Il-Prietka tat-Tifel: tradizzjoni ħajja li tkompli tgħaqqad il-Milied Malti
Fil-qalba tal-Milied hemm it-tradizzjoni tal-prietka tat-tifel, fejn kliem innoċenti u mimli sinċerità, iqanqal emozzjonijiet u jfakkar il-komunità fil-qawwa tal-fidi u t-tama
minn Jaelle Borg
Il-Milied f’Malta ma jinħassx biss bid-dwal, bil-presepji, u bl-għanjiet. Għal ħafna, jasal tassew meta, tinstema’ l-prietka tat-tifel — tradizzjoni antika li baqgħet tgħix minn ġenerazzjoni għal oħra u li tibqa’ tmiss il-qlub bl-innoċenza u s-sinċerità tagħha.
Proprju biex nifhmu aktar x’hemm wara dan il-mument tant għażiż, din il-gazzetta marret fil-lokalità ta’ Ħal Lija, fejn din it-tradizzjoni għadha tiġi mħarsa b’għożża kbira mill-komunità parrokkjali.
Skont il-kappillan tal-parroċċa, Dun Joseph Cilia, din it-tradizzjoni tmur lura għal aktar minn seklu. “Hija drawwa li bdiet fl-1800 u li baqgħet tirtiret minn ġenerazzjoni għal oħra,” jispjega. “Għal ħafna nies, qisu ma jasalx Milied jekk ma jisimgħux il-prietka tat-tifel. Hemm xi ħaġa speċjali li tisma’ l-messaġġ tal-Milied minn fomm innoċenti — hija kelma li toħroġ mill-qalb u tasal direttament fil-qalb.”
Il-mod kif jintgħażel it-tifel ivarja minn parroċċa għal oħra. F’Ħal Lija, l-għażla normalment issir minn fost il-grupp tal-abbatini. “M’hemmx kriterji formali jew kompetizzjoni,” jgħid Dun Cilia. “Imma nħoss li hu privileġġ għal abbati li jitla’ fuq il-pulptu u, għal dak il-mument, jitkellem quddiem il-komunità qisu saċerdot. Dan iġib miegħu, kemm entużjażmu, kif ukoll ċerta tensjoni.”
Qabel ma jasal dak il-jum, iżda, hemm ħafna xogħol li ma jidhirx. Il-kliem li jinstema’ mill-pulptu jkun ilu xhur jinħadem u jittejjeb. Andrea Cassar, li jikteb il-prietka, jispjega li l-proċess tal-kitba ma jibdiex mill-ewwel. “Wara li tgħaddi l-festa tas-Salvatur, nibda nħares lejn is-sena li tkun għaddiet — x’għaddejna minnu fil-fidi tagħna, x’kien kurrenti fis-soċjetà, u x’mistoqsijiet kellna bħala komunità.”
Minn hemm, il-prietka tibda tieħu forma. “Inħobb nibda naħdem minn qabel biex ikun hemm biżżejjed ħin li ndaħħal ukoll affarijiet li jistgħu jiġru aktar ’il quddiem fis-sena,” jgħid Andrea. Importanti wkoll li l-kitba ma tkunx astratta. “Meta nkun naf min hu t-tifel li se jagħmilha, nibda nara l-karattru. Nipprova ndaħħal ftit mill-karattru tiegħu, biex il-kliem ma jkunx biss sabiħ, imma naturali.”
Din is-sena, saħansitra, il-kitba ħadet ispirazzjoni mill-isem tat-tifel innifsu. “L-isem Yeshua, li jfisser Ġesù, sar element mill-introduzzjoni tal-prietka,” jgħid Andrea. “Kien mod kif l-identità tat-tifel tintrabat direttament mal-messaġġ tal-Milied, u kif dettall żgħir jista’ jagħti aktar saħħa u tifsira lill-kelma.”
Il-proċess tat-tagħlim hu wieħed delikat. “Fil-bidu jsir il-qari,” jispjega Andrea. “Imbagħad il-prietka tiġi mgħallma linja linja. Hawnhekk is-sapport tal-ġenituri hu kruċjali — huma li kuljum joqogħdu mat-tifel, jinkoraġġuh u jgħinuh jitgħallem b’mod naturali, mingħajr pressjoni żejda.”
It-tifel li din is-sena se jkun hu li se jagħmel il-prietka ġewwa l-parroċċa ta’ Ħal Lija huwa Yeshua Borg, li jfakkar l-emozzjonijiet imħallta li ħass meta sar jaf li se jagħmel il-prietka. “Għall-ewwel ħassejtni naqra panikuż,” jistqarr. “Imma aktar ma bdejt nitgħallimha, aktar bdejt nibni l-fiduċja fija nnifsi. Xorta jibqa’ dak il-biża’ li tinsa xi ħaġa jew teħel, imma fl-istess ħin hemm ħafna eċitament.”
Id-dar hija wkoll parti importanti mill-vjaġġ. Yeshua jgħid li sab sapport kbir mill-familja tiegħu, speċjalment minn missieru, li għenu jitgħallem il-prietka u saħansitra kkontribwixxa b’biċċa poeżija li tidħol fil-messaġġ.
Għal Dun Joseph Cilia, il-mument meta t-tifel jitla’ fuq il-pulptu jibqa’ wieħed mimli tensjoni u ferħ fl-istess ħin. “Jien nipprova ma nismagħhiex qabel,” jgħid. “Inħossni ftit nervuż, imma meta nara lit-tifel jitkellem b’kuraġġ u b’dik l innoċenza, tifhem għaliex din it-tradizzjoni għadha tant qawwija.”
Din is-sena, it-tema tal-prietka ddur mat-tama — kelma li ħafna qed ifittxu f’ħajja mimlija sfidi. It-twelid ta’ Ġesù jerġa’ jfakkar li t-tama mhijiex illużjoni, imma wegħda. U meta din il-wegħda tinstema’ minn leħen ċkejken, forsi ssir aktar kredibbli, aktar qrib, u aktar umana.
Hekk, f’Ħal Lija, bħalma jiġri f’ħafna lokalitajiet oħra, il-prietka tat-tifel tibqa’ xhieda li xi tradizzjonijiet ma jintilfux — għax kull sena jitwieldu mill-ġdid, bħall-messaġġ tal-Milied innifsu.
