Narmu l-ilma tax-xita fil-baħar

Xi snin ilu, f’eżerċiżżju ta’ ħela ta’ flus, il-Gvern nefaq miljuni biex iħaffer mini taħt l-art ħalli fihom jinġabar l-ilma tax-xita... li imbagħad fil-parti l-kbira tiegħu, jintrema l-baħar

Nhar il-Ġimgħa, l-inżul tax-xita ma waqafx u bosta mit-toroq prinċipali kienu mimlijin ilma. Kien hemm ukoll tappieri tad-drenaġġ f’xi inħawi li kienu qed ifawru ilma jrejjaħ. Dan kollu mhux l-ewwel darba li ġara. Jiġri kull meta tagħmel xita qawwija jew inkella xita fit-tul.

Dan ġara u jibqa’ jiġri minħabba f’inkompetenza tal-awtoritajiet tul is-snin. Għax, minkejja li ilna iktar minn 135 sena b’liġijiet u policies li jobbligaw li l-ilma tax-xita li jaqa’ fuq il-bjut tar-residenzi tagħna jinġabar f’bir apposta, dan, ħafna drabi, ma jsirx.

Flok ma jinġabar fil-bir, dan l-ilma jispiċċa fit-triq inkella fid-drenaġġ. Għalhekk ikollna ħafna ilma fit-triq kif ukoll tappieri jfawru d-drenaġġ!  Din hi responsabbiltà ta’ min għażel li jagħlaq għajnejh għall-irregolaritajiet minkejja li kellu l-obbligu li jara li dawn l-irregolaritajiet ma jseħħux.

Xi snin ilu, f’eżerċiżżju ta’ ħela ta’ flus, il-Gvern kien iddeċieda li jonfoq il-miljuni (inkluż ammont sostanzjali mill-fondi tal-Unjoni Ewropea) biex iħaffer mini taħt l-art ħalli fihom jinġabar l-ilma tax-xita li imbagħad fil-parti l-kbira tiegħu, jintrema l-baħar. Il-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi kien daħal għal din l-ispiża minflok ma dar fuq is-sidien tar-residenzi (u fejn applikabbli fuq l-iżviluppaturi li bnewhom) biex iħaffru l-bjar nieqsa ħalli b’hekk, l-ilma tax-xita, flok ma jinġabar fit-toroq u fid-drenaġġ li jfur fit-toroq ul-bajjiet tagħna, fil-parti l-kbira tiegħu jibda jinġabar f’dawn il-bjar.

Il-Gvern kien daħal għal spiża minflok ma dar fuq is-sidien tar-residenzi biex iħaffru l-bjar nieqsa ħalli b’hekk, l-ilma tax-xita, flok ma jinġabar fit-toroq, jibda jinġabar f’dawn il-bjar

Minflok mal-ispejjes tħallsu minn dawk li ħolqu l-problema, tqiegħed piż ieħor fuq l-ispiża pubblika. Min fondi pubbliċi tħallsu l-ispejjes tal-iżbalji li saru minn min kien responsabbli għall-iżvilupp.

Fost il-kawża ta’ dawn il-problemi, hemm blokki ta’ flats u maisonettes f’kull parti ta’ Malta u Għawdex.

Bħala pajjiż, infaqna l-flus biex irmejna l-ilma l-baħar ħalli mbagħad nerġgħu niġbruh mill-baħar fl-impjanti tar-reverse osmosis. Kien ikun ħafna iktar utli kieku dan l-ilma nġabar fid-djar tagħna kif kienu jagħmlu bi ħsieb missierijietna. Għax in-natura kull sena tipprovdilna biżżejjed ilma għall-parti l-kbira tal-ħtiġijiet tagħna u huwa kollu tort tagħna li din ir-riżorsa prezzjusa qed tinħela. 

 

L-awtur hu Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika.  [email protected]http://carmelcacopardo.wordpress.com

More in Blogs