Min se jerġa’ jqum fuq saqajh?

Muscat mhux qed jifhem li qabel ma jneħħi lil Mizzi u Schembri mill-kabinett u mill-uffiċċju tiegħu, mhux ser jirnexxielu jiġi fuq saqajh
Muscat mhux qed jifhem li qabel ma jneħħi lil Mizzi u Schembri mill-kabinett u mill-uffiċċju tiegħu, mhux ser jirnexxielu jiġi fuq saqajh

Xi ġimgħat ilu laqtitni frażi ta’ Hillary Clinton. Kienet għadha kemm sofriet telfa kbira fl-ewwel elezzjoni primarja ta’ New Hampshire filwaqt li rebħet b’marġini minimu l-caucus ta’ Iowa (’il quddiem nispjegaw id-differenza bejn caucus u primary meta nitkellmu dwar din l-elezzjoni ferm interessanti). F’daqqa waħda, evaporat l-inevitabbilità tan-nomina ta’ Hillary bħala l-kandidat demokratiku għall-elezzjoni presidenzjali f’Novembru li ġej. Kien hemm anke min ippreveda l-kollass tal-kampanja tagħha kif ġara tmien snin ilu meta tfaċċa fuq l-orizzont il-first-time senator mill-Illinois, Barack Obama.

Meta fid-9 ta’ Frar li għadda kkonċediet l-istat ta’ New Hampshire lis-senatur Bernie Sanders stqarret, “It’s not whether you get knocked down that matters. It’s whether you get back up.” (L-importanti mhux li taqa’ imma li jirnexxielek tqum fuq saqajk.) Ftit aktar minn xahar wara, Clinton ċertament reġgħet qamet fuq saqajha. Bl-esperjenza politika vasta tagħha u bl-għajnuna prezzjuża tar-raġel tagħha, l-eks-President Bill u tat-tifla Chelsea, Clinton qed jirnexxielha tissupera l-isfida li ħadd ma stenna tas-senatur Sanders li jsejjaħ ruħu soċjalista demokratiku u li sa sena ilu, lanqas biss kien membru tal-partit demokratiku. 

Il-kliem ta’ Clinton jgħoddu għal kulħadd, u jgħoddu b’mod speċjali għall-Gvern Laburista. Japplikaw ukoll għall-Partit Nazzjonalista li wara żewġ telfiet elettorali kolossali deher f’xifer l-estinzjoni politika għall-futur qarib. Madankollu, taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil li aktar ma jgħaddi ż-żmien qed jikber fl-istatura u jakkwista l-fiduċja tal-elettorat, jinsab rinvigorit. Ħadd f’sensih ma jiddubita li fl-elezzjoni li jmiss se jagħti sfida lill-Partit Laburista. Biex il-PN, li tliet snin ilu kien mifni b’dejn enormi u demoralizzat, reġa’ ġie fuq saqajh, ġie mgħejun mhux biss bl-abbiltà tal-mexxejja tiegħu, imma anke bl-iżbalji katastrofiċi tal-partit fil-Gvern. Il-mistoqsija issa hi jekk il-Partit Laburista hux se jirnexxielu jerġa’ jiġi fuq saqajh wara li Panamagate tefgħatu fi kriżi kbira.

Kif irrimarkajt ħmistax ilu, il-fatt li Muscat ma dehrlux li għandu jikkundanna u jitbiegħed mill-aġir tal-ministru Konrad Mizzi u ċ-chief of staff Keith Schembri, qed jillimita l-ispazju ta’ manuvrar tiegħu. Qed inaqqas bil-kbir l-awtorevolezza morali tiegħu li kull Prim Ministru tant jeħtieġ sabiex iżomm id-dixxiplina u l-ordni interna.  Qiegħed fuq kollox jitfa’ dawl ikrah fuq l-amministrazzjoni kollha, u żgur mhux se jtejjeb il-prospetti ekonomiċi tal-pajjiż. U fuq kollox jista’ jipparalizza l-amministrazzjoni. Din il-paraliżi tista’ tikber aktar ma joħorġu fil-beraħ fatti u dokumenti li jidher li jeżistu dwar l-istrutturi finanzjarji li Mizzi, fuq parir ta’ Schembri, l-istess Schembri, kif ukoll possibilment persuni oħra fetħu f’ġurisdizzjonijiet ta’ fama dubjuża.

Minkejja d-dikjarazzjonijiet ridikoli tal-ministru Konrad Mizzi, ftit huma dawk f’sensihom li jiddubitaw x’inhi r-raġuni vera għala dehrlu li jiftaħ kumpanija fil-Panama u trust fi New Zealand. Jekk verament ried jaħseb għall-familja tiegħu kif iddikjara pubblikament, żgur li ma kellux għalfejn jiftaħ kumpanija l-Panama li inizjalment lanqas biss semma’ fl-intervista li kien ta lil MaltaToday. Testment kien ikun biżżejjed, kif jagħmlu 99% tal-Maltin. U jekk ried iwaqqaf trust, seta’ jwaqqaf wieħed għand nutar lokali.

Il-PN reġa’ ġie fuq saqajh, mhux biss bl-abbiltà tal-mexxejja tiegħu, imma anke bl-iżbalji katastrofiċi tal-partit fil-Gvern

L-istrutturi li waqqaf f’ġurisdizzjonijiet daqshekk ’il bogħod jagħtu lok għal ħafna suspetti. Aktar u aktar, meta l-Ministru Konrad Mizzi prattikament għandu f’idejh setturi vitali bħall-enerġija u s-saħħa u l-privatizzazzjoni parzjali tal-Enemalta u tal-isptarijiet pubbliċi. Fuq kollox, il-fatt li dawn l-istrutturi ma ddikjarahomx immedjatament u fil-każ tal-kumpanija fil-Panama għamel dan biss wara li nkixef minn Daphne Caruana Galizia, ikompli jimmina l-kredibbiltà tiegħu.

Jekk hu minnu wkoll dak li qed tallega Daphne Caruana Galizia, li jeżisti dokument li fih il-ministru Konrad Mizzi ddikjara meta fetaħ il-kumpanija l-Panama li l-flus li se jidħlu fil-kumpanija ma joriġinawx minn wirt, allura l-verżjoni tal-ministru Mizzi titlef il-kredibbiltà kollha. U fuq kollox, jintwera li Mizzi pprova jiżvija l-opinjoni pubblika.

Fir-Renju Unit u fil-pajjiżi li jsegwu t-tradizzjoni parlamentari ta’ Westminster, mhuwiex aċċettabli li deputat jigdeb fil-Parlament u lanqas jista’ jinsinwa li deputat ieħor gideb. Jack Profumo kellu jirriżenja, aktar minn ħamsin sena ilu għaliex ammetta li kien gideb fil-Commons. U jekk mhuwiex aċċettabli li deputat jigdeb fil-Kamra tad-Deputati, ċertament lanqas mhuwa aċċettabli jekk jiġi ppruvat li deputat żvija l-opinjoni pubblika.

Jingħad li l-ministru Mizzi huwa bniedem kompetenti u teknokratiku. Mhux għax dan hu xi werqa tat-tina. Imma fi kwalunkwe każ, mhux kulħadd jaqbel dwar dan. Meta ħarġet l-espressjoni t’interess ħalli jinbena power station ġdid li jaħdem bil-gass, power station li wieħed jittama li verament hemm ħtieġa għalih, intgħażel konsorzju li tletin fil-mija tal-azzjonijiet tiegħu kienu miżmumin minn kumpanija reġistrata l-Ingilterra, Gasol p.l.c. L-istat finanzjarju ta’ din il-kumpanija kien tali, li kwalunkwe persuna messha ndunat li ma kinetx f’posizzjoni li tibni power station. Fil-fatt, meta bosta banek silfu lill-Electrogas biex jibni din il-power station, Gasol kellhom joħorġu minn dan il-konsorzju. Dan minkejja li kellhom garanzija statali li l-gvern Malti kien kostrett li jagħti sabiex dan il-proġett jitlaq minkejja li ma kinetx ikkontemplata fis-sejħa inizjali.  

Allura, l-mistoqsija waħedha tqum: min kien responsabbli għall-għażla ta’ dan il-konsorzju meta biċ-ċar ma kellux ir-riżorsi finanzjarji biex jibni din il-power station? U x’ser jiġri jekk l-UE ma tapprovax is-Security of Supply Agreement li l-konsorzju għandu mal-Gvern Malti? Anke l-privatizzazzjoni tal-Enemalta tqanqal ħafna dubji.  Kieku x-Shanghai Electric xtrat terz mill-Enemalta, ma naħsibx li kien hawn min kien joġġezzjona bil-kbir. Imma barra li xtrat terz tal-Enemalta, ħadet 90% tal-impjant tal-BWSC li minkejja l-propaganda kollha u l-akkużi ta’ korruzzjoni, kien il-ġojjell tal-Enemalta. Dan il-power station issa spiċċa kważi għal kollox f’idejn iċ-Ċiniżi li qed jieħdu l-frott tal-investiment tal-Enemalta li inkella kien jibqa’ f’idejn l-Enemalta.  Biex ma nsemmux li l-Enemalta ħadet f’idejha ħafna proprjetà tal-Gvern sabiex issir  aktar appetitibbli għaċ-Ċiniżi.  

Bil-bejgħ ta’ terz tal-Enemalta liċ-Ċiniżi, verament solvejna l-problema tad-defiċit għal sena. Imma x’alternattivi kien studja l-ministru Mizzi biex jiġġestixxi d-dejn tal-Enemalta? F’xenarju ta’ rati ta’ imgħax daqshekk baxxi u meta l-Enemalta kienet għadha kemm għamlet żewġ investimenti kapitali enormi li kienu għadhom ma bdewx jagħtu l-frott tagħhom, kemm kien jagħmel sens li saret din il-privatizzazzjoni parzjali meta kienu jeżistu alternattivi oħra? Xi ħadd ikkummenta online din il-ġimgħa fuq il-MaltaToday li dan il-bejgħ mhu xejn ħlief iċ-ċediment tas-sovranità ekonomika tal-pajjiż. Xi ħadd ieħor analizza l-figuri involuti, u ma tantx kien impressjonat. 

Muscat jista’ jħossha diffiċli li jwarrab lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri li ġie allegat ukoll li kien qed ixaħħam lid-direttur maniġerjali tal-Allied News. L-Allied News tat eżempju fantastiku x’għandu jsir meta jsiru allegazzjonijiet bħal dawn.  Adrian Hillman ġie dlonk sospiż u ġiet imnedija inkjesta. Hillman sussegwentement irriżenja mill-bord. Dan f’kumpanija privata. Imma fl-isfera pubblika, qisu ma seħħ xejn u kollox baqa’ apparentment kif kien qabel ma tfaċċaw dawn l-allegazzjonijiet.  Muscat mhux qed jifhem li qabel ma jneħħi lil Mizzi u Schembri mill-kabinett u mill-uffiċju tiegħu, mhux ser jirnexxielu jiġi fuq saqajh.

Għall-ewwel darba f’dawn l-aħħar snin, Muscat se jkun fi żvantaġġ u s’issa mhu qed juri l-ebda sinjal li qed jipprova jerġa’ jiġi fuq saqajh

Din il-ġimgħa kellna kuntrast ferm differenti ta’ kif għandhom isiru l-affarijiet. Kellna l-elezzjoni tar-rettur il-ġdid tal-Università u s-smigħ ta’ Toni Abela fil-Kumitat tal-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew. Fil-każ tal-elezzjoni tar-rettur, kien hemm żewġ kandidati, it-tnejn kompetenti u t-tnejn ta’ tendenzi politiċi magħrufa. Kien hemm xnigħat li kien se jiġi impost rettur fuq l-Università, imma fortunatament dan ma seħħx u jidher li l-elezzjoni saret bl-akbar serenità. Intgħażel kandidat li żgur hu ferm kompetenti, għandu esperjenza vasta fid-dinja akkademika u fil-kamp tar-riċerka u se jassigura l-kontinwità fl-Università. Sa fejn naf jien, il-ħatra ta’ Alfred Vella kellha l-kunsens ta’ prattikament kulħadd.

Mill-banda l-oħra, Toni Abela li ntgħażel minn Muscat għal raġunijiet xejn ċari biex ikun il-kandidat Malti għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ġie umiljat bla bżonn. Il-kandidatura tiegħu ma ntlaqgħetx mill-Kumitat tal-Kontroll tal-Baġit bi 17-il vot għal 9 u l-viċi President ta’ dan il-kumitat irrimarka li jekk Toni Abela jirrispetta ruħu, għandu jirtira n-nomina tiegħu. Umiljazzjoni li ċertament setgħet ġiet evitata kieku nħatar bniedem li kien ikkwalifikat għal din il-kariga. Mhux għax Toni m’għandux kapaċitajiet u ħiliet kbar. U mhux għax mhux integru, imma mhuwiex il-persuna adattata f’dan il-qasam li jirrikjedi persuna b’esperjenza ta’ awditjar. Louis Galea ma kellux tali esperjenza, imma żgiċċa minħabba l-esperjenza politika twila tiegħu u lobbying possibbilment ferm aktar effettiv mili kellu Toni. Imma Toni probabbilment safa ukoll vittma tal-perċezzjoni ta’ Malta fi Brussel b’membri tal-kumitat jirreferu apertament għal Panamagate. U mhuwiex kumbinazzjoni li ż-żewġ kandidati l-oħra li ma ġewx aċċettati kienu l-Pollakk u s-Slovakk li pajjiżhom qiegħed spiss ikun fl-aħbarijiet għar-raġunijiet żbaljati.

Kif ġew l-affarijiet, l-eżitu tal-elezzjoni li ġejja se jkun deċiż minn min se jirnexxielu jerġa’ jqum fuq saqajh l-aktar malajr u bl-akbar qabża. Għall-ewwel darba f’dawn l-aħħar snin, Muscat se jkun fi żvantaġġ u s’issa mhu qed juri l-ebda sinjal li qed jipprova jerġa’ jiġi fuq saqajh. Jew forsi ma fehemx li waqa’ mill-pedestall li kien f’dawn l-aħħar snin.

More in Blogs