opinjoni | Lil hinn mir-roundabouts u l-flyovers

Carmel Cacopardo jitkellem dwar is-sitwazzjoni tat-traffiku fil-pajjiż u l-fatt li 'l-qagħda attwali hi riżultat tal-fatt li l-politika dwar it-trasport kienet injorata għal snin twal'

Jidher li fl-aħħar l-opinjoni pubblika hi ppreokkupa bit-traffiku u l-ħtieġa li dan jinġieb ftit għall-ordni. Kemm minna imma jirrealizzaw li s-soluzzjonijiet għal dan jiddependu biss fuq il-mod kif iġib ruħu kull wieħed u waħda minna?

Il-konġestjoni tat-traffiku ddejjaqna lkoll u dan billi t-toroq tagħna huma ġġammjati għal ħin twil. Mhux biss qed nitilfu ħin twil imwaħħlin fit-traffiku talli aħna stess qed inniġġsu l-arja li għandna bżonn biex nieħdu n-nifs.

Dan ifisser li biex nindirizzaw l-impatti tat-traffiku b’mod adegwat hu meħtieġ li nindirizzaw żewġ materji: l-kwalità tal-arja u l-konġestjoni tat-traffiku.

Hu redikolu li f’pajjiż żgħir fejn id-distanzi bejn il-lokalitajiet hu wieħed minimu jkollok fl-istess ħin madwar 800 karozza għal kull elf persuna

It-titjib fl-infrastruttura tat-toroq bla dubju hu ta’ għajnuna biex it-traffiku ma jibqax imwaħħal. It-tnaqqis fid-daqs tar-roundabout ta’ Triq Manwel Dimech f’Ħal Qormi, inkella t-titjib fil-karreġġjati fil-viċinanzi tal-Ajruport tal-Gudja jew il-proposti flyovers tal-Kappara u l-Marsa ukoll ser jirrazzjonalizzaw il-moviment tat-traffiku. Però l-konsegwenza prattika ta’ dan it-titjib hu li jkun inkoraġġit iktar użu tal-karozzi. Wara dan hu biss kwistjoni ta’ żmien meta dawn l-iżviluppi infrastrutturali wkoll ma jkunux jifilħu għan-numru ta’ karozzi li jagħmlu użu minnhom. Imbagħad xi tkun is-soluzzjoni? Iktar flyovers? Tnaqqis fid-daqs ta’ iktar roundabouts? Irridu nfittxu soluzzjoni oħra.

Il-qagħda attwali hi riżultat tal-fatt li l-politika dwar it-trasport kienet injorata għal snin twal. Kemm it-trasport pubbliku kif ukoll il-forom alternattivi ta’ trasport ingħataw il-ġemb għal żmien twil.

Għandna ħtieġa ta’ politika dwar it-trasport li tħeġġeġ it-tnaqqis tal-karozzi mit-toroq. Għax hu redikolu li f’pajjiż żgħir fejn id-distanzi bejn il-lokalitajiet hu wieħed minimu jkollok fl-istess ħin madwar 800 karozza għal kull elf persuna. Is-sens komun jgħidlek li suppost hu ħafna iktar faċli li f’ċirkustanzi bħal dawn id-dipendenza fuq il-karozzi privati tkun waħda minima. Minħabba f’hekk jistgħu faċilment jittieħdu inizzjattivi fuq livell lokali. Fost oħrajn billi jkun ikoraġġit l-użu tat-trasport pubbliku inkella l-użu tar-roti u dan apparti iktar mixi li bla dubju jagħmel ġid għas-saħħa.

Qatt mhu tard li nifhmu li t-toroq huma għan-nies iktar milli għall-karozzi.

Għandna ħtieġa ta’ iktar żoni li fihom il-karozzi ma jkollhomx aċċess u dan f’kull lokalità ta’ Malta u Ghawdex. It-toroq jeħtieġ li jkunu iktar siguri biex it-tfal u l-ġenituri jistgħu jimxu bla diffikulta lejn l-iskola u lura lejn id-dar. Għandna ħtieġa ukoll ta’ bankini iktar wiesa’ għall-użu tan-nies u mhux biex jitqegħdu fuqhom l-imwejjed biex jinqdew l-istabilimenti tal-ikel u x-xorb!

Fid-diskors tal-Budget tas-sena li għaddiet il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna kien ħabbar li matul l-2017 l-entitajiet tal-Gvern kienu ser jiffinalizzaw pjani dwar transport sostenibbli. Fil-ġimgħat li ġejjin dawn il-pjani suppost li jkunu pubbliċi u bħala riżultat ta’ dan nistenna li l-entitajiet governattivi jibdew jindirizzaw il-ħtieġijiet ta’ mobilità tal-impjegati u l-klijenti tagħhom. Jekk dan l-eżerċizzju jsir sewwa jkollu impatt ukoll fuq is-settur privat possibilment bir-riżultat ta’ tnaqqis sostanzjali ta’ karozzi mit-toroq fl-iktar ħinijiet kruċjali. Dan minnu innifsu jwassal għall-impatt fuq it-trasport pubbliku li b’inqas karozzi fit-toroq bla dubju jkun iktar effiċjenti.

Fl-istess ħin huwa meħtieġ li l-Gvern jindirizza l-proposta tal-elettrifikazzjoni tas-settur kollu tat-trasport privat billi jispiċċaw (fi żmien raġjonevoli) l-karozzi kollha li jaħdmu bil-petrol u d-diesel u jkunu sostitwiti minn karozzi li jaħdmu bl-elettriku. F’Malta din il-proposta kienet fil-Manifest Elettorali ta’ Alternattiva Demokratika fl-elezzjoni ġenerali tal-2017. Minn dakinhar l-hawn tħabbru inizjattivi simili mill-gvernijiet ta’ Franza u r-Renju Unit. L-implimentazzjoni ta’ din il-proposta ttejjeb il-kwalità tal-arja fil-lokalitajiet kollha u bla dubju jkollha impatt fi tnaqqis sostanzjali ta’ mard respiratorju. Imma teħtieġ iż-żmien biex tkun implimentata.

Din hi l-unika triq possibli li nistgħu nieħdu biex bħala pajjiż nikkontrollaw aħjar it-traffiku u fl-istess ħin nassiguraw mobilità sostenibbli u kwalità aħjar tal-arja.

 

L-awtur hu Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika.

[email protected] ,    http://carmelcacopardo.wordpress.com

 

More in Blogs