess vapur.

Sfortunatament dan isegwi l-filosofija ta’ Di Maio u Salvini li s-Sammaritan it-tajjeb hu persuna li għandha titqies b’suspett, dejjem.

Probabbilment li tul l-aħħar xhur tlifna kont ta’ kemm-il darba nqata’ l-elettriku f’Malta: l-ispjegazzjoni mogħtija ġeneralment kienet fis-sens li xi mkien bejn Malta u Sqallija kien hemm ħsara teknika li kienu qed jieħdu ħsiebha.

Fil-ħin li qed nikteb dan l-artiklu jidher li hawn vapur ieħor li qed ibaħħar fiż-żona ta’ salvataġġ Maltija fid-direzzjoni ta’ Sqallija b’450 immigrant abbord. Matteo Salvini, Ministru tal-Intern Taljan, qed jinsisti li l-portijiet Taljani huma magħluqa għal vapuri ta’ din ix-xorta.

Bħala riżultat tal-għeluq kemm tal-portijiet Maltin kif ukoll ta’ dawk Taljani  jista’ jiżviluppa fi traġedja oħra. Forsi min jaf il-Gvern Malti ta każ tat-theddida ta’ Di Maio.

Inċidenti bħal dawn jibagħtu messaġġ wieħed ċar: il-valur tas-solidarjetà tmermrulu l-pedamenti. Is-solidarjetà minn valur fundamentali tal-Unjoni Ewropea qed jispiċċa biss paroli. Is-solidarjetà m’għandhiex tkun limitata għall-pajjiżi fuq il-fruntiera tal-Unjoni iżda għandha tkun mifruxa. Gvernijiet differenti ta’ Malta fittxew li jċaqalqu l-istati membri l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea biex huma wkoll jerfgħu din ir-responsabbiltà li wara kollox hi waħda kollettiva u qed tintrefa’ b’mod sproporzjonat mill-pajjiżi fuq il-fruntiera. Ir-rispons tad-disa’ pajjiżi fil-każ tal-MV Lifeline kien inkoraġġanti imma ċertament li mhux biżżejjed.

L-għażla favur is-solidarjetà meta tkun rinfaċċat minn reazzjonijiet razzisti u xenofobiċi mhix waħda faċli. Ikun bla dubju ferm iktar faċli kieku iktar pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea jqiegħdu s-solidarjetà fil-prattik

L-awtur li hu Perit hu ċ-Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected]http://carmelcacopardo.wordpress.com

More in Blogs