F'Malta, Jum il-Ħaddiema huwa btala pubblika u huwa l-jum meta ż-żewġ partiti politiċi ewlenin jorganizzaw l-attivitajiet politiċi tagħhom. Għall-Knisja f'Malta, dan il-jum huwa wkoll imfakkar bħala l-Festa ta' San Ġużepp Ħaddiem. Iżda l-oriġini u s-sinifikat ta' Jum il-Ħaddiema jmorru lil hinn minn dan kollu.
Jum il-Ħaddiema, magħruf ukoll bħala Jum ix-Xogħol f'xi pajjiżi u spiss imsejjaħ ''May Day'', iservi bħala jum ta' tfakkira u ċelebrazzjoni tas-suċċessi tal-imgħoddi favur ir-rispett lejn id-dinjita' u l-emanċipazzjoni tal-ħaddiema u tal-klassijiet tal-ħaddiema matul is-sekli.
Il-jum huwa spiss abbinat max-xellug politiku u huwa promoss minn moviment internazzjonali tax-xogħol, trejdunjins u partit politiċi li jappartjenu għax-xellug politiku. It-tfakkira sseħħ kull sena fl-1 ta' Mejju, jew nhar l-ewwel Tnejn ta' Mejju.
L-oriġini ta' Jum il-Ħaddiema imorru lura għall-Kungress Internazzjonali tal-Ħaddiema li sar f'Pariġi fl-1889; li kien jgħaqqad flimkien bosta partiti tax-xogħol, soċjalisti u Marxisti minn madwar id-dinja li kienu qegħdin jiġġieldu għal kundizzjonijiet iktar xierqa għall-ħaddiema fil-kuntest tar-Rivoluzzjoni Industrijali tas-Seklu Dsatax.
Dan il-kungress adotta riżoluzzjoni li sejħet għal "dimostrazzjoni internazzjonali kbira" b'appoġġ għat-talbiet tal-klassi tal-ħaddiema għall-ġurnata tax-xogħol ta' tmien sigħat.
Id-data ntgħażlet mill-Federazzjoni Amerikana tax-Xogħol sabiex tfakkar strajk ġenerali li seħħ f'Chicago, fl-Istati Uniti, li kien beda fl-1 ta' Mejju 1886. L-istrajk ġenerali laħaq il-qofol tiegħu waqt l-inċidenti li seħħew f'Haymarket fl-4 ta' Mejju; fejn kienu nqatlu erba' ħaddiema waqt dimostrazzjoni paċifika favur il-ġurnata tax-xogħol ta' tmien sigħat.
Id-dimostrazzjoni sussegwentement saret avveniment annwali. Is-Sitt Konferenza tat-Tieni Internazzjonali tal-1904, sejħet lill-"organizzazzjonijiet kollha tal-Partit Soċjal Demokratiku u t-trejdunjins tal-pajjiżi kollha sabiex jipprotestaw b'mod enerġetiku fl-Ewwel ta' Mejju sabiex tiġi stabbilita l-ġurnata tax-xogħol ta' tmien sigħat, għat-talbiet tal-klassi tal-proletarjat, u għall-paċi universali".
F'Malta, Jum il-Ħaddiema ġie ċċelebrat għall-ewwel darba proprju mitt sena ilu fuq l-inizzjattiva ta' grupp ta' ħaddiema tat-tarzna; fosthom John F. Marks u Mose' Gatt, li ltaqgħu fl-Isla nhar l-1 ta' Mejju, 1926.
Sentejn wara, fl-1928, il-gvern magħruf bħala ''l-Compact''; li kien ġie fformat b'riżultat ta' koalizzjoni bejn il-Partit Kostituzzjonali u l-Partit Laburista; introduċa l-Workmen's Compensation Act, li kienet waħda mill-ewwel liġijiet soċjali Maltin.
L-1 ta' Mejju huwa btala pubblika nazzjonali f'ħafna pajjiżi, u spiss huwa magħruf bħala "il-Jum Internazzjonali tal-Ħaddiema" jew b'isem simili. Xi pajjiżi jiċċelebraw Jum il-Ħaddiem f'dati oħra sinifikanti għalihom, bħall-Istati Uniti u l-Kanada, li jiċċelebraw Jum il-Ħaddiem fl-ewwel Tnejn ta' Settembru.
Fl-1955, il-Knisja Kattolika ddedikat l-1 ta' Mejju lil "San Ġużepp il-Ħaddiem". Billi ssostitwiet festa oħra lil San Ġużepp, din id-data ntgħażlet mill-Papa Piju XII fl-1955 bħala kontrobilanċ għaċ-ċelebrazzjonijiet xellugin ta' Jum il-Ħaddiema f'dan il-jum. San Ġużepp huwa l-qaddis patrun tal-ħaddiema u l-artiġjani, fost oħrajn.