L-iskart għandu valur

Li dak li nużaw, ma narmuħx meta ma jibqgħalniex użu għalih jagħmel ħafna sens ambjentali... imma jagħmel ukoll ħafna sens ekonomiku

BħaIissa diversi jitkellmu dwar ekonomija ċirkulari, imma bosta m’għandhomx idea din x’inhi.

L-ekonomija tagħna hi xi minn daqqiet deskritta bħala ekonomija lineari (jiġifieri linja dritta) u dan billi nieħdu l-materja prima mill-art, nipproduċu l-prodotti li neħtieġu u wara li nużawhom, narmuhom. F’kuntrast ma’ dan, l-ekonomija ċirkulari tfittex li flok ma jintrema dak li nkunu użajna, minnu niġġeneraw xi ħaġa oħra. B’dan il-mod, dak li nkunu ħadna mill-art, wara li jintuża, flok ma jintrema, iservi biex jiġġenera prodotti oħra.

Dan huwa proċess li ġie deskritt bħala ‘mill-benniena għall-benniena’ u jikkuntrasta mal-mod kif naħdmu llum fejn dak li nipproduċu jwassal ‘mill-benniena sal-qabar’, meta prodotti jintremew għax ma jibqgħux ta’ użu. Li dak li nużaw, ma narmuhx meta ma jibqgħalniex użu għalih jagħmel ħafna sens ambjentali. Imma jagħmel ukoll ħafna sens ekonomiku.

II-pjan ta’ Malta għall-immaniġjar tal-iskart jipponta f’din id-direzzjoni u fil-fatt jistabilixxi l-mira li sal-2050 ma niġġenerawx iktar skart: mira żero skart. Din il-mira trid tintlaħaq 33 sena oħra li għalkemm jidhru ftit ’il bogħod, fil-fatt jista’ jkun li m’hemmx biżżejjed żmien biex nibdlu l-mod kif naħsbu. Hemm ħafna xogħol x’isir.

Il-mira ta’ skart żero trid tintlaħaq 33 sena oħra li għalkemm jidhru ftit ’il bogħod, fil-fatt jista’ jkun li m’hemmx biżżejjed żmien biex nibdlu l-mod kif naħsbu

Idealment l-ewwel miżura li għandna nieħdu dwar l-iskart hi li nippruvaw innaqqsu l-iskart li niġġeneraw. Dan kieku jkun ħafna aħjar milli nippruvaw naraw x’ser nagħmlu bih! F’xi każi, dan jista’ jsir b’faċilità. Per eżempju nistgħu nnaqqsu l-iskart organiku li narmu billi nippjanaw aħjar dwar dak li nieklu fi djarna. Nistgħu nnaqqsu wkoll ir-rimi tal-pakketti u l-laned li fihom ikun l-ikel billi nixtru u nieklu iktar ikel frisk, li ġeneralment ikun ikel li nipproduċu fil-pajjiż.

Ovvjament, ħafna minna m’għandniex il-ħin biex naħsbu dwar in-numru kbir ta’ deċiżjonijiet żgħar li nieħdu kuljum u li bħala riżultat tagħhom niġġeneraw ħafna skart. Il-konvenjenza tal-ikel fil-pakketti jew ta’ ikel ipproċessat li nixtru fil-laned kbar u żgħar, ħafna drabi tkun it-triq faċli, għax kulħadd għandu x’jagħmel u ħadd m’għandu ħin żejjed! Dan iwassal għal konsegwenza mhux biss ta’ skart li stajna nevitaw imma wkoll li nispiċċaw nieklu ikel li hu inqas sustanzjuż.

Bħalissa f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex għaddej proġett pilota dwar l-iskart organiku. Ilu ftit li beda, u għalkemm ma ħarġitx informazzjoni uffiċjali dwaru hu magħruf li kellu reazzjoni mħallta. Imma bil-mod il-mod qed ikollu suċċess.

Jekk il-ġbir tal-iskart organiku jsir sewwa, l-iskart li jispiċċa fil-borża s-sewda jista’ jonqos bin-nofs. Hemm ukoll il-vantaġġ li meta l-iskart organiku ma jibqax jintefa’ fil-miżbla, u minflok ikun iproċessat fl-impjant tal-iskart, il-gassijiet li jirriżutaw minnu meta jiddikomponi jservu biex nipproduċu l-elettriku minflok ma jikkontribwixxu għal gassijiet serra li huma l-kawża tat-tibdil fil-klima. Dan ċertament huwa għal vantaġġ ta’ kulħadd.

Hi politika tajba dik li biha nistgħu naslu biex innaqqsu ħamsin fil-mija tal-iskart fil-borża s-sewda. Imma biex naslu, hemm ħtieġa ta’ investiment sostanzjali fl-edukazzjoni ambjentali fil-lokalitajiet tagħna. Il-Wasteserv, li ultimament hi responsabbli għall-immaniġjar tal-iskart fil-gżejjer Maltin, diġà ħadet bosta inizjattivi. Imma hemm ħafna iktar x’isir. Qatt iżda ma tista’ tgħid li sar biżżejjed.

Għandna bżonn nifhmu li l-iskart jikkonsisti f’riżorsi li użajna. Dawn ukoll għandhom valur u l-ekonomija ċirkulari tipprova ssarraf dan il-valur. Għalhekk il-mira ta’ skart żero biex ma nibqgħux nipproduċu skart imma dak li ma jibqagħlux użu għalina xorta għandu valur.

 

Carmel Cacopardo hu l-Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika. [email protected], http://carmelcacopardo.wordpress.com

More in Blogs