Il-Gżejjer Maltin bħalissa qed jesperjenzaw kundizzjonijiet ta’ riħ qawwi li f’xi mumenti laħqu livelli ta’ riefnu, b’effetti li jinħassu sew, kemm fuq l-art, kif ukoll fuq il-baħar. Skont l-Uffiċċju Meteoroloġiku, ir-riħ qiegħed jersaq lejn Forza 7 sa Forza 9 fuq l-iskala Beaufort – livelli li kapaċi jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum u joħolqu riskji, partikolarment għall-baħħara.
F’Forza 7, deskritt bħala riħ qawwi ħafna, siġar sħaħ jibdew jiċċaqalqu b’mod notevoli u l-mixi kontra r-riħ isir diffiċli. Il-baħar jinħasad u l-mewġ itir bħal ragħwa. Meta r-riħ jiżdied għal Forza 8, magħruf bħala riefnu, fergħat żgħar jistgħu jitqaċċtu mis-siġar, filwaqt li l-movimenti u l-mixi jsiru aktar impenjattivi. Il-baħar juri wiċċu aktar aggressiv, bir-raxx itir mill-qċaċet tal-mewġ. F’Forza 9, jew riefnu qawwi, ir-riħ jista’ jikkawża ħsarat strutturali żgħar u jnaqqas il-viżibilità minħabba r-raxx intens tal-baħar.
L-Uffiċċju Meteoroloġiku joħroġ twissijiet lill-pubbliku minn meta r-riħ jilħaq Forza 6, u dawn it-twissijiet jiġu kklassifikati fi tliet kuluri: Isfar, Oranġjo u Aħmar, skont il-livell ta’ periklu. Il-Ħamis li għadda, kien hemm fis-seħħ twissija Oranġjo li baqgħet valida sad-disgħa ta’ filgħaxija ta’ dakinhar, b’possibbiltà li jinħarġu aktar twissijiet, wieħed wara l-ieħor, sal-Ħadd filgħaxija.
Imma x’qed jikkawża dan kollu? Ir-riħ huwa essenzjalment il-moviment tal-arja minn żoni ta’ pressjoni għolja għal żoni ta’ pressjoni baxxa, f’tentattiv tan-natura li toħloq bilanċ. Eżempju sempliċi huwa bużżieqa minfuħa: malli tinfetaħ, l-arja taħrab b’saħħa lejn barra fejn il-pressjoni hija aktar baxxa. B’mod simili, bħalissa qed naraw sistema estensiva ta’ pressjoni baxxa li testendi mill-Istati Baltiċi saċ-Ċentru tal-Mediterran, li qed timxi lejn il-Grigal, filwaqt li firxa ta’ pressjoni għolja qed testendi mill-Marokk sal-Libja. Din id-differenza qawwija fil-pressjoni qed issaħħaħ ir-riħ fuq Malta u l-inħawi tagħha.
Għalkemm riħ qawwi bħal dan huwa parti normali mill-klima tal-Gżejjer Maltin, m’hemmx statistika dettaljata li turi kif il-frekwenza ta’ dawn il-kundizzjonijiet inbidlet tul is-snin. Madankollu, ir-rekords juru li s-sena li għaddiet, Marzu kien l-iktar xahar mimli riħ. Storikament, l-iktar buffura qawwija tar-riħ irreġistrata f’Malta seħħet fi Frar tal-1982, meta nqabdet buffura qawwija ta’ 72 knots – tifkira ċara tal-qawwa li tista’ turi n-natura.