Id-dawl tal-bieraħ u ta’ għada

Ilbieraħ, stqarrija tal-Gvern qalet li l-istatistika ppubblikata mill-Eurostat tikkonferma li fit-tieni nofs tal-2015, il-prezz tal-elettriku li kienu qed iħallsu l-konsumaturi Ewropej kien 2.4% ogħla mill-livell tas-sena qabel, bil-prezz tal-elettriku jiżdied minn €20.6 għal €21.1 kull 100 kilowatt. B’kuntrast, bħala medja, il-familji Maltin u Għawdxin ħallsu €12.7 għal kull 100 kilowatt ta’ enerġija li jikkonsmaw, jiġifieri 66% anqas mir-rata li jħallas iċ-ċittadin Ewropew. L-istqarrija kompliet tgħid li l-istatistika tal-Eurostat turi li l-familji tagħna qed iħallsu r-raba’ l-orħos prezz tal-elettriku fl-Ewropa. Qalet ukoll li fi tmiem l-amministrazzjoni preċedenti, l-elettriku kien jiswa €16.8 kull 100 kilowatt, jew 26% aktar mil-lum u fil-ħames snin tal-amministrazzjoni preċedenti l-kontijiet tad-dawl għolew b’68% f’pajjiżna. Fl-istess żmien, madwar l-Unjoni Ewropea, kien hemm żieda ta’ 26%. Dan jikkonferma, skont l-istqarrija, li l-amministrazzjoni preċedenti kienet għolliet id-dawl bi kważi tliet darbiet aktar mill-medja Ewropea. B’kuntrast, il-Gvern preżenti raħħas l-elettriku b’25% meta fil-bqija tal-Ewropa, fl-aħħar tliet snin, il-prezz għola b’7%. L-istatistika Ewropea turi wkoll li is-sena li għaddiet, filwaqt li f’Malta l-prezz tal-elettriku għall-industrija raħas bi 23%, il-prezz medju madwar l-Unjoni Ewropea naqas b’1% biss. Fl-aħħar tliet snin, il-prezz għall-industrija naqas b’24% f’Malta iżda żdied bi 2.4% fl-Unjoni Ewropea.

Minn din l-istatistika, wieħed jista’ faċilment jasal għall-konklużjoni li kollox sew fil-qasam tal-enerġija, u dan meta l-proġett prinċipali fil-qasam tal-enerġija mwiegħed mill-Partit Laburista qabel l-elezzjoni għadu lanqas biss beda jaħdem. Issa jiena m’iniex se noqgħod nikkritika d-dewmien fit-twettieq tal-proġett tal-power station il-ġdid bil-gass. Proġetti ta’ dawn it-tip huma min-natura tagħhom kumplessi u faċli li jkun hemm dewmien jew infiq aktar milli proġettat.  

Wieħed għandu jirrikonoxxi wkoll li l-Enemalta llum qiegħda tagħmel sforzi ferm akbar mill-passat sabiex tiġbor dak li hu dovut lilha. Wieħed ma jifhimx għala qabel kien hemm tnikkir fil-ġbir tal-arretrati. Iċ-chairman eżekuttiv tal-Enemalta qed jagħmel sforzi kbar sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata u jidher li qed jottjeni riżultati tajbin fir-rigward.

Imma l-istatistika tal-istqarrija tal-gvern ma’ tagħtix stampa sħiħa u għandha tiġi interpretata sew. Fl-ewwel lok, ħaġa li tistona fl-istqarrija uffiċjali hi li joħroġ ċar li r-rata tad-dawl hija ffissata mill-Gvern u mhix ir-riżultat tal-forzi tas-suq. Dan juri kemm għadna ankrati fil-passat u ma rridux nirrikonoxxu li l-prezz massimu suppost qed jiġi ffissat mir-regolatur. Suppost ukoll li l-operatur jew operaturi, jekk ’il quddiem ikun hemm hemm aktar minn wieħed, jistgħu jbigħu d-dawl bi prezz anqas minn dak iffissat mir-regolatur.  Dan kollu juri kemm hu dgħajjef ir-regolatur f’pajjiżna u hu biss il-werqa tat-tina tal-Gvern.

Sfortunatament, hawn Malta l-ebda Gvern ma nkoraġġixxa l-iżvilupp ta’ suq ħieles tad-dawl u kulħadd ipponta li l-Enemalta tibqa’ monopolju. Id-differenza llum hija li issa l-Enemalta ġiet obbligata tixtri d-dawl minn Shanghai Electric li ħadet f’idejha 90% tal-impjant tal-BWSC u mill-Electrogas meta l-impjant tagħha jibda jipproduċi. Kif u come l-Enemalta qiegħda jew ser tixtri d-dawl mingħand dawn iż-żewġ kumpaniji, għadu m’huwiex magħruf mill-pubbliku.  Imma meta ntgħażel il-konsorzju tal-Electrogas sabiex jibni l-power station tal-gass, waħda mill-komponenti ta’ dan il-konsorzju, Gasol plc iddikjarat li l-Gvern Malti kien se jiggarantixxi li jħallas għad-dawl kollu li sejra tipproduċi din il-powerstation, anke jekk ma jintużax mill-Enemalta. U fil-fatt, għadna nistennew li l-Kummissjoni Ewropea tapprova s-‘security of supply agreement’ li jserraħ ras l-investituri f’dan is-sens. Dan id-dewmien li ħadd ma spjegah jista’ jindika problemi mhux żgħar ma’ Brussell. Intant, il-Gvern kellu joħroġ garanzija bankarja ta’ €360m sabiex l-Electrogas tieħu self ta’ €450m u l-konsorzju jrid iħallas għal din il-garanzija minħabba regoli dwar l-għajnuna tal-istat. Intant tajjeb li wieħed ifakkar li Gasol plc ħarġet minn dan il-konsorzju qabel ma kkonkluda dan il-finanzjament u wieħed jista’ biss jaħseb li Gasol plc ma kinitx f’posizzjoni li toħroġ sehemha sabiex jingħata dan is-self. Ħaġa li ma tantx issorprendietni.

Imma ħa nerġgħu niġu għall-istqarrija uffiċjali. Ejjew nibdew bil-prezz medju tal-konsum domestiku. Skont l-istqarrija, il-Maltin iħallsu r-raba’ l-irħas prezz fl-Ewropa għad-dawl. Madankollu, meta wieħed inaqqas it-taxxa li f’Malta hija ferm baxxa kkumparat ma’ pajjiżi oħra, l-istampa tinbidel sew. Ir-rata f’Malta hi ta’ 12c1-il kWh mentri fid-Danimarka hi 9c4 filwaqt li d-Daniżi jħallsu 21c f’taxxi! Fil-Finlandja, ir-rata hi 10c1barra 5c3 taxxi. Il-Portugall, li għandu livell ta’ għixien inferjuri għal tagħna, it-taxxi jammontaw għal 49.5% tal-prezz finali, u jgħollu r-rata minn 11c5 għal 22c9. X’ħin tqis kollox, ir-rata ta’ Malta hi fil-medja, u hu biss minħabba t-taxxi li f’pajjiżi oħra r-rata tad-dawl togħla sew. Ovvjament, wieħed jista’ jgħid li dak li jimpurtah hu xi jħallas meta jasallu l-kont. Imma huwa evidenti li pajjiżi bħad-Danimarka u l-Portugall li għandhom produzzjoni ferm għolja ta’ enerġija rinovabbli, jintaxxaw ir-rati tad-dawl sabiex inaqqsu l-konsum. U ma rridux ninsew li t-taxxi suppost iservu l-ġid komuni.

Tabella oħra mogħtija mill-Eurostat hija tal-prezz tad-dawl domestiku f’purchasing power standards li tintuża sabiex telimina d-differenzi fil-prezzijiet bejn pajjiż u ieħor. Minn din it-tabella, naraw li Malta hija wkoll taħt il-medja Ewropea imma r-rata Maltija hija ogħla mill-Iżlanda, in-Norveġja, il-Finlandja, is-Serbja, l-Iżvezja, il-Lussemburgu u Franza u ħarira anqas mir-Renju Unit u l-Olanda.  

Il-prezz tad-dawl f’pajjiżna xorta jista’ jkun ta’ deterrent għall-investiment minkejja t-tnaqqis li sar

Jekk imbagħad wieħed jieħu r-rati mħallsin mill-industrija, wieħed jara stampa differenti. Huwa minnu li r-rati mħallsin mill-industrija naqsu sew.  Kienet biss Ċipru li naqqset ir-rata aktar minn Malta fl-aħħar sena. Imma l-fatt jibqa’ li f’Malta ir-rata għall-konsumaturi industijali hija 13c7-il kWh li hija ftit ogħla mill-medja ewropea ta’ 11c9. Ir-rata fl-Olanda hi 8c4, fil-Finlandja, 7c1, fir-Renju Unit 10c9, fl-Awstrija 10c6 u fil-Belġju,10c8-il kWh. Kieku mhux għax xi pajjiżi bħall-Ungerija u l-Kroazja għandhom rati ferm għolja, kieku r-rata medja Ewropea kienet tkun ferm aktar baxxa. Ta’ min isemmi wkoll li f’ċertu pajjiżi bħad-Danimarka, l-Italja u l-Ġermanja, ir-rata tad-dawl tinkludi porzjon qawwi ta’ taxxi li fil-każ tal-Ġermanja huwa 45% tar-rata.

Dan kollu juri li l-prezz tad-dawl f’pajjiżna xorta jista’ jkun ta’ deterrent għall-investiment minkejja t-tnaqqis li sar. U l-aktar ħaġa inkwetanti hi jekk minħabba l-ftehim li hemm ma’ Shanghai Electric u l-Electrogas, pajjiżna ma jkunx jista’ jraħħas aktar il-prezz tad-dawl bħalma ser ikunu jistgħu jagħmlu pajjiżi oħra. Tajjeb li wieħed ifakkar li ntqal li l-Electrogas assigurat prezz ta’ 9c6-il kWh minkejja li l-prezz internazzjonali tal-gass naqas b’terz minn mindu l-proġett ġie mniedi.  

Il-bieraħ ukoll il-kumpanija Taljana tad-distribuzzjoni tad-dawl, Terna inawgurat interconnector ġdid bejn Reggio Calabria u Sqallija. Tqiegħdu 105km ta’ cables li 38 minnhom jgħaddu taħt il-baħar b’investiment ta’ €700m. Permezz ta’ dan l-interconnector, l-ammont ta’ dawl li mill-kontinent jista’ jmur Sqallija ser jiżdied konsiderevolment minn 300 MW għal 1100 MW. U anke l-kontra. Hu mistenni li r-rata tad-dawl fi Sqallija, li ġieli tkun id-doppju ta’ dik Taljana, se tonqos sew u dan se jaffetwa pożittivament ir-rata medja nazzjonali. Tant li t-Taljani qed jikkalkulaw li se jiffrankaw €600m fis-sena. U se jispiċċa wkoll ir-riskju ta’ black-out fi Sqallija fejn ħafna mill-impjanti tal-ġenerazzjoni tad-dawl huma qodma sew. 

Minn dan għandna ngawdu aħna wkoll peress li qegħdin inġibu ammont sostanzjali tad-dawl li nużaw bl-interconnector ta’ 200 MW li ġie inawgurat is-sena l-oħra. Biż-żieda qawwija fil-produzzjoni ta’ enerġija rinovvabbli kemm fi Sqallija kif ukoll fil-kontinent, ir-rati tad-dawl fil-kontinent se jibqgħu jonqsu. Biex nagħtu ftit eżempji riċenti, il-Portugall ġiet mixgħula kompletament għal 107 siegħa sħaħ bejn is-7 sal-11 ta’ Mejju b’enerġija rinovvabbli. Fil-15 ta’ Mejju li għadda, il-Ġermanja ġiet mixgħula kważi totalment bir-rinnovabbli u l-prezz tad-dawl sar negattiv. Effettivament, il-konsumaturi tħallsu talli użaw id-dawl! Il-Portugall is-sena l-oħra pproduċa 48% tad-dawl tagħha minn sorsi rinovvabbli mentri l-enerġija mir-riħ tissodisfa 42% tad-domanda fid-Danimarka, 20% fi Spanja,13% fil-Ġermanja u 11% fir-Renju Unit. Mhux ta’ b’xejn li bosta power stations bil-gass fl-Ewropa qed jagħlqu għax ma jistgħux jikkompetu ma sorsi oħra ta’ produzzjoni ta’ dawl.

Huwa ċar li l-futur qiegħed fl-enerġija mir-riħ u mix-xemx. Il-proġett Taljan jantiċipa wkoll importazzjoni tad-dawl mill-Afrika ta’ Fuq fejn qiegħed isir investiment qawwi fid-deżert fl-enerġija mix-xemx. Fid-dawl ta’ dan kollu, it-tama hi li l-power station il-ġdid ma tispiċċax ta’ mażra madwar l-ekonomija tal-pajjiż. Fit-tmintax-il sena li ġejjin se jkun hawn sorsi alternattivi u irħas ta’ dawl li l-pajjiż possibbiliment ma jkunx jista’ juża għaliex il-gvern ikun intrabat li jixtri l-produzzjoni kollha tal-Electrogas. Dan ikun ta’ deterrent għall-investiment fil-pajjiż. Jeħtieġ li jkollna spjega ċara għala ma nħassitx il-ħtieġa li jsir interconnector ieħor ma’ Sqallija bħala alternattiva għall-bini ta’ power station ġdida meta kien ċar li fl-Ewropa se jkun hawn produzzjoni qawwija ta’ dawl li bl-interconnector ma’ Sqallija seta’ jasal għandna b’rati irħas minn dak li se jkollna nixtru.  

More in Blogs