opinjoni | Għall-Awtorità tal-Ippjanar il-profitti tal-ispekulatur huma prijorità

'L-Awtorità tal-Ippjanar għal darb'oħra baxxiet rasha: il-kilba għall-profitti reġgħet rebħet fuq il-ħtieġa tal-ħarsien ambjentali'

'Id-deċiżjoni lli ħa l-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar biex 4,748 metru kwadru ta' art barra mill-ODZ ikunu żviluppati f'Dar għall-Anzjani fin-naxxar hi preċendent ikrah li l-Awtorità għad jiddispjaċiha li ħaditu
'Id-deċiżjoni lli ħa l-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar biex 4,748 metru kwadru ta' art barra mill-ODZ ikunu żviluppati f'Dar għall-Anzjani fin-naxxar hi preċendent ikrah li l-Awtorità għad jiddispjaċiha li ħaditu

Id-deċiżjoni li ħa l-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar nhar il-Ħamis b’għaxar voti kontra tlieta biex 4,748 metru kwadru ta’ art barra miż-żona tal-iżvilupp (ODZ) ikunu żviluppati f’Dar għall-Anzjani fin-Naxxar hi preċedent ikrah li l-Awtorità għad jiddispjaċiha li ħaditu.

L-applikazzjoni bin-numru PA 3592/16 ġiet ippreżentata biex jitwaqqa’ bini li tela’ qabel l-1978 u floku tinbena faċilità għall-kura tal-anzjani fuq art “ġa disturbata”.

Din id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar taqleb ta' taħt fuq il-politika dwar l-użu tal-art u prattikament tfisser li minn issa 'l quddiem, proġetti kbar barra miż-żona tal-iżvilupp mhu se jkollhom l-ebda diffikultà biex ikunu approvati

L-ewwel punt ta’ interess hu dan il-bini ta’ qabel l-1978 li hemm fuq is-sit. Ir-rapport dwar l-applikazzjoni ta’ żvilupp jiddeskrivi din l-art bħala “razzett mitluq u fi stat ta’ abbandun”. Meta nbena, dan ir-razzett kien meħtieġ fl-interess tal-agrikultura. Issa li dan ir-razzett hu abbandunat kien ikun iktar għaqli kieku l-art ġiet irrestawrata għall-istat oriġinali tagħha biex tieħu lura postha bħala parti mill-pajsaġġ rurali. Minflok qed tintuża bħala għodda biex twaqqa’ għar-redikolu l-politika dwar l-ippjanar tal-użu tal-art.

L-Awtorità tal-Ippjanar skont dak li jipprovdi l-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED: Strategic Plan for Environment and Development) talbet lill-applikant biex jikkummissjona studju ħalli jiġi stabbilit jekk fiż-żona ta’ żvilupp, fil-viċinanzi, kienx hemm art tajba għall-iżvilupp li setgħet tintuża għall-iskop mixtieq u ċioe biex tinbena dar għall-anzjani.

Dan ir-rapport (site selection report), datat Mejju 2016, fil-fatt identifika żewġ siti li t-tnejn kienu ikbar milli meħtieġ. Ir-rapport jgħid li s-siti identifikati kellhom “potenzjal kbir” bħala siti alternattivi għall-proġett taħt konsiderazzjoni. L-ewwel sit kellu qies ta’ 11,287 metru kwadru fil-waqt li t-tieni sit kellu qies ta’ 6,844 metru kwadru. It-tnejn kienu fin-Naxxar viċin tas-sit taħt konsiderazzjoni.

Wara, l-Awtorità tal-Ippjanar talbet lill-applikant biex jipproduċi studju dwar l-impatti finanzjarji tal-proġett. Dan l-istudju kien lest fi ftit żmien tant li hu datat 30 ta’ Mejju 2016. Fi ftit kliem dan ir-rapport ta’ sitt paġni, miktub minn accountant, jikkonkludi li billi l-art tajba għall-iżvilupp tiswa ferm iktar minn art ODZ (li mhix normalment ikkunsidrata għall-iżvilupp) il-proġett seta’ jrendi biss jekk tkun użata art ODZ!

Fid-diskussjoni waqt is-seduta pubblika ta’ nhar il-Ħamis tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, iċ-Chairman Eżekuttiv tal-istess Awtorità qal li l-istudju dwar l-impatt finanzjarju tal-proġett kien ivverifikat mill-konsulenti tal- Awtorità li wara aċċettatu u talbet lill-applikant biex jibda jikkunsidra art fl-ODZ.

Din id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar taqleb ta’ taħt fuq il-politika dwar l-użu tal-art u prattikament tfisser li minn issa ’l quddiem proġetti kbar barra miż-żona tal-iżvilupp mhu ser ikollhom l-ebda diffikulta biex ikunu approvati. M’hemmx ħtieġa li tkun professur biex tifhem li minn issa ’l quddiem kull żvilupp ODZ jista’ jkun iġġustifikat mill- Awtorità tal-Ippjanar a bażi tal-fatt li l-art ODZ tiswa ferm inqas mill-art tajba għall-iżvilupp.

Jekk inħarsu ftit sewwa lejn ir-rapport tal-accountant insiru nafu li l-art ODZ kellha l-prezz ta’ €1,200,000 fil-waqt li l-art l-oħra tal-qies meħtieġ għall-proġett kellha prezz ta’ madwar €5 miljuni u nofs f’kull każ. Differenza ta’ madwar 4 darbiet!

Bħala riżultat ta’ din id-deċiżjoni, fl-opinjoni tiegħi, l-Awtorità tal-Ippjanar irmiet ix-xogħol utli li numru kbir ta’ professjonisti tal-ambjent u tal-ippjanar tal-użu tal-art għamlu tul dawn l-aħħar ħamsa u għoxrin sena. Hi deċiżjoni li tmur kontra l-emfasi kontinwa dwar il-ħtieġa li l-art limitata li għandu l-pajjiż tintuża b’mod sostenibbli. L- Awtorità tal-Ippjanar għal darba oħra baxxiet rasha: il-kilba għall-profitti reġgħet rebħet fuq il-ħtieġa tal-ħarsien ambjentali. Il-bilanċ fil-kont tal-bank tal-ispekulatur hu iktar importanti għall-Awtorità tal-Ippjanar mill-użu sostenibbli tal-art f’pajjiżna.

Meta ttieħed il-vot finali, tlieta biss kienu l-membri tal-Bord tal- Awtorità tal-Ippjanar li vvutaw kontra: is-Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami, iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi Victor Axiaq kif ukoll r-rappreżentanta tal-għaqdiet ambjentali - Annick Bonello. It-tlieta li huma mmotivaw id-deċiżjoni tagħhom li jivvutaw kontra l-proposta ta’ żvilupp minħabba li mhux aċċettabbli li tkun użata art ODZ għal dan l-iskop.

 

L-awtur hu Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected] , http://carmelcacopardo.wordpress.com

More in Blogs