L-aħjar żmien għal pajjiżna għad irid jiġi

"Din il-ġimgħa ħarġet statistika Ewropea li tgħid li ras għal ras, pajjiżna hu l-iktar pajjiż fl-Ewropa li fl-2015 ta permessi ġodda ta’ residenza..."

Ir-replika tal-Prim Ministru Joseph Muscat din il-ġimgħa fil-Parlament kienet waħda mill-aħjar li qatt smajt kemm ili nsewġi attivament il-politika. Kienet waħda mill-aħjar mhux biss għaliex id-delivery tal-Prim Ministru kienet b’saħħitha, interessanti u li żżommok tisimgħu l-ħin kollu, imma għaliex meta tagħsar dak li ngħad issib numru ta’ affarijiet sbieħ.

L-ewwel nett issib konsistenza sħiħa ma’ dak li kien jingħad meta l-Prim Ministru attwali laħaq Mexxej tal-Partit Laburista fl-2008. Dakinhar, Joseph Muscat rebaħ il-fiduċja tad-delegati għaliex kien spjega b’mod ċar li kellu pjan u qal kif se jwettaq dak il-pjan.

Fid-diskors li għamel fil-Parlament, Joseph Muscat kompla jibni fuq dak il-pjan ċar. Fi kliem ieħor, Joseph Muscat kellu u għandu viżjoni ċara għal Malta u jaf eżatt kif iwettaq u jittraduċi f’realtà dik il-viżjoni.

It-tieni nett issib rieda tal-azzar li Malta ssir verament aħjar u l-aħjar. Kull min bħali kellu x-xorti jaħdem fil-qrib mal-Prim Ministru jaf li Joseph Muscat hu bniedem li litteralment kull sekonda tal-ġurnata jaħdem u jieħu d-deċiżjonijiet biex il-pajjiż tagħna jsir dejjem iktar aħjar. Anke meta tkun taħseb li wieħed laħaq il-limitu ta’ fejn pajjiżna jista’ jasal, Joseph Muscat jibqa’ jixpruna sabiex dak il-limitu jkompli jinqabeż u pajjiżna jibqa’ jitjieb.

It-tielet nett issib li Joseph Muscat jinteressah minn dak li jaħseb il-poplu u jrid li jindirizza dak li jinkwetah. Jgħid l-affarijiet kif inhuma – jgħid fejn sejrin tajjeb u fejn jixtieq li mmorru aħjar. Jgħid x’għamel u x’beħsiebu jagħmel iktar. L-abbiltà tiegħu li jifhem eżatt x’qed iħoss u x’jixtieq il-poplu hija xi ħaġa ta’ barra minn hawn.

Ir-raba’ nett issib li Joseph Muscat qed iwettaq il-kelma li ta fuq l-affarijiet li qal li kien se jagħmel. Lista ma tispiċċa qatt ta’ affarijiet li wettaqna...kollox fi żmien qasir ta’ ftit iktar minn tliet snin. U l-familji fid-djar tagħhom jafu li dan hu Gvern li jaħdem u Gvern li jwettaq.

Kif qal il-Prim Ministru, l-aqwa upgrade mhux Standard & Poor’s tahulna imma l-familji li jafu bil-ħidma kbira li qed issir.

L-aħbar it-tajba hi li l-aqwa żmien ta’ pajjiżna għad irid jiġi. Il-poplu hu ottimist u bir-raġun – għaliex il-futur hu wieħed sabiħ.

Residenzi

Jekk hemm settur li personalment bħala Ministru nieħu b’serjetà u attenzjoni sħiħa huwa dak tal-għoti ta’ ċittadinanzi, Visas u permessi ta’ residenzi.

F’dan ix-xogħol hemm żewġ estremi li kultant ma jimxux id f’id ma’ xulxin.

Minn banda waħda għandek min jimpjega li jistenna, bir-raġun, li s-servizz tal-għoti tal-Visas u permessi ta’ residenzi jkun effiċjenti u jkun wieħed li jlaħħaq mar-rata ta’ tkabbir tal-ekonomija. Inutli li nkabbru l-ekonomija, jekk imbagħad is-sistema kollha kemm hi tal-Gvern ma tlaħħaqx ma’ dan it-tkabbir.

Aħna kommessi li nkunu sensittivi għax-xewqat ta’ min jimpjega u min jinvesti f’pajjiżna li jkollu sistemi effiċjenti li bihom ħaddiema barranin (ladarba mhumiex qed isibu ħaddiema Maltin) ikunu jistgħu jaħdmu f’Malta.

Fl-istess waqt hemm l-estrem l-ieħor li jorbot mas-sigurtà ta’ pajjiżna u t-tħassib ġenwin ta’ ċertu sezzjoni tal-poplu fuq l-ammont ta’ barranin li għandna f’pajjiżna. Jiena b’mod partikolari għandi responsabbiltà forsi iktar minn ħaddieħor li nara li waqt li s-sistemi għall-ħruġ tal-Visas u permessi ta’ residenza jkunu effiċjenti, fl-istess waqt jibqgħu jsiru bl-aħjar mod l-aċċertamenti kollha li jkun hemm bżonn.

Din il-ġimgħa ħarġet statistika Ewropea li tgħid li ras għal ras, pajjiżna hu l-iktar pajjiż fl-Ewropa li fl-2015 ta permessi ġodda ta’ residenza lil, s’intendi, nies mhux Maltin.

Dan ifisser li l-Gvern hu iktar sensittiv għat-talba ta’ min iħaddem li jridu sistemi iktar effiċjenti biex ħaddiema jingħataw il-permessi ta’ residenza. U kif se nispjega jfisser ukoll li l-Gvern hu iktar sensittiv għat-talbiet ta’ min hu involut fit-tagħlim lill-barranin biex studenti jingħataw permess li jistudjaw.

Tajjeb nispjega ftit xi figuri.

Qabelxejn, matul is-sena li għaddiet inħarġu prattikament 10,000 permess ġdid ta’ residenza. Ftit inqas minn tletin fil-mija ta’ dawn il-permessi nħarġu għal raġunijiet ta’ xogħol.  Ftit iktar minn 20 fil-mija ta’ dawn il-permessi nħarġu għal raġunijiet familjarji, fosthom biex dak li jkun jingħaqad mal-familja.

Ftit iktar minn 20 fil-mija oħra nħarġu għal raġunijiet ta’ studju – u f’dan is-settur nafu kemm hawn għatx ta’ investituri li fis-settur tat-tagħlim lill-barranin (bħal pereżempju Kolombjani) qed jaraw ġustament niċċa ta’ tkabbir ekonomiku. Din hi xi ħaġa li aħna nissapportjaw u nagħmlulhom kuraġġ.

Li jifdal, jiġifieri ftit iktar minn 25 fil-mija huma dawk li nħariġilhom permess ta’ residenza abbażi ta’ programmi partikolari, bħalma huma l-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment u l-programmi ta’ residenza speċjali li kull Gvern għamel minnhom matul is-snin.

Ras għal ras, pajjiżna hu l-iktar pajjiż fl-Ewropa li fl-2015 ta permessi ġodda ta’ residenza lil barranin

Issa rrid ngħid li overall żidna r-rigorożità fil-proċeduri u naqqasna numru ta’ permessi ta’ residenza f’oqsma partikolari. Ħa nġib ftit eżempji: persuni li ma kellhomx status f’Malta, ma bqajniex inġeddulhom jekk ma kellhomx raġuni valida. Inkella, eżempju ieħor, persuni li kienu jġeddu l-permess temporanju minħabba li kienu qed jistennew iċ-ċittadinanza naqsu b’mod sostnut għaliex personalment rajt kif indirizzajt il-backlog fejn jidħlu applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanzi.

Tajjeb li jingħad li l-ammont ta’ permessi ta’ residenzi ġodda lil Libjani naqas b’31 fil-mija, li huwa ammont sinnifikanti.

Issa tajjeb li naraw pajjiżi oħra x’qed jagħmlu. Personalment laqtuni xi affarijiet li ma rajthom imkien rapportati fil-mezzi tax-xandir ta’ pajjiżna:

1)   Ċipru ħareġ l-ikbar numru ta’ permessi ta’ residenza ġodda lil ċittadini Russi. Qed nifhem li dan sar biex jattira ċittadini Russi high-net worth;

2)   Franza u Spanja ħarġu l-ikbar numru ta’ permessi ta’ residenzi ġodda lil ċittadini mill-Marokk u l-Alġerija. S’intendi hemm raġunijiet lingwistiċi u storiċi għala dan iseħħ.

3)  Il-Ġermanja ħarġet mijiet ta’ eluf ta’ permessi ta’ residenzi ġodda lil Torok u l-Polonja ħarġet l-ikbar ammont ta’ permessi ta’ residenza lil Ukreni. S’intendi, bħal fil-każ ta’ Franza u Spanja, hemm raġunijiet lingwistiċi u storiċi għala dan iseħħ.

4)   Id-Danimarka, l-Irlanda, il-Greċja, Franza, l-Italja, l-Albanija, il-Lussemburgu, l-Ungerija, il-Finlandja, l-Iżvezja u l-Gran Brittanja kollha għandhom ħaġa in komuni: li fejn jidħlu ċ-Ċiniżi dawn jidhru minn quddiem nett fejn jidħlu n-nazzjonalitajiet li għalihom inħarġu ħafna permessi ta’ residenza.  Hawn Malta issib min ibeżża biċ-Ċiniżi għax ikollhom subgħajhom fuq l-iswiċċijiet, u l-bqija tal-Ewropa kompetizzjoni sħiħa min joħroġ l-iktar permessi ta’ residenza liċ-Ċiniżi!

Nieħu l-opportunità li nirringrazzja lill-ħaddiema kollha ta’ Identity Malta li mmexxija minn Dr Joe Vella Bonnici qed jagħmlu xogħol tajjeb immens biex dan is-settur jimxi ’l quddiem. Jiena Identity Malta naraha bħala wieħed mill-pilastri għal tkabbir ekonomiku importanti u b’saħħtu ta’ pajjiżna.

Owen Bonnici huwa l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali

More in Blogs