Erba’ snin ta’ gwerra fl-Ukrajna u r-Russja: x’nafu u x’tgħallimna

L-24 ta’ Frar jikkommemora r-raba’ sena tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ numru ta’ figuri differenti li jaħdmu mal-kawża Ukrena fuq il-kwistjoni. 

L-24 ta’ Frar ikkommemora r-raba’ sena tal-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna. Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ numru ta’ figuri differenti li jaħdmu mal-kawża Ukrena fuq il-kwistjoni. 

L-Ambaxxatur tal-Ordni Sovrena ta’ Malta għar-Repubblika ta’ Malta l-Prinċep Augustu Ruffo di Calabria tkellem fuq il-ħidma umanitarja li qed tagħmel mal-kawża Ukrena mad-dinja wkoll. “L-Ordni ilha preżenti fl-Ukrajna għal numru ta’ snin. Wara l-bidu tal-gwerra fl-2022, l-iskala tal-kriżi umanitarja rrikjediet rispons immedjat u proporzjonat.” 

Hu qal li l-involviment tal-ordni mhijiex waħda politika imma sempliċement umanitarja hekk kif l-ordni tipprovdi għajnuna mediċinali, għotjiet ta’ affarijiet neċessarji, u appoġġ għal persuni li m’għandhomx fejn joqogħdu li l-prinċep qal jaqblu mal-missjoni tal-ordni sabiex jgħinu l-proxxmu fil-bżonn u jiddefendu d-dinjità tal-bniedem. 

Meta mistoqsi għaliex l-ordni ma ħaditx azzjonijiet diplomatiċi kontra r-Russja bħal pajjiżi oħra f’solidarjetà mal-Ukrajna, l-ambaxxatur sostna li l-ordni hija newtrali u sovrana taħt il-liġijiet internazzjonali u li r-relazzjonijiet diplomatiċi tal-ordni huma strumenti umanitarji mhux alleanzi politiċi. “Meta nżommu djalogu, inkunu nistgħu nippreservaw stazzjonijiet li jistgħu jkunu essenzjali għall-assistenza umanitarja,” huwa stqarr. 

Huwa tkellem ukoll fuq għala hemm numru ta’ rifuġjati Ukreni li jagħżlu li jiġu Malta, avolja dan qiegħed ’il bogħod kemm ġeografikament u anke kulturalment. Hu spjega li Malta toffri stabbiltà, protezzjoni temporanja fil-qafas tal-UE, kif ukoll komunità li toffri appoġġ. Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta’ fejn immoru hija influwenzata minn sigurtà, opportunità, kif ukoll qraba u ħbieb. 

Tkellmet ma’ din il-gazzetta wkoll Alexia Melkonyan għan-nom tal-Fondazzjoni għall-Komunità Ukrena f’Malta. Hi qalet li skont statistiċi tal-UNHCR, Malta laqgħet madwar 2,000 Ukren li ħarbu mill-gwerra, bil-maġġoranza tagħhom kienu nisa, tfal u anzjani, u tathom status ta’ protezzjoni temporanja. Sa Mejju tas-sena l-oħra, kien hemm madwar 7,8 miljun refuġjat Ukren madwar l-Ewropa kollha. “Il-komunità Ukrena f’Malta hi żgħira imma viżibbli ħafna,” qalet Melkonyan. 

Hi qalet kif bl-appoġġ tal-UNHCR, il-fondazzjoni nediet kors ta’ integrazzjoni għall-Ukreni li jaslu f’Malta. Kors prattiku li jgħallem fuq proċeduri legali, sistemi finanzjarji, is-sistema tas-saħħa, l-edukazzjoni u introduzzjoni għal-lingwa u l-kultura Maltija. Melkonyan tkellmet fuq proġett ieħor it-‘3rd Generation Ukrainian Social Club’, immirat għall-anzjani sabiex titnaqqas is-solitudni, tiżdied l-inklużjoni u jinħolqu opportunitajiet għal skambju kulturali.  

“Ħafna mill-Ukreni f’Malta jaħdmu, jibagħtu lit-tfal tagħhom l-iskola, u saru parti mid-drapp multikulturali ta’ Malta. Fl-istess ħin hemm gruppi vulnerabbli bħall-pensjonanti, żgħażagħ u nies b’diżabbiltà. Dawn il-membri tal-komunità xorta għandhom bżonn appoġġ sostnut, kemm minn Ukreni oħra, u anki minn nies tal-lokali. Il-progress huwa evidenti, imma gradwali.” 

Hi tkellmet fuq il-perċezzjoni tal-Maltin fuq il-gwerra, li għal ħafna hija kwistjoni personali, b’sens li dak li qed jiġri fl-Ukrajna qed imiss il-valuri Ewropej, dawk ta’ sigurtà, sovranità u dinjità. Melkonyen qalet li l-familji Maltin fetħu darhom għal din il-kawża, ġirien jgħinu l-Ukreni li għadhom kif jaslu, u professjonisti joffru s-servizzi tagħhom b’xejn.  

Melkonyen qalet ukoll li ħafna Ukreni jiġu Malta għal sens ta’ stabbiltà, hekk kif Malta toffri sigurtà legali biċ-ċertifikat ta’ protezzjoni temporanja kif ukoll aċċess għas-servizzi tas-saħħa, edukazzjoni u xogħol. Barra minn hekk, hemm il-fatt li l-komunità diġà stabbilità ta’ Ukreni. 

“Fl-ewwel ftit xhur, familji Maltin offrewlna fejn noqogħdu, negozji taw donazzjonijiet, skejjel tal-lingwi provdew lezzjonijiet b’xejn, individwi għenu nies li għadhom jaslu jinnavigaw il-burokrazija ta’ kuljum.” Hi spjegat li llum l-appoġġ kompla fit-tul, b’volontorjat, avvenimenti fejn jinqasmu l-kulturi u interazzjoni bejn in-nies. 

Hi għalqet billi qalet li l-appoġġ għall-kawża Ukrena ma jfissirx neċessarjament affarijiet kbar. Tista’ tkun xi ħaġa żgħira bħal donazzjoni jew konverżazzjoni fuq id-drittijiet umani. 

Il-kunflitt fl-Ukrajna ilu għaddej minn qabel l-2022. Hemm ħafna li jgħidu l-gwerra bdiet fl-2014 wara li r-Russja invadiet ir-reġjun tal-Krimea, u wara dan serviet ta’ bażi għal gruppi separatisti Russi li bdew gwerra fir-reġjun Ukren f’Donbas. Fil-bidu tal-2014, l-Ukrajna kienet għaddejja minn tibdiliet wara numru ta’ protesti u rivoluzzjoni li wasslu għat-tkeċċija tal-President Ukren li kien favur ir-Russja Viktor Yanukovych.  

More in Socjali