Opinjoni | Edukazzjoni għas-suq jew edukazzjoni għall-ħajja?

X’għandu jkun l-kontribut tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali lejn is-soċjetà?

Id-diskors dwar l-edukazzjoni, sfortunatament, isegwi dak dwar ħafna oqsma oħra, dak li l-istudenti jiġu mħejjija għal dak li għandu bżonn is-suq. Donna saret moda ta’ xi wħud li jaduraw lis-suq.  X’għandu jkun l-kontribut tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali lejn is-soċjetà?

L-akbar istituzzjoni f’dan is-settur f’Malta huwa l-MCAST – il-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija. Imwaqqaf fis-sittinijiet bl-għajnuna teknika u fondi mill-UNESCO, anke dak iż-żmien l-istituzzjoni kienet toffri baċellerat fl-inginerija u diploma fil-kummerc, fost suġġetti oħra meqjusa dak iż-żmien bħala ġodda u moderni. Minflok ma tħalliet tiżviluppa l-identità tagħha, din l-istituzzjoni ġiet assorbita mill-Università ta’ Malta riżultat ta’ riformi fis-sistema edukattiva fl-aħħar tas-sebgħinijiet.

Nistgħu nargumentaw ħafna dwar jekk dawn ir-riformi kienux għaqlin jew le. Li hu żgur huwa li l-istil u mod partikolari ta’ tagħlim intilef u studenti mis-sekondarji li għażlu li jkomplu jistudjaw f’istituti tekniċi minflok fis-sixth forms sabu l-bibien ta’ din l-Università magħluqa għalihom. Ġenerazzjoni mitlufa. Dawk li kienu jippreferu aktar prattika u l-workshops milli l-bankijiet tal-klassi intesew.

Fl-2001 reġgħet twaqqfet l-MCAST. Istituti tekniċi eżistenti ingħaqdu taħt istituzzjoni waħda. Tul dawn is-snin ġew introdotti korsijiet li jwasslu għal baċellerat f’oqsma teknici. Aktar minn hekk ġew introdotti metodi differenti u livelli differenti ta’ korsijiet – minn dawk bażiċi, sa dawk ta’ technicians, kif ukoll f’livell ta’ baċellerat offrew opportunitajiet lil firxa akbar ta’ studenti. Il-koperazzjoni tal-MCAST ma’ universitajiet u kulleġġi tekniċi fl-Olanda u l-Finlandja, fost oħrajn, huma aspett pożittiv li għandu jkun żviluppat iktar.

L-MCAST bħala istituzzjoni żviluppat tul s-snin. Sfortunatament iżda għad hemm mentalità wirt il-kolonjaliżmu Ingliż li tibqa’ tifred l-edukazzjoni bejn dik ‘vokazzjonali’ u dik ‘akkademika’. L-edukatur progressiv Amerikan John Dewey kien diġa wissa, kmieni s-seklu l-ieħor, kontra sistema edukattuva li tifred il-prattiku mill-‘akkademiku’. Wissa li l-istudenti m’għandhomx jintefgħu f’garzelli dojoq anke għax ħafna drabi din il-garzella tkun tiddependi mill-klassi soċjali tal-istudent.

L-MCAST għandha iżżomm l-identità propja tagħha. B’metodi ta’ tagħlim b’sieq fis-sod fid-dinja u l-ħajja ta’ kuljum. Il-prattika, ix-xjenza u t-teknologija ma jeżistux f’bozza. Anke l-istudenti ta’ suġġetti tekniċi għandhom jingħataw l-opportunità li jitgħallmu l-lingwi, u dwar kif ix-xjenza u t-teknologija jaffettwaw lis-socjeta, dwar kif titfassal il-politika ekonomika u soċjali u kif il-politika li titfassal, anke f’oqsma xjentifiċi u tekniċi tiddependi minn kif huwa mifrux jew ikkonċentrat l-poter fis-soċjetà.

Biex naslu  hemm bzonn li l-Bord tal-Gvernaturi, appuntat totalment mill-gvern fuq kriterji politiċi jibda jirrispetta aktar lill-istaff akkademiku tal-MCAST. L-ewwelnett billi jqis bil-fatti lill-istaff akkademiku bħala kompetenti u kapaċi daqs dawk ta’ istituzzjonijiet oħra. L-istaff akkademiku mhux qiegħed hemm biex iħarreġ imma biex jeduka. Hemm bzonn ikollu aktar ħin u iktar rizorsi biex ifassal kurrikulu dinamiku u effettiv. Il-mentalità tal-kurrikulu imponut minn fuq, minn dawk li mingħalihom li jifhmu f’kollox, trid tispicca.

Lecturers u staff tekniku, b’firxa kbira ta’ kwalifiċi u esperjenza għandhom jintwerew ir-rispett li jixraqilhom. Il-kultura ‘top-down’ u maniġerjali importata mir-Renju Unit qed teqred l-inizjattiva u l-innovazzjoni. Programmi akkademiċi u tekniċi għandhom jitmexxew mill-istaff akkademiku.

Il-kontribuzzjoni tal-industrija hija importanti iżda l-edukazzjoni sħiħa tal-persuna għandha tibqa’ fiċ-ċentru. Sakemm l-istaff tekniku u akkademiku ma jingħatax ir-riżorsi, l-ħin u kundizzjonijiet xierqa  l-apparat, il-laboratorji u l-workshops se jibqgħu sbieħ imma mhux użati sal-massimu. Modi godda ta’ taghlim ser jibqgħu mhux zviluppati, u l-attitudni li l-MCAST hija istituzzjoni ‘anqas’ minn oħrajn, anke fejn jidħlu kundizzjonijiet tax-xogħol se tkompli issaħħah il-preġudizzji.

Kurjuż kif bil-maqlub ta’ okkazzjonijiet oħra l-Ministru Evarist Bartolo, li tant tkellem dwar titjib fl-infrastruttura edukattiva u dwar il-kwistjonijiet fl-Universita’ ta’ Malta, inkluz l-bżonn ta’ kundizzjonijiet tajba u riżorsi aħjar għall-għalliema, għadu ma  qal xejn dwar l-MCAST, l-akkademiċi u l-istudenti ta’ din l-istituzzjoni. Imma mbagħad forsi niftakru li anke lill-Università Varist irid jissoġġettha għas-suq!

More in Blogs