Il-qaleb u l-ġbejna

Dejjem ngħid li biex wieħed jirrealizza kemm inbidel pajjiżna, għandu jirkeb fuq tal-linja. Meta kont student xi tletin sena ilu, rari kont tara xi barrani fuq tal-linja ħlief għal xi turist. Illum metaq naqbad tal-linja, mhux l-ewwel darba li ninnota li l-Maltin ikunu minoranza.  F’ċertu rotot, ħlief barranin ma tarax: nies ta’ kull ġens u kulur, min qiegħed fostna biex igawdi u min qiegħed hawn biex jaqla’ x’jiekol.

Għidtha kemm-il  darba qabel: it-termometru tal-ekonomija hija l-popolazzjoni. Dik ta’ Malta, minkejja t-tnaqqis enormi fir-rata ta’ twelid, dejjem tikber għaliex Malta qiegħda  tattira l-barranin li jiġu jgħixu u jaħdmu. Is-suċċess ekonomiku ta’ Malta huwa miġbud mis-settur turistiku li dejjem jingrana aktar u dan anke minħabba l-problemi kbar li għandhom pajjiżi kompetituri tagħna. Barra l-oqsma tal-manifattura li għadu u jalla jibqa’ jagħti kontribut kbir lill-Prodott Gross Domestiku, żviluppajna qasam finanzjarju li ħoloq ħafna xogħol kif ġara wkoll fis-settur tal-igaming. Kumplessivament, imbagħad, dawn l-oqsma spiċċaw jimpjegaw ħafna barranin. Dawn il-barranin, flimkien mal-Libjani u oħrajn li spiċċaw jgħixu f’pajjiżna għal raġuni jew oħra bħall-infermiera li qed jaħdmu fl-isptarijiet tagħna, ħolqu domanda kbira għall-postijiet mikrija. Illum, kważi impossibbli ssib tikri xi mkien f’Malta għal anqas minn €400 fix-xahar. Dan għax anke wara l-liberalizzazzjoni tal-liġi tal-kera fl-1995, is-suq tal-kera għall-Maltin reġa’ rxoxta. Bosta huma l-Maltin li jikru qabel ma jakkwistaw dar. Id-domanda għall-kirjiet ħolqot ukoll domanda għall-postijiet x’jinkrew u s-suq tal-bini rpilja wara snin fid-deffa. Inħoloq ċirku virtuż li minnu bosta qed igawdu wara li l-ekonomija għaddiet minn żmien iebes.

Mill-banda l-oħra, l-ekonomija f’Għawdex għadha ma ratx id-dawl. Il-popolazzjoni t’Għawdex dejjem tiċkien għaliex f’Għawdex hemm problemi kbar u l-gżira qiegħda tilgħab li ma tibqax aktar vijabbli. Għawdex jista’ jispiċċa post biex in-nies jirtiraw jew iqattgħu l-weekend imma mill-bqija, bi ftit attività ekonomika u soċjali. Diġà l-għaqdiet volontarji qed igergru li m’għadhomx isibu żgħażagħ għax dawn sparixxew. Marru jaħdmu Malta jew anke barra minn Malta u jiġu forsi fil-weekend biss. U m’hemmx għalfejn ngħidu li r-rata tat-twelid dejjem nieżla ’l isfel. Skont l-istatistika uffiċjali, fl-2013 twieldu 285 mentri mietu 300 f’Għawdex. Dan meta f’Malta twieldu 3,841 u mietu 2,936. Matul dawn l-aħħar snin, in-numru ta’ twelid f’Malta kien jaqbeż dak ta’ mwiet b’madwar elf fis-sena, mentri f’Għawdex jew kien anqas jew bejn wieħed u ieħor l-istess.  F’Għawdex, medjament ikun hemm mal-mitejn żwieġ kull sena, jiġifieri mas-sittax fix-xahar. Madankollu, hemm min ikkalkula li minn dawn, nofshom jekk mhux aktar, jispiċċaw ma jirrisjedux f’Għawdex. Jekk wieħed jikkalkula li għandek tmien koppji fix-xahar, jiġifieri mal-mitejn ruħ li ma jibqgħux jipparteċipaw fil-ħajja ekonomika Għawdxija, u dawn jonfqu miżerjament biex jgħixu, medja ta’ €15 kuljum kull wieħed, issib li d-domanda għas-servizzi u prodotti tal-konsum f’Għawdex qiegħda tonqos bir-rata ta’ €11m fis-sena. Ifisser ukoll li kull sena, id-domanda għall-postijiet ta’ akkomodazzjoni qiegħda tonqos b’xi mija. U dan hu effett kumulattiv u kontinwu, jiġifieri mhux ta’ darba biss. Jiġifieri jekk din is-sena t-tnaqqis kien €11m, is-sena d-dieħla se jkun €33m, ta’ wara €66m u tibqa’ sejjer hekk. Mhux ta’ b’xejn li f’Għawdex issib tikri kemm trid bil-€200 fix-xahar. Bdejna naraw min ma jaffordjax jikri f’Malta li jdabbar rasu xi mkien f’Għawdex. Tassew il-forzi tas-suq għandhom ħabta jirrikkalibraw ruħhom. Minkejja l-paroli kollha matul is-snin u d-dikjarazzjonijiet solenni kollha, il-problemi t’Għawdex ma ġewx iffaċjati kif suppost, u l-qagħda dejjem sejra lura. Illum min jinvesti f’Għawdex jagħmel hekk bħala ġest erojku u patrijottiku u mhux għax jaqbillu jinvesti hemm. Irid jonfoq flus daqs jekk mhux aktar minn Malta u biex jgħix, irid bilfors iħares lejn is-suq ta’ Malta. Dan ifisser spejjeż ferm aktar u ħafna aktar traġitt u ħela ta’ ħin. Biex tgħaxxaq, is-servizz tal-vapur għal Sa Maison twaqqaf fis-silenzju ġenerali. Meta qabel kien jissemma li dan is-servizz ser jieqaf, tgħidx kemm kienu jqumu rwiefen, u ġustament imma llum tneħħa servizz ieħor għal Għawdex mingħajr ħadd ma tniffes. Barra minn hekk, dawk l-industriji li jridu jibagħtu x-xogħol lest Malta, mhux l-ewwel darba li tħallew jistennew l-Imġarr sabiex il-vapuri jkunu l-ewwel ħelsu mill-kju tal-karozzi. Flok ma titjieb l-aċċessibbiltà għal Għawdex kif dan il-Gvern wiegħed, qed inaqqasha u qisu ma ġara xejn. 

Il-politika ekonomika tal-Gvern għandha tkun ikkonċentrata biex il-qagħda ekonomika f’Għawdex tkun simili għal dik ta’ Malta, u mhux jiġri bil-kontra. Siġra tista’ tibqa’ tikber mingħajr ma tindukraha, imma hemm hemm probabbiltà tajba li tlaqqat xi marda jew jattakkaha xi insett. Imbagħad, jekk titfa’ l-pitrolju ħdejn l-għeruq tagħha, hemm ċans tajjeb li ser tmur lura u forsi anke tmut. L-ekonomija bħal siġra, jekk ma tkomplix tikber, tmut. Din hija l-isfida tal-Gvern, sfida li jista’ ma jagħtix kasha biżżejjed minħabba l-problemi li għaddej minnhom bil-kxif tal-karti tal-Panama.

Il-Gvern attwali għad jista’ jħallas prezz ferm qares għall-mod kapriċċuż kif immaniġġja l-kwistjoni tal-Panama

Il-gvern attwali daqq it-trumbetti li huwa favur in-negozju. Imma tali kredenzjali m’għandhomx jissarfu biss billi l-MEPA jew issa li reġgħet ġiet rinkarnata bħala l-Awtorità tal-Ippjanar għamlitha ferm aktar faċli li wieħed jakkwista l-permess li jixtieq.  Tassew qed naraw gzuz ta’ applikazzjonijiet għall-torrijiet u kumplessi ta’ għexieren jekk mhux mijiet ta’ appartamenti jiġu approvati. Wieħed jista’ joħlom li se nsiru xi Dubai jew Singapore, imma ma nistgħux ninsew li fl-aħħar mill-aħħar, aħna belt ta’ anqas minn nofs miljun ruħ. F’xi ħin jew ieħor, il-forza tal-gravità se tidħol fis-seħħ, u dak li jitla’ jerġa jinżel. Irridu noqogħdu attenti li fil-ferneżija li hawn, m’aħniex qed nonfħu xi bużżieqa li se tispara u tidrob jew toqtol ħafna nies.  

Qed joħroġ ukoll aktar ċar li dak li hu għaddej, mhu jservi xejn ta’ ġid għall-immaġini tal-pajjiż, u b’mod speċjali għas-settur finanzjarju. Jiena ma naħdimx f’dan il-qasam, imma milli nisma’ u jgħiduli, diġà qed jintilef ix-xogħol minħabba li hawn min qed jibża’ jassoċja ruħu ma’ Malta. Minn ċentru sigur, qed insiru ċentru b’ħafna mistoqsijiet. Il-Gvern attwali għad jista’ jħallas prezz ferm qares għall-mod kapriċċuż kif immaniġġja l-kwistjoni tal-Panama.

Imma forsi l-aktar ħaġa li qiegħda tikkomprometti l-kredenzjali favur in-negozju tal-Gvern hija l-mod kif qed jittratta s-suq tax-xogħol. Dan il-gvern Laburista huwa għal kollox differenti minn dak ta’ Sant u jixbaħ ferm aktar lil dak tas-snin tmenin f’dan ir-rigward. Qiegħed bl-aktar mod irresponsabbli jinkoraġġixxi eżodu mis-settur privat għas-settur pubbliku kif kien għamel Karmenu Mifsud Bonniċi fl-aħħar xhur tiegħu. Nies li kienu qed jagħmlu xogħol validu u mħallas sew fis-settur privat, qed jitħajru jidħlu f’xi skema li fiha taparsi jaħdmu sal-10am jew jidħlu f’xi kuntratt prekarju. Dan bit-tama li eventwalment jieħdu impjieg tal-fiss mal-gvern. M’hemmx għalfejn wieħed joqgħod jikteb fit-tul għala hawn min jogħġbu impjieg mal-gvern, u dan mhux biss minħabba n-nofstanhari fis-sajf li ħadd ma rnexxielu jneħħiehom.

Imbagħad għandek ukoll in-nuqqas totali ta’ impenn għat-tneħħija tal-prattiċi anti-kompetittivi fis-suq li ukoll huma ta’ ħsara kbira għan-negozju. Donnha l-ministru Helena Dalli jimpurtaha biss mid-drittijiet tal-gays għax dwar din il-ħaġa ferm importanti li wkoll taqa’ fid-dikasteru tagħha, qatt ma nisimgħu xejn. Biex nagħtu eżempju, x’sar minnha l-investigazzjoni dwar l-iffissar tal-prezz tad-diesel mill-pompi tal-petrol? Għala dan id-dewmien kollu? Vera li telqu nies validi mid-Direttorat tal-Kompetizzjoni u ma ġewx sostitwiti? U x’qed isir biex dan id-Direttorat jaħdem kif suppost? Għax barra din il-kwistjoni, hemm affarijiet oħra li wieħed irid jiċċara bħar-rati tal-imgħax ipprattikat mill-banek, kif ukoll il-prattiċi bankarji in ġenerali. It-tariffi tat-trasport lejn il-kontinent, li huma pjuttost għoljin ukoll taw lok għal tħassib dwar prattiċi anti-konkorrenzjali.  Gvern li jrid jiddandan bil-kredenzjali tiegħu favur in-negozju, ma jistax jittraskura kwalunkwe prattika li timmanipula s-suq.

Ma nistgħux inserrħu rasna li l-fatturi kollha li kumplessivament ikkontribwew sabiex qegħdin fl-istat attwali, se jibqgħu l-istess fil-futur. Għalhekk jeħtieġ li noqogħdu attenti biex ma nitilfux il-qaleb u l-ġbejna, għaliex jekk nitilfuhom, ma jkunx faċli li nerġgħu nakkwistawhom. 

More in Blogs