Altru milli diżastru

'S'issa, l-ewroxettiċi mkien m'għadhom irnexxielhom jieħdu l-poter f'idejhom"

Ħafna ħasbu li bil-vot tar-Renju Unit sabiex toħroġ mill-Unjoni Ewropea, il-proġett Ewropew ser jisfaxxa. Basru li f’pajjiżi oħra ser jintalab referendum ukoll u jkun hemm min isegwi l-eżempju tar-Renju Unit. Imma donnu wara r-referendum Brittaniku, kulħadd daħal f’qoxortu. Għalkemm il-partiti ewroxettiċi huma b’saħħithom u jgawdu minn appoġġ popolari qawwi, s’issa mkien m’għadhom irnexxielhom jieħdu l-poter f’idejhom. Anzi bosta stħarriġ tal-opinjoni juru li l-kuntrarju u l-proporzjon ta’ nies li għandom riservi dwar il-proġett Ewropew jew huma opposti għalih naqas sew wara l-vot Brittaniku.

Ċertament, ħadd ma jista’ jgħid li l-proġett Ewropew huwa rriversibbli kif kienet l-idea sa ftit ilu. Il-vot Brittaniku kien storiku f’dan is-sens ġaladarba pajjiż jista’ jagħżel li joħroġ minn Unjoni li kien ilu fiha aktar minn erbgħin sena. Imma li huwa ċert hu li l-proġett Ewropew ta’ għaqda għadu meħtieġ aktar minn qatt qabel.

Qiegħed nikteb dan l-artiklu minn Venezja fejn bħal fi snin oħra, akkumpanjajt lil marti għall-Festival tal-film li jsir f’din il-belt unika. Nhar il-Ġimgħa rajt l-aħħar film tar-reġista Franċiż Francois Ozon, Frantz. Film kbir li ma niskantax jekk jieħu l-Iljun tad-Deheb. Imma fuq kollox huwa film li jissottolinea l-ħtieġa tal-Ewropa minħabba l-mibgħeda u l-inkomprensjonijiet li kienu jeżistu bejn Franza u l-Ġermanja wara l-ewwel gwerra dinjija. Wieħed u għoxrin sena biss wara li spiċċat gwerra, faqqgħet gwerra qalila oħra li reġgħet ħalliet miljuni ta’ mwiet u qerda kbira. 

Il-ħtieġa li tinżamm il-paċi fl-Ewropa kienet waħda mir-raġunijiet li kien hemm min ħolom bil-proġett Ewropew. F’Ġunju 1941 meta l-eżitu tal-gwerra kien għadu ferm inċert, żewġ intellettwali anti-faxxisti Taljani li kienu internati mill-gvern faxxista fil-gżira ta’ Ventotene ’il barra mill-kosta Naplitana, Altiero Spinelli u Ernesto Rossi abbozzaw dak li eventwalment ġie msejjaħ il-manifest ta’ Ventotene, Per un’Europa Libera e Unita. F’dan il-manifest, Spinelli u Rossi argumentaw li jekk il-gwerra kontra l-potenzi faxxisti tintrebaħ, ikun kollu għalxejn jekk terġa’ tiġi stabbilita s-sistema antika ta’ nazzjonijiet sovrani f’alleanzi li dejjem jinbidlu. Dan inevitabbiliment jerġa’ jagħti lok għal gwerra bejniethom. Għaldaqstant, il-manifest sejjaħ għat-twaqqif ta’ federazzjoni Ewropea bejn il-pajjiżi demokratiċi wara l-gwerra.

Kif semma tant tajjeb il-ħabib tiegħi Louis Cilia fit-Times tal-bieraħ, impuls qawwi ieħor għall-proġett Ewropew ingħata minn ħadd anqas minn Winston Churchill f’diskors li kien ta fl-Università ta’ Zurich fl-1946. F’dan id-diskors, Churchill iddeskriva t-traġedja tal-Ewropa li kienet welldet ħafna mill-kultura, arti u xjenza li d-dinja kienet rat. Churchill saqsa għala m’għandux ikun hemm grupp Ewropew li jagħti sens usa ta’ patrijottiżmu u ċittadinanza komuni lill-popli distratti ta’ dan il-kontinent? Kompla jgħid li biex l-Ewropa tiġi salvata minn miżerja infinita, anzi mill-qerda finali, irid ikun hemm dan l-att ta’ fidi fil-familja Ewropea. Qal lil min kien qed jisimgħu li se jiskanta billi se jgħid: l-ewwel pass trid tkun sħubija bejn Franza u l-Ġermanja. L-istruttura tal-Istati Uniti tal-Ewropa trid tkun tali li s-saħħa materjali ta’ stat wieħed tkun anqas importanti minn dik tal-istati kollha flimkien.

Kliem ferm profetiku li juri wkoll l-iżball storiku tas-suċċessuri tiegħu li flok ma qasmu l-viżjoni ta’ Churchill, għażlu t-triq tal-iżolament u l-eġoiżmu u poġġew dawk li jidhrilhom li huma l-interessi dojoq tagħhom ‘il fuq mill-interessi ta’ kontinent sħiħ. Pajjiż li fl-aħħar seklu intervjena darbtejn fil-kontinent u tilef miljuni minn uliedu sabiex jirreżisti l-forzi tal-ħażen u tal-oppressjoni llum għażel li jsegwi l-interessi mijopiċi tiegħu u jirtira mir-rwol possibbli li kellu bħala protagonist flimkien mal-Ġermanja u Franza fil-bini tal-proġett komuni Ewropew. Żball storiku li se jbatih kulħadd.

Probabbli hawn ħafna li jaħsbu li llum il-possibbiltà ta’ gwerra bejn il-Ġermanja u Franza hija ferm remota. Dan hu tassew minnu imma huwa impressjonanti kif żewġ għedewwa daqshekk storikament ħorox illum saru l-aqwa ħbieb. Imma l-proġett Ewropew mhux biss dwar il-ħtieġa li żewġ għedewwa storiċi ma jerġgħux jagħmlu gwerra bejniethom u jkaxkru kontinent sħiħ magħhom. Huwa ukoll dwar il-ħtieġa li jinħoloq spazju wieħed fejn jirrenja l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, fejn ikun hemm kummerċ ħieles u fejn jintlaqgħu flimkien l-isfidi komuni bħat-tibdil tal-klima.

Sfortunatament, mhux kulħadd jaqbel ma’ dan il-proġett. Kulħadd għandu kwalunkwe dritt li jesprimi l-opinjoni tiegħu għax il-libertà tal-espressjoni dak li tfisser. Madankollu, mhux sew li l-proġett Ewropew jiġi mminat bit-tixrid ta’ qlajjiet, nofs veritajiet u anke ġideb. Rajna kif kampanja bla waqfien minn diversi ġurnali fl-Ingilterra sabiex iħammġu lill-UE billi jesaġeraw jew jgħawġu kwalunkwe ħaġa ħalli jitfgħuha f’dawl ikrah ftit tista’ tagħti riżultati. Din il-kampanja għadha għaddejja sal-lum billi filwaqt li l-Brexit hija rappreżentata f’termini trijonfalistiċi, il-problemi sabiex wieħed joħloq alternattiva vijabbli huma għal kollox imminimizzata. Għaldaqstant, huwa ferm meħtieġ li min hu favur il-proġett Ewropew ma jibqax lura milli jiddefendih kontra l-propaganda velenuża li qiegħda tinxtered. Propaganda li tpinġi lill-pajjiżi membri bħala kolonji tal-Ġermanja jew kif poġġietha Marine Le Pen, provinċja tal-UE.

Altru milli kolonji, il-pajjiżi membri tal-UE jipparteċipaw fi proġett bla preċedent fejn qegħdin jaqsmu s-sovranità nazzjonali bejniethom sabiex jilħqu objettivi li huma ta’ ġid komuni. Mhuwiex faċli li wieħed isib qbil bejn tmienja u għoxrin pajjiż u għalkemm, spiss wieħed jiffrustra ruħu bir-ritmu li bih jintlaħaq tali qbil, m’hemmx dubju li l-pajjiżi Ewropej kważi dejjem jirnexxielhom jilħqu kompromessi aċċettabbli għall-pajjiżi kollha.  

Imma l-aktar ħaġa importanti wara l-vot tar-Renju Unit hija li l-Ewropa ma pparalizzatx ruħha.  Ċertament għad m’hemmx idea ċara dwar in-natura tar-rapport futur mar-Renju Unit meta dan tal-aħħar jirnexxielu joħroġ mill-UE. Dan ma jistax ikun mod ieħor minħabba li r-Renju Unit stess għadu ma jafx xi jrid. Imma f’materji oħra l-UE baqa’ għaddej bħal qabel. Ilbieraħ filgħodu kont qed nisma’ intervent tal-ambaxxatur Sergio Romano fuq stazzjon televiżiv Taljan. Romano huwa kummentatur ferm irrispettat fl-Italja. Esponenti tal-Lega Nord attakkah għax qal li huwa kien ippreveda diżastru bil-Brexit għar-Renju Unit imma r-Renju Unit għadu fuq saqajh u n-nies ma mietux. Ir-risposta ta’ Romano kienet pjuttost skjetta. Altru milli hekk, ir-Renju Unit kien spiss ta’ ostaklu sabiex jissaħħaħ il-proġett Ewropew. Ma ħaddanx l-ewro u l-anqas daħal fiż-żona Schengen. Skont Romano, il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE ser iservi ta’ liberazzjoni għaliex issa aktar hemm possibbilità li jintlaħqu objettivi komuni li qabel kienu mxekkla min-negativiżmu Brittaniku u l-ħtieġa li l-brittaniċi jiġu akkomodati.  Dan il-punto di vista kont esprimejtu minn dawn il-paġni bosta xhur ilu qabel ir-referendum Brittaniku. Min mhux kuntent fl-Ewropa aħjar jitlaq ’il barra milli jkompli jfixkel min irid ikompli jaħdem fuq il-proġett Ewropew.

Issa li r-Renju Unit iddeċieda li jitlaq, il-pajjiżi membri l-oħra jridu jiddeterminaw x’inhuma l-objettivi mmedjati tal-proġett komuni. Is-summit li sar il-ġimgħa l-oħra bejn l-Italja, Franza u l-Ġermanja fil-gżira ta’ Ventotene ħdejn Napli kellu appuntu dan l-iskop. Renzi għażel il-gżira ta’ Ventotene minħabba s-simboliżmu qawwi tal-gżira fejn hemm ukoll midfun Altiero Spinelli. Kif qal Renzi fi tmiem is-summit, it-tliet mexxejja ltaqgħu flimkien għaliex jemmnu li l-Ewropa mhix il-problema imma s-soluzzjoni għal ħafna mill-problemi li jaffaċjaw.  

L-isfidi li għandha l-Ewropa, sija fil-qasam ekonomiku, sija fir-rigward tal-immigrazzjoni kif ukoll fil-qasam tas-sigurtà jeħtieġu soluzzjonijiet kondiviżi bejn il-pajjiżi Ewropej. Kif Churchill tant qal tajjeb sebgħin sena ilu, is-saħħa ta’ pajjiż individwali mhix importanti daqs is-somma tas-saħħa tal-pajjiżi kollha. Kif spiss għidna, jeħtieġ aktar Ewropa mhux anqas. Għax meta pajjiżi jsegwu l-interessi individwali tagħhom kif qed jagħmlu fil-qasam tal-immigrazzjoni, qed jistallaw il-proġett Ewropew li huwa mibni fuq is-solidarjetà bejn il-membri. Bħalma pajjiż li jsoffri terremot jew li għandu problemi finanzjarji jiġi megħjun mill-istituzzjonijiet u l-pajjiżi Ewropej l-oħra, pajjiż li jaffaċja emerġenza ta’ eluf ta’ immigranti fi ħdanu għandu jkollu l-appoġġ tal-pajjiżi Ewropej l-oħra sabiex il-proġett Ewropew iseħħ.

Id-deċiżjoni tal-kummissjoni din il-ġimgħa li tikklassifika bħala għajnuna ta’ stat illegali l-arranġamenti fiskali li l-Gvern Irlandiż ikkonċeda lill-multinazzjonali merikana Apple u l-ordni lill-Irlanda biex tiġbor €13 biljun f’taxxi u imgħaxijiet mingħandha turi kemm l-Ewropa altru li ma spiċċatx bil-Brexit. Imma kulħadd irid jirrealizza li ultimament is-suċċess tal-proġett Ewropew jiddependi fuq il-ġid u l-prosperità li dan iġib miegħu. Biex dan iseħħ, hu meħtieġ li jissaħħaħ is-suq waħdieni, suq li spiss għadu mxekkel minn interessi parrokjali u nazzjonali. Anke hawnhekk ir-Renju Unit kellu rwol importanti fit-twaqqif tas-suq waħdieni. Meta wieħed jaqra li hemm politiċi Ingliżi li huma lesti li jissagrifikaw aċċess għas-suq waħdieni ħalli jkunu jistgħu jikkontrollaw l-immigrazzjoni minn pajjiżi oħra Ewropej, wieħed ma jistax ma jimteliex b’sens ta’ dieqa. Qed ngħixu fi żminijiet delikati meta faċli li politiċi irresponsabbli u populisti jkesksu biża’ għall-barrani u jisfruttaw is-sentimenti ta’ insigurtà fost l-ifqar u l-anqas edukati miċ-ċittadini tagħhom sabiex jakkwistaw il-poter.  

Min jemmen li l-Ewropa hija meħtieġa sabiex ma nirrepetux l-iżbalji tal-passat u sabiex inkomplu ngħixu fil-paċi, fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u fil-prosperità jrid ixammar il-kmiem u jiġġieled il-forzi kollha li qed jippruvaw ikissru dak kollu li nkiseb s’issa u jpoġġu l-arloġġ lura. Il-proġett komuni Ewropew tassew jista’ jkun irreversibbli jekk kull min jemmen fih jagħmel il-parti tiegħu.

More in Blogs