Proprjetà għal first-time buyers dejjem iktar inaċċessibbli

66.4% tal-Maltin jirnexxilhom isiru s-sidien ta’ djarhom

Fl-2022, il-gvern nieda l-iskema tal-First-Time Buyers bħala mezz sabiex jittaffa l-piż finanzjarju fuq dawk l-individwi li jixtru l-proprjetà tagħhom għall-ewwel darba. F’din l-iskema, ix-xerrejja jistgħu jgawdu minn 10,000 fi grant illi jingħata fuq medda ta’ għaxar snin, permezz tal-għotja ta’ €1,000 fis-sena. Din l-iskema tapplika għal xerrejja li jixtru proprjetà li tiswa inqas minn €500,000 u m’hemm l-ebda bżonn ta’ test fuq id-dħul tax-xerrejja. 

Sa April tas-sena ta’ wara, iżjed minn 2,200 xerrej prospettiv kienu diġà applikaw sabiex jibbenefikaw mill-iskema. L-Awtorità tad-Djar approvat l-għotja ta’ 2,741 grant għal xiri ta’ proprjetà li sar fl-2022 flimkien ma’ 361 grant ieħor għal xiri li sar fl-2023. Meta wieħed jikkunsidra l-etajiet ta’ dawk li bbenefikaw mill-iskema, jidher illi 73% tax-xerrejja li rċevew grant kienu persuni li kellhom l-età ta’ bejn 25 u 34 sena. Statistiċi maħruġa mill-Awtorità tad-Djar juru li 92% ta’ dawn il-persuni rċevew l-ammont sħiħ li huma kienu eleġibbli sabiex jirċievu. 

Statistiċi juru li madwar 66.4% tal-Maltin jirnexxilhom isiru s-sidien ta’ djarhom, u dan l-ammont baqa’ relattivament stabbli matul snin riċenti. Minn dan l-ammont, 48.1% huma s-sidien ta’ proprjetà li mhuwiex qiegħed jitħallas loan fuqu, filwaqt li 27.6% huma s-sidien ta’ proprjetà li għadu qiegħed jitħallas loan fuqu. Fil-każ ta’ xerrejja żgħażagħ, huwa evidenti li din il-kategorija ta’ xerrejja qiegħda tiltaqa’ ma’ għadd ta’ sfidi sabiex finalment jirnexxilhom isiru s-sidien ta’ djarhom. 

 

Sfidi li jaffaċċjaw ix-xerrejja żgħażagħ 

Fl-2022, kien stmat illi l-maġġoranza tax-xerrejja jitilqu mid-dar tal-ġenituri tagħhom meta jilħqu l-età ta’ 30 sena. Din l-età hija sostanzjalment ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea li hija l-età ta’ 26 sena. Huwa evidenti li l-piż qiegħed jinġarr sostanzjalment minn koppji żgħar bit-tfal, hekk kif figuri juru li 27.1% tax-xerrejja li għandhom it-tfal għadhom qegħdin iħallsu s-self fuq il-proprjetà tagħhom. Din il-figura hija sostanzjalment ogħla mill-figura fil-każ ta’ xerrejja li m’għandhomx tfal, hekk kif f’dan il-każ, 18.7% ta’ dawn ix-xerrejja qegħdin iħallsu s-self. 

Fil-każ ta’ koppji ffurmati minn dawk li għandhom inqas minn 35 sena u li għad m’għandhomx tfal, 64.3% minnhom huma s-sidien tad-djar tagħhom, u dan il-grupp jinqasam b’mod ugwali bejn dawk li għadhom qegħdin iħallsu s-self fuq il-proprjetà tagħhom u dawk li mhumiex. Minħabba li ż-żieda persistenti fl-għoli tal-ħajja, huma biss nofs iż-żgħażagħ illi jirnexxilhom iġemmgħu l-flus fuq bażi regolari speċifikament għax-xiri ta’ proprjetà. 

Stħarriġ tal-Awtorità tad-Djar jixhed li madwar 49% taż-żgħażagħ Maltin jippjanaw li jixtru l-proprjetà tagħhom mingħajr is-sieħba tagħhom, iżda l-proporzjon tal-prezz tal-proprjetà għad-dħul qiegħed imur għall-agħar. Minħabba li l-ispejjeż tad-djar qed jibqgħu jikbru b’rati ogħla mir-rata tat-tkabbir fil-pagi, dan il-proporzjon tela’ għal 14.5 fl-2025 minn 14.0 kif kien ġie rreġistrat fis-sena ta’ qabel. Dan joħloq sfida partikolari għal dawk ix-xerrejja li għandhom ix-xewqa li jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom weħidhom. 

 

Inqas Maltin qegħdin isiru sidien ta’ djarhom 

Minkejja li l-ammont ta’ persuni li huma s-sidien ta’ djarhom qiegħed dejjem jonqos, il-maġġoranza tal-Maltin għadhom jippreferu l-idea li jkunu s-sidien tad-dar tagħhom fuq l-idea li sempliċement jikru proprjetà. Stħarriġ riċenti jindika li 11% biss taż-żgħażagħ Maltin jagħżlu sabiex jikru proprjetà minflok jixtru waħda. L-għajnuna tal-familja għandha rwol kbir f’dan ir-rigward, billi aktar minn terz ta’ dawk li se jixtru l-proprjetà tagħhom għall-ewwel darba jiksbu għajnuna finanzjarja mill-familji tagħhom permezz ta’ self informali. 

Ir-raġuni primarja wara t-tnaqqis drastiku fl-ammont ta’ Maltin li huma sidien ta’ djarhom hija l-fatt li l-prezzijiet tal-proprjetà qegħdin jiżdiedu b’rati eżorbitanti minn sena għall-oħra. Fil-fatt, il-prezzijiet tal-proprjetà żdiedu b’iżjed mid-doppju mill-2013, tant illi f’perjodu ta’ għaxar snin, il-prezzijiet żdiedu b’125%. Għaldaqstant, appartament illi kien jiswa madwar €100,000 ġie jiswa madwar €225,000 f’temp ta’ għaxar snin. Fit-tielet kwart tas-sena 2025, il-prezzijiet tal-proprjetà żdiedu b’6.88% meta mqabbel maż-żieda ta’ 2.15% fl-ewwel kwart tal-istess sena. 

Statistiċi mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika minn Lulju 2025 juru li l-valur totali tat-tranżazzjonijiet li saru fl-2024 ammonta għal €3.53 biljun; ammont li jirrifletti żieda ta’ 8.4% minn snin imgħoddija. Sal-ewwel disa’ xhur tas-sena 2025, dan il-valur totali kien diġà laħaq l-ammont ta’ €2.89 biljun. Din il-figura tirrifletti qabża ta’ 13.4%. Il-lokalitajiet fir-Reġjun tat-Tramuntana tal-Port huma l-iżjed lokalitajiet illi rreġistraw żieda fil-valur tal-proprjetajiet tagħhom, iżda lokalitajiet li jinsabu fin-Nofsinhar ta’ Malta u f’Għawdex qegħdin jirreġistraw żieda fil-valur tal-proprjetà li qiegħda tisboq liż-żieda fil-valur tal-proprjetà madwar l-inħawi ta’ Marsamxett. 

 

L-affordabbiltà se tibqa tonqos 

Minkejja li m’hemm l-ebda dubju li l-għotjiet li ġejjin mill-Iskema tal-First-Time Buyers qegħdin jgħinu sabiex jittaffa l-piż tal-ħlasijiet li x-xerrejja jridu jagħmlu fil-bidu tal-mixja sabiex isiru s-sidien ta’ djarhom, il-valur tal-għotja ta’ €10,000 se tibda tidher pjuttost żgħira meta mqabbla mar-rati attwali li bihom qegħdin jiżdiedu l-prezzijiet tal-proprjetà. Mill-2023 sal-2025, il-prezzijiet tal-proprjetà żdiedu b’6% sa 7% fuq bażi annwali, filwaqt li l-għotjiet mogħtija mill-iskema baqgħu eżattament l-istess mingħajr ebda aġġustament għall-inflazzjoni. Għaldaqstant, it-tkabbir kontinwu fil-prezzijiet qiegħed ikompli jissupera l-valur tal-għajnuna li dawn l-għotjiet jistgħu verament jipprovdu għal dawk li se jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom. 

Jekk il-prezzijiet tal-proprjetà se jibqgħu jiżdiedu b’rati annwali ta’ bejn 6% u 7%, filwaqt li l-pagi qegħdin jibqgħu jiżdiedu b’pass aktar bil-mod, l-ammont ta’ żgħażagħ li se jirnexxilhom jidħlu fis-suq tal-proprjetà mingħajr xi tip ta’ għajnuna miżjuda se jibqa’ jonqos. Minkejja li l-istatistiċi tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru biċ-ċar li t-tranżazzjonijiet tabilħaqq qed jiżdiedu, huwa wkoll evidenti mill-istess statistiċi l-affordabbiltà qiegħda tkompli tonqos speċjalment għal dawk taħt l-età ta’ 35 sena. 

 

Il-ħtieġa għal miżuri iktar radikali 

Taxxa fuq il-proprjetajiet vakanti tista’ potenzjalment tgħin biex tittaffa l-kriżi tal-affordabbiltà tal-proprjetà b’mod li l-Iskema tal-First-Time Buyers ma tistax, billi tirrikonoxxi l-ammont ta’ proprjetajiet vakanti li mhumiex disponibbli għax-xerrejja fis-suq tal-proprjetà.  

Skont figuri riċenti, huwa stmat li l-ammont ta’ proprjetajiet vakanti jammonta għal aktar minn 25,000. Taxxa fuq proprjetajiet vakanti tista’ timbotta lis-sidien sabiex ibigħu l-proprjetajiet vakanti jew sabiex jikruhom, u b’hekk tiġi ssodisfata d-domanda eżistenti għal iżjed provista fis-suq tal-proprjetà. Ir-riżultati ta’ miżuri simili li ġew attwati fir-Renju Unit u fil-Kanada juru li l-affordabbiltà tal-proprjetajiet żdiedet b’madwar 5% u 10%. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat bis-serjetà jekk wasalx iż-żmien li jittieħdu miżuri drastiċi bħal dawn sabiex tiġi affaċċjata l-kriżi attwali tal-affordabbiltà tal-proprjetà f’pajjiżna. 

 

Il-kontribut tas-settur tal-kostruzzjoni għall-ekonomija 

Minn sena għall-oħra, is-settur tal-kostruzzjoni jammonta għal madwar 4% u 5% tal-Prodott Gross Domestiku (PGD). Dan ifisser illi s-settur tal-kostruzzjoni għandu rwol sinifikanti fl-ekonomija Maltija anke jekk mhuwiex l-iktar settur illi jsostniha. Lura fl-2021, is-settur tal-kostruzzjoni kien jammonta għal 4.7% tal-PGD skont figuri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Fi snin riċenti, huwa evidenti li l-kontribut aħħari li dan is-settur jipprovdi lill-ekonomija qiegħed jonqos gradwalment, hekk kif fis-sena ta’ wara, is-settur kien jammonta għal 4.3% tal-PGD. B’mod simili, il-kontribut tas-settur tal-naqas b’1.6% fit-tieni nofs tas-sena 2024 meta mqabbel mal-kontribut tal-istess settur ewwel nofs ta’ dik is-sena. Madanakollu, is-settur tal-proprjetà rnexxielu jikber b’6.6% fl-istess perjodu. 

Barra minn hekk, is-settur tal-kostruzzjoni jiġġenera dħul li jammonta għal iżjed minn €500 miljun fis-sena, u jimpjega direttament iżjed minn 17,000 ħaddiem li jaħdmu xogħlijiet relatati ma’ dan is-settur. Meta wieħed jagħti ħarsa lejn il-kontribut tas-settur tal-kostruzzjoni għat-tkabbir tal-ekonomija bejn l-2014 u l-2021, wieħed jirrealizza li s-settur tal-kostruzzjoni kkontribwixxa biss 0.3% għat-tkabbir annwali f’dan il-perjodu; illi ammonta għal madwar 6.4% kull sena. Dawn il-figuri juru kif is-settur qiegħed isostni lit-tkabbir ekonomiku attwali ferm inqas minn oqsma oħrajn bħalma huma t-turiżmu u s-servizzi finanzjarji, illi ħallew impatt ferm iktar sinifikanti fuq it-tkabbir tal-ekonomija Maltija f’dan l-istess perjodu. 

Fattur li jgħin lis-settur tal-kostruzzjoni sabiex iżomm ir-relevanza tiegħu huma t-tranżazzjonijiet relatati mal-proprjetà, billi dawn fatturi illi jżidu d-domanda għal iżjed bini. F’Lulju 2025, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika rrapporta li kienu ġew konklużi 1,266 konvenju, qabża ta’ 21.8% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Fl-istess perjodu, il-wegħdiet tal-bejgħ żdiedu b’15.6%. Anke jekk id-domanda għas-settur għadha waħda b’saħħitha, iż-żidiet fil-prezz tal-materjal u x-xogħol qegħdin jirriżultaw f’attività iżjed kajmana matul dawn l-aħħar xhur. 

More in Socjali