2016: sena ta’ ħidma u riżultati

Dan iż-żmien tas-sena huwa żmien ta’ riflessjoni iktar minn żminijiet oħra. Matulhom nagħmlu analiżi tas-sena li għaddiet u naraw x’inhuma l-isfidi taż-żmien li ġej.

L-2016 kienet sena intensa ħafna politikament fejn sar ħafna xogħol biex ikompli jitwettaq il-programm elettorali tal-Gvern. Waqt li m’iniex qed ngħid li l-Gvern hu perfett, jibqa’ l-fatt li oġġettivament nemmen li f is-sena li għada kif spiċċat reġgħu nkisbu suċċessi ekonomiċi, politiċi u soċjali kbar b’ritmu li qatt ma rajna bħalu fl-istorja riċenti ta’ pajjiżna li minnhom qed igawdu eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin.

Bħala sena, l-2016 kienet ikkargata ħafna u min ma jifhimx fil-politika, faċilment jista’ bi żball jaħseb li konna f’nofs kampanja elettorali. L-Oppożizzjoni għafset ħafna fuq kwistjonijiet ta’ governanza, waqt li l-Gvern għafas fuq is-suċċessi li nkisbu u li għamlu differenza fil-ħajja tan-nies.

Naħseb li l-Oppożizzjoni qed tilgħab il-karti tagħha ħażin ħafna u m’għandix dubju li fi żmien ftit snin se tirrealizza l-iżbalji kardinali li wettqet matul is-sena li għaddiet u – milli qed nara – se tkompli twettaq. Biex ħadd ma jifhimni ħażin, ma rridx infisser li aħna bħala l-Gvern ma rridux nitgħallmu mill-affarijiet li stajna għamilna aħjar u dejjem inkunu nistgħu nagħmlu aħjar. Iżda kull min hu serju u għandu għajnejh f’wiċċu jaf li qed isir xogħol enormi b’riformi li għal snin twal kien hawn ħafna li qatgħu qalbhom li qatt jistgħu jsiru.

Ħidma sħiħa

Dan japplika wkoll għall-ħidma li wettaqna fl-2016 fil-qasam tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali. M’iniex se ngħid li konna perfetti f’kull ma għamilna – għaliex ma konniex – imma x-xogħol li sar, kien wieħed kbir ħafna li għamel id-differenza.

Ħa nelenka ftit mill-kisbiet tas-sena li għada kif spiċċat u se niffoka fuq Ġustizzja u Kultura, peress li m’għandix dubju li sieħbi Stefan Buontempo se jkun qed jiffoka f’ħidmietu dwar ix-xogħol li sar fil-qasam tal-Gvern Lokali.  Kelli bilfors inħalli uħud mill-inizjattivi barra minħabba l-ispazju:

Fil-kamp tal-Ġustizzja:

  • Ħdimna kemm flaħna biex jitħaffew iktar il-kawżi, speċjalment fil-kamp ċivili. Minkejja d-diffikultajiet, rajna riżultati importanti ħafna fejn id-dewmien naqas, l-ammont ta’ kawżi deċiżi żdied u l-ammont ta’ kawżi pendenti naqas. Ġejna mfaħħra mill-Kummissjoni Ewropea u mill-IMF tax-xogħol kbir li qed isir fil-qasam tal-Ġustizzja biex jitkisser id-dewmien u l-kawżi jitħaffu iktar. B’mod partikolari, il-Justice Scoreboard wera sinjali pożittivi ħafna li qed jinħassu on the ground speċjalment fil-kamp ċivili. Dan kien aspett li personalment tagħni sodisfazzjon kbir. Fadal ħafna xi jsir, però qegħdin fit-triq it-tajba.
     
  • Daħħalna emendi Kostituzzjonali storiċi li ġew imfaħħra kemm mill-Gvern u kemm mill-Oppożizzjoni biex insaħħu l-mod ta’ kif jinħatru l-Ġudikanti, insaħħu l-kontabbilità tal-ġudikanti u ntejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ġudikanti biex inkomplu nattiraw l-aħjar imħuħ. Jekk nieħdu l-metodu tal-ħatra tal-Ġudikanti, issa hemm kumitat ta’ ħames nies distinti - il-Prim Imħallef, l-Avukat Ġenerali, l-Ombudsman, l-Awditur Ġenerali u l-President tal-Kamra tal-Avukati – li jgħarblu espressjonijiet ta’ interess li jidħlu minn żmien għal żmien minn avukati li huma mħajra li jidħlu fil-ġudikatura. Dan il-kumitat, bil-qbil miegħi, ippubblika lista ta’ kriterji li abbażi tagħhom titkejjel l-eliġibbiltà u l-mertu ta’ avukati interessati li jidħlu fil-ġudikatura. Ebda Gvern ma jista’ jaqbad u jaħtar avukat biex iservi ta’ Imħallef jew Maġistrat jekk l-ewwel ma jkollux parir mill-Kumitat. Sabiex inżommu sistema ta’ checks and balances anke fuq il-Kumitat innifsu, il-Gvern ikun jista’ xorta jaħtar Imħallef jew Maġistrat li ma jkunx kiseb parir pożittiv mill-Kumitat iżda biex jagħmel dan, irid imur quddiem il-Parlament u jippubblika din l-intenzjoni fil-gazzetta tal-Gvern. Nemmen li minkejja xi kritika li qamet minn xi bnadi lejn din is-sistema, hemm diversi saffi ta’ checks and balances li jagħmlu din is-sistema waħda tajba, pożittiva u pass ’il quddiem.
     
  • Daħħalna għall-ewwel darba citizens’ charter li beda t-triq għal sistema citizen-centred anke fis-settur delikat tal-Ġustizzja. F’dan iċ-Charter, daħħalna elenku tad-drittijiet li għandu persuna li tidħol il-Qorti kemm fil-kamp ċivili u iktar u iktar fil-kamp penali. Irrid infakkar li f’din il-legiżlatura, saħħaħna f’livelli bla preċedent l-ammont ta’ drittijiet proċedurali li persuna arrestata jkollu sabiex insaħħu l-garanziji taċ-ċittadin fl-iktar mumenti vulnerabbli tiegħu;
     
  • Fassalna l-pedament, wara konsultazzjoni miftuħa, biex inwessgħu l-istitut tal-medjazzjoni sabiex iktar nies jiġu inċentivati jirrisolvu t-tilwim tagħhom barra mill-Qorti u b’hekk jiffrankaw il-flus u d-dewmien bla bżonn.
     
  • Żidna l-IT enhancements b’servizzi ġodda li qed jagħmlu d-differenza fil-ħajja tal-practitioners fis-settur legali. Mill-bidu tal-legiżlatura daħħalna lista ma tispiċċa qatt ta’ servizzi ġodda li huma kollha b’xejn u bla ħlas u għalaqna s-sena b’servizz ġdid ta’ faċilità li wieħed iħallas il-multi online;
     
  • Ħabbarna xogħlijiet strutturali għal tliet awli ġodda u faċilitajiet oħra fil-bini tal-Qorti;
     
  • Għamilna sforz importanti biex negħlbu l-burokrazija f’erba’ oqsma kruċjali għal raġunijiet differenti: il-proċedura ċivili b’mod ġenerali fejn daħħalna riformi importanti, ir-riċerki testamentari, ir-revoka tal-prokuri u l-bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tkun in komproprjetà;
     
  • Saħħaħna t-taħriġ tal-Ġudikatura, anke bl-għajnuna tal-IOM;
     
  • Daħħalna d-dritt tal-avukat waqt l-arrest biex hekk saħħaħna l-garanziji għaċ-ċittadin fl-iktar mument fejn ikun vulnerabbli. Dan kien qasam fejn Gvern preċedenti kien kaxkar saqajh inultilment għal ħafna żmien u kellu jkun dan il-Gvern li jagħmel id-differenza;
     
  • Issensibilizzajna bil-bosta l-qasam tal-inforzar lokali biex, wara sena mit-twaqqif tal-LESA, bdejna naraw is-sinjali pożittivi. Inqas ċitazzjonijiet li kienu jinħargu b’abbuż, iktar infurzar fejn mistħoqq u fejn il-poplu jrid id-dixxiplina.
     
  • Wettaqna ħidma ma taqta’ xejn biex nippreparaw għall-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ġustizzja.
     
  • Komplejna mmexxu ’l quddiem il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment li qed jattira investiment kruċjali għal pajjiżna. F’Identity Malta saħħaħna s-sistemi kemm fejn jidħlu Visas u kemm fejn jidħlu residenzi sabiex il-poplu jkollu moħħu mistrieħ li l-affarijiet isiru sew u bl-aħjar mod. F’identity Malta wkoll inawgurajna l-magni ġodda tal-passaporti li għandhom sistemi ta’ sigurtà b’saħħithom ħafna.

Fil-kamp tal-Kultura, Patrimonju u Xandir

  • Nemmen li s-sena 2016 se tibqa’ mfakkra b’għożża għal min għandu għal qalbu s-settur kulturali. Biżżejjed insemmi żewġ proġetti kbar li poġġew lil pajjiżna fl-aħbarijiet Ewropej u internazzjonali: is-Summit Dinji tal-Kultura (IFAACA) u l-ħidma mal-Vatikan fejn jidħol il-presepju Malti u l-kunċert tal-Orkestra Nazzjonali;
     
  • Dawn iż-żewġ avvenimenti kienu differenti fix-xorta tagħhom iżda l-impatt li ħallew kien wieħed tremend. Fis-Summit tal-Kultura stajna nitkellmu aħjar ma’ min imexxi s-settur kulturali fid-diversi postijiet madwar id-dinja kollha u noħolqu konversazzjonijiet importanti li fuqhom nistgħu nkomplu nibnu. Fil-ħidma li għamilna, mbagħad, mal-Vatikan stajna nesebixxu t-talenti artistiċi tal-Maltin fuq pjattaformi dinjija. Il-ġid kbir li ħareġ minn dawn iż-żewġ inizzjattivi diffiċli nispjegah fi kliem;
     
  • Bl-istess mod nedejna b'suċċess l-App tal-Meludia bl-għajnuna diretta tat-tenur Joseph Calleja.
     
  • Waqt li kien għaddej dan ix-xogħol kollu, tellajna b’suċċess il-festivals kollha li jittellgħu kull sena u żidna wieħed ieħor miegħu: dak tar-Rock li mar tajjeb ukoll. Nedejna esperiment li rnexxa ħafna – dak li fergħa mill-Karnival tas-sajf ma jittellax biss fit-Tramuntana imma jinżel ukoll fin-Nofsinhar (Marsaskala). Kellna l-istess tip ta’ suċċess waqt in-Notte Bianca meta estendejna fergħa minn dan l-avveniment fil-Kottonera.
     
  • Ħejjejna l-applikazzjonijiet kollha għal fondi Ewropej biex niffinanzjaw infrastruttura kulturali li hija kruċjali għall-avvanz ta’ pajjiżna. Ħadt gost ħafna li kellna riżultat pożittiv immens u b’hekk, bħalma nedejna l-Forti Sant Anglu u l-Forti Sant Iermu, matul din il-legiżlatura nistgħu nkomplu naħdmu u nwasslu proġetti oħra daqstant importanti fis-settur kulturali;
     
  • Il-ħidma li se twassalna sal-2018 baqgħet għaddejja ġmielha. Kuntent ħafna kif taħt it-tmexxija ta’ Jason Micallef, Valletta 2018 qed tikseb suċċess wara l-ieħor sabiex fl-2018 tkun sena li tibqa’ mfakkra mhux biss għal dak li seħħ matul dik is-sena iżda iktar importanti minn hekk għall-wirt stupend li tkun ħalliet;
     
  • Fil-qasam tal-ħarsien tal-Wirt Storiku u r-Restawr, sar xogħol imprezzabbli li jidher b’mod ċar. Iddur fejn iddur fil-Belt u f’diversi postijiet madwar pajjiżna ssib ħidma ma taqta’ xejn mis-Sovraintenza tal-Patrimonju Kulturali, Heritage Malta u d-Direttorat tar-Restawr. Biex tieħu eżempju wieħed, biżżejjed tara x-xogħol stupend li sar matul din is-sena minn dawn it-tliet entitajiet – id f’id mal-GHRC b’sinerġija perfetta – biex il-Palazz tal-President jilqa’ l-Presidenza ta’ Malta tal-Unjoni Ewropea. Xogħol li sar fil-ħin, bl-iktar mod effiċjenti u ta’ kwalità.
     
  • Anke mal-NGOs fis-settur tal-Wirt Storiku u l-Patrimonju saħħaħna l-ħidma- inkluż bl-iffirmar ta’ guardianship deeds li se jgħinu biex jivvalorizzaw l-assi ta’ pajjiżna.
     
  • Fil-qasam tax-Xandir, għaddejjin riformi importanti li se jkomplu jsaħħu l-Istazzjon Nazzjonali tagħna biex ikompli jwettaq il-funzjoni kruċjali li għandu għall-ġid ta’ dan il-pajjiż.

Il-PBS din is-sena ħareġ bl-unuri fl-organizzazzjoni stupenda tal-Junior Eurovision.  Bl-istess mod, il-PBS ta kontribut kruċjali lill-kultura billi nieda l-proġett FilmMalta.

Is-sena 2017

Qed inħares b’ottimiżmu tremend lejn is-sena 2017. Se nkomplu naħdmu iktar biex inwettqu iktar. Dan hu Gvern li se jibqa’ msemmi fl-istorja għall-kisbiet kbar li għamel u dan itina enerġija kbira biex inkomplu nwettqu iktar.

Fl-ewwel sitt xhur tas-sena d-dieħla se jkollna f’idejna l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri tal-UE. Se nagħtu l-massimu tagħna biex din tkun suċċess. Biss, bl-istess mod se nagħtu l-massimu tagħna biex il-ħidma lokali wkoll tkun suċċess.

Grazzi

Doveruż li nirringrazzja minn qalbi n-nies kollha li flimkien magħhom wettaqna dan ix-xogħol kollu u iktar li minnu gawda l-poplu Malti u Għawdxi. Konvint li n-nies tifhem li din hi ħidma li qed twassal għal kwalità ta’ ħajja aħjar għall-familji u negozji Maltin u Għawdxin.

Awguri

Nawgura sena 2017 mill-isbaħ lill-qarrejja kollha ta’ dan il-ġurnal!

More in Blogs