Malta tista' tkun sekulari jekk għandha reliġjon statali? Il-kostituzzjoni tgħid iva

Il-Kostituzzjoni ta' Malta tfisser li r-Repubblika ta’ Malta hija repubblika demokratika bbażata fuq ix-xogħol u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tal-bniedem; u mhux ir-reliġjon Kattolika

Ritratt: File photo.
Ritratt: File photo.

Minn mindu Omar Rababah ħabbar il-kandidatura tiegħu għall-elezzjoni ġenerali, kienu bosta dawk li kienu pronti sabiex jikkummentaw fuq il-midja soċjali sabiex juru d-diżapprovazzjoni tagħhom għall-pass ta’ Rababah, minkejja li huwa dritt tiegħu bħala ċittadin Malti sabiex jagħmel dan.

Filwaqt li huwa wkoll dritt li wieħed jesprimi d-diżapprovazzjoni tiegħu lejn kandidat waqt kampanja elettorali f’demokrazija, żgur li mhuwiex dritt li wieħed juża r-razziżmu, ix-xenofobija u l-islamofobija fl-argumenti sabiex jikkritika kandidat abbażi tal-identita' personali tiegħu u mhux abbażi ta’ x’għandu x’joffri dak il-kandidat.

Fost dawn l-argumenti, kien hemm min bħal donnu ried jagħti x’jifhem li Rababah mhuwiex postu fil-parlament Malti abbażi tal-fatt illi huwa jipprattikka u jħaddan ir-reliġjon Musulmana, minħabba l-fatt li Artiklu 2 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta jagħti rikonoxximent lir-reliġjon Kattolika bħala r-reliġjon tal-istat.

Oħrajn qajmu dubji dwar kemm kandidat li ma jħaddanx u ma jipprattikax ir-reliġjon Kattolika jista’ jieħu ġurament ta’ lealta’ lejn il-kostituzzjoni fejn iwiegħed li jħarisha u jikkonservaha. Iżda dawn l-argumenti huma skoretti u huma biss ibbażati fuq biżgħat bla bażi.

Qabel xejn, din mhijiex l-ewwel darba li fil-parlament Malti kien hemm kandidati li mhumiex Kattoliċi. Huwa fatt magħruf li l-eks-Prim Ministru u eks-mexxej tal-Partit Laburista Alfred Sant huwa ateu u ma jħaddan l-ebda reliġjon.

Meta Alfred Sant sar membru parlamentari u sussegwentament Prim Ministru, ma nqalax dibattitu daqstant intens dwar il-prospett ta’ kandidat mhux Kattoliku fil-parlament; allura għalfejn dan id-dibattitu għandu jinqala' issa?

Ta’ min ifakkar li l-Artiklu 40 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta jagħti l-liberta’ lil kull individwu f’Malta; kemm ċittadini u kemm dawk li mhumiex; sabiex jeżerċitaw kwalunkwe twemmin reliġjuż jew in-nuqqas tiegħu, u la dan id-dritt japplika għal ċittadini Maltin, hija raġunata li dan id-dritt huwa estiż għall-membri parlamentari.

Allura wieħed jistaqsi; x’inhi r-relevanza tar-rikonoxximent tar-reliġjon Kattolika bħala r-reliġjon tal-istat?

It-tweġiba għall-interpretazzjoni ta’ dan l-artiklu tinstab fl-unika każ kostituzzjonali li fih ġiet interpretata din il-proviżjoni, u dan huwa l-każ ta’ Wahid v. L-Onor. Prim Ministru ta’ Malta, li ġie deċiż mill-Qorti Kostituzzjonali fl-2016.

F’dan il-każ, l-applikant qajjem aggravju fejn allega li l-ewwel Qorti naqset milli tikkunsidra l-valuri Kattoliċi fid-deċiżjoni tagħha rigward ir-reviżjoni tas-sentenza ta’ għomor il-ħabs li kienet ingħatat lill-applikant. L-argument kien li, billi r-reliġjon Kattolika hija r-reliġjon tal-istat, l-ewwel Qorti kellha tibbaża d-deċiżjoni tagħha fuq it-tagħlim soċjali tal-Knisja.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tat spjega legali tat-tifsira tar-rikonixximent tar-reliġjon Kattolika bħala r-reliġjon tal-istat, u ikkjarifikat illi l-Artiklu 2 tal-Kostituzzjoni huwa sempliċiment rikonoxximent ta’ fatt storiku u fatt soċjali; ċoe, li r-reliġjon predominanti fis-soċjeta’ Maltija hija r-reliġjon Kattolika.

Madanakollu, dan it-tali rikonixxment ma joħloq l-ebda obbligu vinkolanti fuq l-istat Malti sabiex jibbaża l-liġijiet tiegħu fuq ir-reliġjon Kattolika, u r-raġuni għal dan tinstab fl-Artiklu 1 tal-istess kostituzzjoni.

Hawnhekk, il-kostituzzjoni tfisser fuqhiex huwa bbażat l-istat Malti, u tfisser li r-Reppublika ta’ Malta hija repubblika demokratika bbażata fuq ix-xogħol u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tal-bniedem.

Hawnhekk, il-kostituzzjoni b’mod ċar qiegħda tisħaq li r-Repubblika ta’ Malta; minkejja li għandha reliġjon tal-istat; hija bbażata fuq valuri sekulari; id-demokrazija, ix-xogħol u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tal-bniedem.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet hekk: ‘’Waqt li t-tagħlim tar-Reliġjon Kattolika indubbjament kien għajn ta’ ispirazzjoni qawwija għal-leġislatur Malti matul iż-żminijiet, il-pedament tal-ordinament ġuridiku tal-Istat Malti huma d-demokrazija, ix xogħol u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.’’

Għalhekk, il-Qorti ċaħdet l-aggravju tal-applikant billi affermat: ‘’din il-Qorti ma hiex marbuta fir rwol ġudizzjarju tagħha b’dak mgħallem mill-istess Reliġjon mentri għandha taqdi l-funzjoni tagħha skont l-ordni ġuridiku Malti u l-obbligi internazzjonali assunti mill-Istat ta’ Malta.’’

Għaldaqstant, filwaqt li wieħed għandu juri apprezzament u rispett lejn ir-reliġjon Kattolika u lejn il-Knisja f’Malta, wieħed ikun qiegħed iqarraq jekk jagħti x’jifhem li r-rikonixximent tar-reliġjon Kattolika joħloq obbligu fuq l-istat sabiex jibbaża l-liġijiet u l-azzjonijiet tiegħu fuq din ir-reliġjon.

Li kieku kien hekk, żgur li ma ġewx introdotti ż-żwieġ ċivili, id-divorzju, iż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess u tant liġijiet sekulari oħrajn li ġew adottati mill-parlament Malti matul dawn l-aħħar snin.

Ladaraba l-membri parlamentari jħaddnu l-valuri sekulari li fuqhom hija mfassla r-Repubblika ta’ Malta; id-demokrazija, ix-xogħol u r-rispett lejn id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tal-bniedem; m’hemm l-ebda kontravenzjoni tal-kostituzzjoni li tiġi maħluqa sempliċiment minħabba l-preżenza ta’ membru parlamentari li ma jħaddanx ir-reliġjon tal-istat fil-parlament.

Tajjeb li dan jiġi ċċarat, għaliex l-ikbar diżrispett li wieħed jista’ juri lejn il-Kostituzzjoni ta’ Malta huwa li deliberatament jinterpretaha b’mod żbaljat!

More in Socjali