Opinjoni | Deċentralizzazzjoni v.2.0.

Joe Ellis jisħaq kif minflok ma jagħtihom aktar poteri u fondi, il-gvern qiegħed inaqqas il-fondi u r-responsabilitajiet tal-Kunsilli Lokali

Bħal-lum sena nkunu qed nixtarru r-riżultat tal-elezzjoni għall-Parlament Ewropew kif ukoll għall-kunsilli lokali illi ser isiru għall-ewwel darba bis-sistema l-ġdida. Oriġinarjament, il-kunsilli lokali kienu jinħatru għal tliet snin b’elezzjoni kull sena għal terz tal-kunsilli.  Imbagħad wara l-ewwel riforma, il-kunsilli bdew jinħatru għal erba’ snin b’nofshom jinbidlu kull sentejn. Tliet snin ilu, il-Parlament approva liġi li permezz tagħha l-kunsilli ser jibdew jinħatru għall-perjodu ta’ ħames snin bl-elezzjoni tagħhom tikkoinċidi ma’ dik tal-Parlament Ewropew. 

Għad irridu naraw kif ser taħdem is-sistema l-ġdida. B’din il-bidla, l-elettorat ma baqagħlux aktar l-opportunità illi kull sena u mbagħad kull sentejn jesprimi ruħu fl-urni. Issa l-unika opportunità illi ser ikollu l-elettorat biex jiġġudika l-operat tal-gvern minbarra l-elezzjoni ġenerali ser tkun darba kull ħames snin fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.

Li hu ċar imma hu illi l-Gvern Laburista m’għandux għal qalbu d-deċentralizzazzjoni tal-poter. Għalkemm ma abolixxiex il-Kunsilli Lokali kif kien għamel Mintoff lill-Kunsill Ċiviku ta’ Għawdex, qiegħed bil-mod il-mod jiżborhom mill-utilità u l-importanza tagħhom. Minflok ma jagħtihom aktar poteri u fondi, il-gvern ċentrali qiegħed progressivament inaqqsilhom il-fondi u r-responsabilitajiet tagħhom. Anke jekk dan li qed ngħid mhuwiex mija fil-mija korrett, huwa ċar illi ma jeżisti l-ebda momentum sabiex tinfirex id-deċentralizzazzjoni fil-pajjiż.

Minflok qed naraw illi aktar poteri jiġu kkonċentrati f’idejn il-ministri u proliferazzjoni tremenda ta’ awtoritajiet.  Hemm bżonn ta’ riforma fid-Dipartiment tal-Artijiet? Inwaqqfu awtorità ġdida. Irridu nwettqu programm aggressiv ta’ bini ta’ toroq? Inwaqqfu awtorità oħra. Mhux biżżejjed għandna d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi u direttorat fi TransportMalta li jistgħu jwettqu dawn ix-xogħlijiet. Issa l-Gvern iddeċieda illi ser iwaqqaf awtorità ġdida li ser tinħareġ minn kustilja ta’ awtorità oħra sabiex twettaq dan il-programm ta’ xogħlijiet pubbliċi. U b’hekk iridu jitwaqqfu strutturi ġodda b’karigi ġodda u spejjeż oħra.  Dan minkejja illi l-pubbliku rari jara xi titjib fis-servizz mogħti lilu bit-twaqqif ta’ xi awtorità pubblika.

Imma kif għidna m’hemm l-ebda spinta sabiex il-kunsilli lokali jsiru aktar effikaċi u jkollhom aktar fondi għad-disposizzjoni tagħhom.  Din hija tassew ħasra għaliex għalkemm hu minnu illi pajjiżna huwa żgħir u għandu d-daqs ta’ belt medja Ewropea, xorta nħoss illi hawn lok għall-kunsilli lokali u għal aktar deċentralizzazzjoni. Ċertament illi wieħed irid jifli u janalizza sew l-operat tal-kunsilli lokali minn mindu twaqqfu u jipprova joħroġ b’soluzzjonijiet ġodda. Nissuspetta illi ħaġa illi ma tantx seħħet kemm ilhom imwaqqfa l-kunsilli lokali hija kollaborazzjoni aktar mifruxa bejn kunsill u ieħor. Minħabba ċ-ċokon ta’ bosta rħula, nimmaġina illi jagħmel aktar sens illi sejħiet għall-offerti jinħarġu minn aktar minn kunsill wieħed, possibilment fuq bażi reġjonali. Nimmaġina illi jekk jiġri hekk il-kunsilli jkollhom offerti aħjar għas-servizzi mitluba. U l-gvern ċentrali għandu jinċentiva tali kollaborazzjoni bejn kunsill u ieħor b’kull mod u manjiera.

Problema oħra illi spiss wieħed jiltaqa’ magħha hija nuqqas ta’ konsistenza fl-akkwist ta’ servizzi u prodotti da parti tal-Kunsilli. Minkejja r-regolamenti kollha li jeżistu, spiss wieħed jipperċepixxi favoritiżmu fil-mod kif jingħataw il-kuntratti tal-Kunsilli. L-istess kif inhu l-każ fi kwalunkwe qasam tas-settur pubbliku.

Il-Gvern Laburista m’għandux għal qalbu d-deċentralizzazzjoni tal-poter. Għalkemm ma abolixxiex il-Kunsilli...qiegħed bil-mod il-mod jiżborhom mill-utilità u l-importanza tagħhom

Imma ma rridux ninsew illi l-Kunsilli Lokali wettqu ħafna xogħol pożittiv kemm ilhom imwaqqfin.  Fejn kien hemm sindku u kunsilliera ħabrieka u dinamiċi, spiss il-lokalità ġiet trasformata bl-għajnuna ta’ fondi lokali u Ewropej.  L-idea ta’ kunsilli lokali kienet illi mhux biss il-lokalitajiet għall-qalb ta’ ministri partikolari jgawdu mill-iżvilupp. U naħseb illi ħafna drabi dan seħħ minkejja illi spiss is-sindki u l-kunsilliera jispiċċaw iffrustrati bin-nuqqas ta’ fondi u n-nuqqas ta’ koperazzjoni mill-gvern ċentrali u mill-awtoritajiet pubbliċi. Benefiċċju ieħor tal-kunsilli lokali kien il-formazzjoni ta’ bosta mill-politiċi illi wara spiċċaw fl-arena nazzjonali. Anke f’dan ir-rigward, dan l-aspett m’għandux jiġi ttraskurat. 

Fil-każ speċifiku ta’ Għawdex, il-kunsilli lokali jridu jikkoeżistu mal-ministeru għal Għawdex u l-kumplament tal-gvern ċentrali illi spiss għandu l-poter reali f’idejh. Anke hawnhekk jeħtieġ illi l-affarijiet jiġu ċċarati.  Il-PN fl-aħħar elezzjoni ppropona t-twaqqif ta’ kunsill reġjonali għal Għawdex sabiex jopera flimkien mal-ministeru u l-kunsilli lokali.  Kulħadd jaf x’kien ir-riżultat elettorali u speċjalment f’Għawdex fejn il-Partit Laburista rebaħ il-maġġoranza għall-ewwel darba f’elezzjoni ġenerali mill-1955 lil hawn.  Imma dan ma jfissirx illi l-idea ta’ kunsill reġjonali mhijiex waħda valida. Fl-ewwel lok, dan il-kunsill reġjonali jkun jista’ japplika għall-fondi Ewropej b’mod awtonomu minn dawk li tgawdi Malta wara l-2020 meta Malta għal raġuni jew oħra mistennija illi jkollha anqas aċċess għal tali fondi. Barra minn hekk, verament jeħtieġ spinta aktar iffukata fl-amministrazzjoni pubblika f’Għawdex. 

Għal bosta snin, Għawdex qed ibati minn letarġija li tittraduċi ruħha f’nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ xogħol ta’ valur u ta’ żvilupp. Fil-ħames snin kemm ilu l-Partit Laburista fil-gvern, waħda, jekk mhux l-unika, soluzzjoni illi ħareġ biha, kien l-impjieg bla rażan taż-żgħażagħ u min mhux mas-settur pubbliku taħt forma jew oħra: skemi fażulli li permezz tagħhom bosta ħadu paga bażika imma jkunu d-dar fid-9a.m. jekk mhux qabel jew impjieg ma’ kuntrattur li jaqla’ kemxa minn fuq daharhom xħin iħaddimhom mal-Gozo Channel jew xi mkien ieħor. Dana barra l-impjiegi regolari mas-settur pubbliku li komplew ifaqqsu mhux ħażin. 

Bħalma l-Gvern Laburista naqqas il-poteri tal-kunsilli lokali, anke l-ministeru ta’ Għawdex ġie ridimensjonat sew.  Ma’ l-ewwel radda ta’ salib, is-saħħa u l-edukazzjoni, żewġ setturi mportanti tneħħew minn taħt idejh.  Biex tgħaqqad l-isptar ġenerali ta’ Għawdex ingħata għal 100 sena lill-kumpanija li ħadd ma jaf ta’ min hi u dan wara dahar il-poplu Għawdxi. Minkejja l-isforzi kollha ta’ min jokkupa l-kariga ta’ ministru għal Għawdex, dan il-ministeru hu nieqes minn poter effettiv u b’baġit irriżorju. Spiss l-unika triq li għandu hi illi jimbotta lill-kollegi tiegħu jew xi awtorità jew dipartiment sabiex jaġixxu.

Fil-każ ta’ Għawdex, naħseb illi jkun għaqli wkoll illi wieħed jistudja ftit kemm qed jaħdem il-mudell attwali u joħroġ b’soluzzjonijiet ġodda. Meta l-idea ta’ ministru għal Għawdex kienet proposta min-Nazzjonalisti qabel l-elezzjoni tal-1987, il-ħsieb kien illi mingħajr ministru fil-kabinett, l-ogħla organu eżekuttiv tal-pajjiż, il-qagħda ta’ Għawdex ma tistax timxi ’l quddiem. U verament fl-ewwel snin ta’ dan il-ministeru, Għawdex esperjenza rinaxximent li kien ilu ma jara bħalu minn żmien il-Kunsill Ċiviku fis-snin sittin. Imma fis-snin suċċessivi, il-ministeru għal Għawdex ukoll tilef il-momentum tiegħu u llum ma jinħassx li hu effettiv daqs kemm kien fil-bidu.

Issa l-unika opportunità illi ser ikollu l-elettorat biex jiġġudika l-operat tal-gvern minbarra l-elezzjoni ġenerali ser tkun darba kull ħames snin fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali

Forsi dan mhu tort ta’ ħadd partikolari għalkemm bejn titulari u ieħor ċertament illi jkun hemm differenza bħal kwalunkwe ministeru ieħor. Imma hu magħruf illi għalkemm it-tmexxija kollettiva tal-Gvern isseħħ fil-kabinett, spiss jiġri illi ministri ma jħobbux jirfsu l-kallu ta’ ministri oħra.  Għaldaqstant il-ministeru għal Għawdex spiċċa b’poteri limitati b’numru ta’ mpjegati illi għalkemm jitħallsu direttament minnu, fir-realtà huma estensjoni tad-dipartimenti jew entitajiet f’Malta  fir-rigward tal-protokoll li jadottaw, ir-reklutaġġ, il-promozzjonijiet u mitt ħaġa oħra.

Wieħed iħoss illi wasal iż-żmien illi jitwaqqaf kunsill reġjonali f’Għawdex illi jinkorpora l-poteri kollha li bħalissa huma sparpaljati bejn il-ministeru, il-kunsilli lokali u l-gvern ċentrali. Dan il-kunsill reġjonali għandu jkollu awtonomija wiesgħa sabiex iwettaq il-ħidma tiegħu u barra baġit ad hoc, ikun jista’ jidħol fi ftehim speċifiku ma’ dipartimenti u entitajiet pubbliċi sabiex iwettqu l-funzjoni pubblika fil-gżira ta’ Għawdex. Biex nagħtu eżempju, dan il-kunsill jista’ jiftiehem ma’ Malta Enterprise sabiex dina tippromwovi l-iżvilupp industrijali f’Għawdex u talloka inċentivi partikolari għal tali skop.  L-istess jista’ jsir mad-dipartiment tal-edukazzjoni u entitajiet pubbliċi oħra.  Imma l-prestazzjoni ta’ dawn l-entitajiet pubbliċi tkun taħt l-iskrutinju ta’ dan il-Kunsill Reġjonali sabiex ikunu żgurati kontabilità u effikaċja sħiħa. Barra minn hekk, kull lokalità jkollha l-kumitat tagħha sabiex jindirizza l-ħtiġijiet partikolari tagħha b’rappreżentanza fil-Kunsill Reġjonali.

Wasal iż-żmien illi nagħfsu l-buttuna tar-reboot tad-deċentralizzazzjoni għal lokalitajiet differenti u speċjalment għal Għawdex.  Għandu ħajra l-gvern għal din ir-reboot u x’ser ikun l-atteġjament tal-oppożizzjoni għal din il-bidla radikali?  Iż-żmien jagħtina parir imma wisq nissuspetta illi minkejja sfumaturi naturali, ma tantx hemm wisq ħeġġa fl-ispettru politiku għal aktar deċentralizzazzjoni konkreta. Trid tkun l-opinjoni pubblika illi timbotta f’din id-direzzjoni u fuq kollox l-amministraturi lokali illi bil-ħidma tagħhom juru l-validità ta’ din id-deċentralizzazzjoni.

[email protected]

More in Blogs