opinjoni | Skola taċ-Chiswick f’Pembroke ma tagħmilx sens

'Meta l-‘Pembroke Development Brief ikun ippubbikat għall-konsultazzjoni pubblika għandu jippreżenta gwida dettaljata dwar kif dawn l-oġġettivi għandhom jintlaħqu'

L-applikazzjoni tal-ippjanar biex tkun effettivament trasferita l-iskola taċ-Chiswick mill-Kappara għal Pembroke tiftaħ kapitlu ġdid fl-oppożżizzjoni għall-oxxenitajiet tal-ippjanar li qed ifaqqsu madwarna kuljum. L-art proposta mhix barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ). Fil-fatt is-sit identifikat għall-iżvilupp propost  b’kejl ta’ 15,900 metru kwadru qiegħed fiż-żona tal-iżvilupp.

Għalfejn għandna nopponu din il-proposta? Hemm numru ta’ raġunijiet għaliex din l-applikazzjoni ta’ żvilupp għandha tkun abortita, illum qabel għada.    

Daqqa t’għajn lejn il-Pjan Lokali li nirreferu għalih bħala North Harbours Local Plan (li jikkonċerna wkoll lil Pembroke) jagħtina l-iktar raġun bażika l-għaliex din l-applikazzjoni l-anqas biss kellha tkun ippreżentata. L-art li ġiet identifikata, tifforma parti minn art ikbar li l-Pjan Lokali, li kien approvat fl-2006, jidentifika bħala li għandha tkun soġġetta għal eżerċizzju ta’ ppjanar metikoluż u li dwarha għandu joħroġ dokument imsejjaħ ‘Pembroke Development Brief. Fil-pjanta intitolata ‘Pembroke Policy Map li qed tidher ma’ dan l-artiklu, l-art inkwistjoni hi mdawra b’ċirku aħmar.

Il-Pjan Lokali jispjega b’mod ċar l-iskop li għandu jintlaħaq mill-‘Pembroke Development Brief, li s’issa għadu ma ġiex ippubblikat għall-konsultazzjoni pubblika.

L-ebda wieħed mill-oġġettivi stabbiliti mill-Pjan Lokali għall-‘Pembroke Development Brief Area ma jittratta dwar skejjel jew edukazzjoni. L-erba’ oġġettivi msemmija fil-fatt jittrattaw użu li jiġġenera impiegi ta’ natura mhux industrijali, użu assoċjat mat-tgawdija tal-ħin ħieles, Ċentru Lokali u qasam residenzjali privat. Meta l-‘Pembroke Development Brief ikun ippubbikat għall-konsultazzjoni pubblika għandu jippreżenta gwida dettaljata dwar kif dawn l-oġġettivi għandhom jintlaħqu.

Il-Pjan Lokali jistabilixxi wkoll l-obbligi tal-ippjanar li għandhom ikunu indirizzati mill-‘Pembroke Development Brief. Dawn huma: 1. titjib komprensiv tal-infrastruttura,  2. li l-inħawi (ta’ Pembroke) ikunu pprovduti b’aċċess aħjar għat-trasport pubbliku, 3. titjib tas-sistema tat-toroq fil-lokalità b’mod partikolari kif it-toroq li jagħtu għat-Triq Reġjonali jaqdu liż-żona fejn hemm l-iskejjel, 4. Il-kostruzzjoni ta’ triq bejn Triq Reġjonali u s-sit li jkopri l-‘Pembroke Development Brief, u dan flimkien ma’ titjib lis-sistema tat-toroq arterjali u lokali li jirriżulta neċessarju wara studju dwar l-impatt tat-trasport, 5. titjib f’St. Patrick’s Park u 6. titjib tal-ispazji miftuħa.

Hu ċar li l-proposta għal skola ġdida fi Triq Gabriele Henin kantuniera ma’ Triq il-Mediterran Pembroke ma tirriżultax mill-Pjan Lokali applikabbli, anzi hi f’kunflitt miegħu. Allura għalfejn l-Awtorità tal-Ippjanar qed tippermetti li din l-applikazzjoni tibqa’ pendenti? Ma jkunx aħjar kieku l-awtorità tikkonkludi l-eżami ta’ din l-applikazzjoni bla telf ta’ żmien meta hu ċar li tmur kontra dak li jipprovdi l-Pjan Lokali? Meta l-affarijiet huma daqshekk ċari għalfejn id-dewmien meta setgħet tingħata tweġiba definittiva f’ħames minuti? Meta timxi b’dan il-mod l-Awtorità tal-Ippjanar tagħti l-messaġġ li l-Pjan Lokali l-anqas jiswa’ l-karta li hu stampat fuqha!

L-iskola taċ-Chiswick li presentement qegħda  fil-Kappara, tul is-snin kellha impatt mhux żgħir fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tal-Kappara. Jekk l-iskola tiċċaqlaq lejn Pembroke dawn il-problemi kollha jkun esportati lejn Pembroke biex jiżdiedu ma’ dawk tal-iskejjel li diġà hemm f’dik il-lokalità.  Ċertament din l-iskola pproġettata mhux ser ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti ta’ Pembroke: anzi tkompli titfagħhom lura. 

L- Awtoritá tal-Ippjanar għandha responsabbiltá li tħares lir-residenti ta’ Pembroke u li tkun t-tarka tagħhom huma u jitqabdu biex itejbu l-kwalitá tal-ħajja tagħhom.

Huwa importanti mhux biss li jkollna deċiżjonijiet tajba, imma ukoll li dawn ma jdumux ma jittieħdu iktar milli meħtieġ. Għax l-iskola taċ-Chiswick f’Pembroke ma tagħmilx sens.

Imma, sfortunatament mal- Awtoritá tal-Ippjanar qatt ma taf fejn int.

 L-awtur hu Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika.

[email protected] ,    http://carmelcacopardo.wordpress.com

More in Blogs