Il-Gvern u l-Malta Council for Economic and Social Development (MCESD) qablu li jwettqu studju dwar kif l-Intelliġenza Artifiċjali f’pajjiżna tista’ tintuża aħjar minn negozji Maltin u mis-suq tax-xogħol.
Dan wara li s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul talab li jsir dan l-istudju fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali.
Matul il-laqgħa, kien hemm qbil unanimu li l-pajjiż irid ikun ippreparat għall-bidliet li se jseħħu f’diversi setturi tax-xogħol minħabba l-Intelliġenza Artifiċjali, u li rridu nistudjaw dawn il-bidliet.
Waqt li kien qed jitkellem fil-laqgħa, Ellul semma kif il-ħiliet tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin qed ikomplu jiġu żviluppati permezz ta’ diversi investimenti tal-Gvern fis-settur. Huwa faħħar ukoll id-djalogu produttiv li sar fil-MCESD u rrimarka l-attiviżmu tal-imsieħba soċjali u d-djalogu kostruttiv li ttella’.
Ellul semma l-importanza tal-MCESD, u qal li d-djalogu fi ħdanu għandu jibqa’ b’saħħtu sabiex b’mod konkret ikomplu jsiru titjib u riformi fis-soċjetà tagħna.
Huwa spjega li dan l-istudju hu parti minn sforz kontinwu biex jiġi evalwat kif l-IA mhux biss taffettwa s-suq tax-xogħol, iżda wkoll il-pajjiż b’mod ġenerali, u fakkar kif l-IA tista’ tkun pilastru importanti fil-viżjoni fit-tul tal-Gvern.
Huwa semma wkoll kif tista’ tkun importanti fl-espansjoni tax-xogħol remot u anke għall-Jedd għall-Qtugħ tal-Konnessjoni, u qal li dawn huma parti żgħira minn sett usa’ ta’ miżuri maħsubin biex isaħħu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali.
“Il-Gvern f’dan kollu għandu rwol kruċjali, dak li jqajjem id-diskussjoni fuq suġġetti bħal dawn li jaffettwaw direttament il-ħajja tan-nies u tal-ħaddiema, u li wieħed jista’ jaqbel jew ma jaqbilx magħhom, iżda li huma importanti li jiġu diskussi,” huwa qal.
Matul il-laqgħa, l-imsieħba soċjali rrikonoxxew li l-Intelliġenza Artifiċjali se ġġib magħha kemm opportunitajiet kif ukoll sfidi għall-ekonomija u s-suq tax-xogħol Malti.
L-imsieħba enfasizzaw ukoll li l-Intelliġenza Artifiċjali tista’ tħeġġeġ il-produttività u l-effiċjenza; madankollu, qalu li “se ġġib magħha tħassib ġdid, speċjalment meta niġu għall-algoritmi, u anke lakuni fil-ħiliet, li dawn tal-aħħar ser jolqtu l-aktar lill-ħaddiema akbar fl-età.”
L-imsieħba kkonkludew billi enfasizzaw li, fuq livell edukattiv, l-istudenti għandhom ikomplu jiġu esposti għal għodod diġitali filwaqt li jiġu mgħallma jaħsbu b’mod kritiku, sabiex Malta tibqa’ kompetittiva u reżiljenti hekk kif il-bidla teknoloġika tkompli timxi ’l quddiem.