Il-President Myriam Spiteri Debono kkumentat terminazzjoni tal-mandat tal-Awditur Ġenerali u d-Deputat Awditur Ġenerali flimkien tista twassal għal kriżi fid-diskors ta' Jum ir-Repubblika.
Hija għamlet referenza għas-sitwazzjoni fejn iż-żewġ rwoli se jkunu vakanti flimkien, avolja l-Artikolu 180 sub-artikolu 9a joffri provedimenti sabiex din qatt ma sseħ billi d-Deputat Awditur Ġenerali jilbes iż-żarbun tal-Awditur Ġenerali fl-assenza ta' dan tal-aħħar.
"Il-mandati ta' dawn iż-żewġ uffiċjali m'għandhomx jibqgħu jibdew u jispiċċaw flimkien," qalet Spiteri Debono b'referenza għat-terminazzjoni ta' dawn iż-żewġ inkarigi f'Marzu tal-2026, fejn fl-istess perjodu ser ikun hemm it-tmiem tal-ħatra tal-Prim Imħallef bl-eta'. Fejn l-awditur ġenerali jiġi maħtur mill-President, il-ħatra tal-Prim Imħallef issir b'vot ta' mhux inqas minn żewġ terzi tal-Parlament.
Hija kompliet titkellem fuq l-aspett ġudikarju fejn għaddej l-proċess ta' Riformi tal-Qrati li tnieda mill-emendi tal-2020. Dawn ir-riformi qed jindirizzaw sfidi infrastrutturali bħall-binja l-ġdida għall-Qorti Kummerċjali, awla oħra fil-Qrati tal-Familja, awla għall-ġurijiet, konvenju għal Qorti ġdid f'Għawdex u tisħiħ fin-numru ta' ħaddiema fl-Amministrazzjoni tal-Qrati u l-Ġustizzja.
"Naċċenna għall-ħatra ta' Kummissarju għall-Istandards tal-Ġudikatura," qalet Spiteri Debono, kappell li libsu l-imħallef irtirat Toni Abela din il-ġimgħa stess. Dan l-irwol ġdid se jinvestiga allegati ksur ta' etika minn membri tal-ġudikatura filwaqt li jippreżenta s-sejbiet tiegħu lill-Prim Imħallef u lill-Ministru għall-Ġustizzja. Hi tenniet li dan il-Kummisarju se jservi lil kull min għandu xi tħassib dwar membru tal-Ġudikatura inkluż ċittadini.
Malta fuq livell internazzjonali
Il-President qalet li qis li Malta tkompli taħdem sabiex il-Mediterran ikun "baħar ta' paċi u sigurta' għall-popli li jgħixu max-xtut tiegħu". Hi kompliet billi qalet li dawn l-isforzi hemm bżonn jiġu intensifikati sabiex il-paċi us-siġurta' fil-Mediterran ikun parti mill-aġenda internazzjonali.
Spiteri Debono tat ġieħ lill-istorja ta' Malta li qalet ija relativament żgħażugħa. Hija għamlet referenza għall-parteċipazzjoni ta' Malta f'istituzzjonijiet internazzjonali bħal dik tal-Ġnus Magħquda fl-1988 u iżjed riċentament meta l-Prim Ministru għamel suġġeriment ta' Kummissarju Ewropew għall-Mediterran.
Hi tkelmet ukoll fuq is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani fejn qalet li hemm bżonn li jiġi eżaminat il-potenzjal li l-organizzazzjonijiet reliġjużi, taż-żgħażagħ u tan-nisa rispettivament għandhom sabiex joħolqu sentimenti paċifiċi.
Semmiet ukoll il-Presidenza Maltija il-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa fejn iffukkat fuq it-tribunal speċjali li ġiet stabbilit sabiex jittratta l-aggressjoni tar-Russja fuq l-Ukrajna; id-diskriminazzjoni, ugwaljanza u d-dinjita' umana u; s-salvagwardjar tad-demokrazija u s-Saltna tad-dritt fost l-oħrajn.
L-isfidi t'Għawdex
Il-President tkellmet fuq il-ġżira Għawdxija, u kif għandha tiġi mħarsa mill-isfidi li qed taffaċja riżultat tal-proċess ta' modernizzazzjoni u l-progress mgħaġġel.
"Irridu nifhmu li f’Għawdex, l-investiment, il-bini, it-turiżmu, u kwalsijajsi ċaqliq ekonomiku ieħor, l-effetti tagħhom huma aktar akuti," hi spjegat li għandna nħarsu lejn Għawdex b'perspettiva differenti minn dak ta' Malta, hekk kif iċ-ċokon t'Għawdex joffri realtajiet differenti minn dawk ta' Malta.
Hi enfasizzat fuq il-ħtieġa ta' viżjoni ċara u sostenibbli li mhux jiżola lil Għawdex, imma jgħaraf id-differenzi bejn iż-żewġ gżejjer żgħar filwaqt li jiġi rikonoxxut il-potenzjali ta' Għawdex fl-industrjia turistika għall-Gżejjer Maltin. Hekk kif 35% mill-ekonomija Għawdxija torbot fuq it-turiżmu, is-sostenibbilta' tat-turiżmu għandu jingħata prijorita' hekk kif hi qalet li jekk l-awtentiċita' tintilef it-turiżmu jbati, flimkien mal-familji Għawdxin.