Tim ġdid indipendenti jimmira li jibdel il-politika tal-KSU

“Mill-istudent għall-istudent” jippreżenta disa’ kandidati u jwiegħed rappreżentanza ffukata fuq il-bżonnijiet tal-istudenti aktar milli fuq il-politika partiġġjana

Grupp ta’ studenti indipendenti taħt l-isem “Mill-istudent għall-istudent” ippreżenta tim ta’ disa’ kandidati għall-elezzjoni li jmiss tal-KSU fl-Universita' ta' Malta, b’messaġġ ċar kontra s-sistema bipartitika tradizzjonali.

Il-grupp sostna li jħaddan prinċipju wieħed fundamentali: li l-KSU teżisti għall-istudenti.

L-inizjattiva nħolqot minn studenti li ngħaqdu flimkien b’mod indipendenti, motivati minn nuqqas ta’ sodisfazzjon dwar kif ilha taħdem is-sistema elettorali fl-università, u xewqa li joffru alternattiva ġdida.

Huma argumentaw li l-KSU m’għandhiex tkun estensjoni ta’ strutturi politiċi partiġġjani,

Il-grupp iddeskriva ruħu bħala alternattiva serja għal studenti li jridu rappreżentanza bbażata fuq servizz aktar milli status, prinċipji aktar milli “tribaliżmu”, u fokus fuq l-istudenti aktar milli fuq strutturi politiċi.

Skonthom, ir-rappreżentanza tal-istudenti għandha tirrifletti valuri essenzjali tal-edukazzjoni għolja bħal ħsieb kritiku, espressjoni libera, parteċipazzjoni u kontabbiltà.

It-tim huwa mmexxi minn Nick Muscat li qed jikkontesta għall-kariga ta’ president, flimkien ma’ Gianluca Xuereb, Maya Debono, Francesca Anastasi, Ruth Sciberras, Matthias Zahra, Moesha Debattista, Jesmiel Raines u Angelie Feroleto.

Kull kandidat qed jikkontesta għal kariga li taqbel mal-esperjenza u l-interessi personali tiegħu, bil-għan li jġib ideat ġodda u prospetti friski biex itejbu l-ħajja tal-istudenti.

“Dan mhuwiex tim magħżul biss fuq il-karta jew fuq il-mertu akkademiku, iżda wieħed magħmul minn individwi li wrew impenn permezz tal-ħidma u l-involviment tagħhom fil-ħajja studenteska,” qal Nick Muscat.

Il-grupp temm jgħid li din l-elezzjoni mhix biss dwar min jimla l-karigi, iżda dwar liema kultura jridu joħolqu l-istudenti fl-università – waħda tassew “mill-istudent għall-istudent.”

More in Socjali