Opinjoni | Mir-razzett sal-mejda tal-ikel

L-agrikultura Maltija hi distinta minn dik kontinentali minħabba ċ-ċokon tagħha

Is-suq lokali tal-ħaxix u l-frott ix-xahar li għadda kien taħt il-lenti. Nhar it-12 t’Ottubru l-għaqda ambjentali Friends of the Earth Malta organizzat diskussjoni f’razzett ekoloġiku fiż-Żebbiegħ (Vincent’s Ec-Farm) u ppubblikaw ir-rapport intitolat Agro-Katina, riċerka li tara x’qed nieklu u kif qiegħed jaħdem is-suq tal-ħxejjex u l-frott. (https://foemalta.org/wp-content/uploads/AgroKatina-Report.pdf )

L-agrikultura Maltija hi distinta minn dik kontinentali minħabba ċ-ċokon tagħha. Fil-fatt madwar tliet kwarti tal-bdiewa reġistrati f’Malta jaħdmu inqas minn ettaru għelieqi. Kull ettaru fih għaxart elef metru kwadru, jiġifieri ftit inqas minn disat itmiem.

L-agrikultura tikkontribwixxi ftit għall-prodott gross nazzjonali, inqas minn 2%. Imma hi essenzjali biex nassigura li jkunu ppriżervati l-karatteristiċi rurali ta’ dawn il-gżejjer.

Minkejja li aħna ferm ’il bogħod milli nkunu awto-suffiċjenti, l-agrikultura tista’ tkun ta’ għajnuna   biex innaqqsu d-dipendenza tagħna u b’hekk tonqos il-vulnerabilità għas-swieq barranin.

Ġie osservat fir-rapport li xi lokalitajiet partikolari huma marbuta ma’ prodotti speċifiċi: ir-Rabat u Ħad-Dingli mal-basal, il-qargħa ħamra mar-reġjun agrikolu fit-tramuntana b’mod partikolari mal-Mosta, l-Imġarr u l-Mellieħa filwaqt li l-pastarda hi iktar assoċjata mas-Siġġiewi u Ħaż-Żebbuġ.

Ir-rapport jagħmel referenza għall-introduzzjoni fis-suq lokali ta’ qarabagħli tawwali ta’ lewn ftit skur li jikkuntrasta mal-prodott lokali. Hekk kif il-konsumatur għeleb il-biża’ inizzjali għal prodott ġdid fis-suq, il-bidwi beda jesperomenta fl-għelieqi u s-serer tiegħu u skopra li din il-varjetà (li nsibuha wkoll fi Sqallija u n-nofsinhar tal-Italja) għandha l-vantaġġ li tista’ taddatta ruħha tajjeb ħafna għall-klima lokali.

L-istaġjonalità hi fattur importanti fl-ippjanar agrikolu avolja l-importanza ta’ dan qed jonqos gradwalment bħala riżultat tal-prodotti impurtati li ħafna minnhom issibhom is-sena kollha.

Din l-istaġjonalità hi ċċelebrata f’diversi irħula inkonnessjoni ma’ prodotti agrikoli speċifiċi, bħall-qargħa ħamra (il-Manikata), u l-frawli (l-Imġarr), pereżempju. Dawn l-attivitajiet fil-lokalitajiet tagħna jedukaw lill-konsumatur u jikkontribwixxu għal għarfien u apprezzament ikbar tal-kontribut tal-agrikultura lill-pajjiż.

Ir-rapport jirreferi fil-qosor għad-dibattitu dwar il-kuntrast bejn il-prodott lokali u dak impurtat. Hu emfasizzat li f’24 siegħa l-frott u l-ħaxix lokali jasal mir-razzett sa fuq il-mejda tal-ikel tagħna u b’hekk aħna assigurati li jkollna prodotti li huma friski, misjurin u tal-istaġun. Dan hu mhux biss rifless fid-dehra friska imma wkoll fil-vantaġġ ovvju kemm f’dik li hi togħma bnina kif ukoll fil-valur nutrittiv u dan meta jsir kuntrast mal-prodott impurtat.

L-agrikultura hi l-iktar attività li tuża ilma f’Malta. Hi wkoll l-ikbar sors ta’ tniġġis tal-ilma tal-pjan. Studju li sar fl-2008 mill-British Geological Survey dwar il-kontaminazzjoni tal-ilma tal-pjan min-nitrati, studju kkummissjonat minn dik li kienet l-Awtorità Maltija tar-Riżorsi, kien ikkonkluda li n-nitrati fl-ilma tal-pjan ilhom stabbli bejn 30 u 40 sena. Dan irriżulta minkejja li s-settur agrikolu ċkien matul dan l-istess perjodu.

L-agrikultura trid tiffaċċja diversi sfidi fil-futur immedjat. It-tibdil fil-klima u l-kriżi tal-ilma huma fuq nett fil-lista ta’ dawn l-isfidi.

It-tibdil fit-temp hu bla dubju uġigħ ta’ ras. Dan bla dubju qiegħed ikollu impatt fuq il-vijabilità ta’ wħud mill-prodotti bħala riżultat tal-bdil fl-istaġuni. Imma wkoll dan jista’ joħloq il-kundizzjonijiet addattati għal-produżżjoni ta’ wċuħ ġodda.

L-età medja tal-bidwi hi ta’ madwar 55 sena. Dan mhux biss f’Malta, imma fl-Unjoni Ewropea kollha. Qed nirrealizzaw li hemm il-possibilità li fi ftit snin oħra ftit li xejn ikollna bdiewa. L-impatt ta’ dan diġà qiegħed jinħass għax hu ċar li hemm ferm inqas nies li qed iħarsu l-kampanja tagħna.

Bil-mod il-mod id-distanza bejn ir-razzett u l-mejda tal-ikel qed tikber. Din mhix aħbar tajba.

More in Blogs