Il-Qorti Kostituzzjonali tikkonkludi: it-teħid tal-bank nazzjonali kien sproporzjonat
Is-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali li ħarġet din il-ġimgħa tikkonferma li t-teħid tal-Bank Nazzjonali fl-1973 seħħ b’mod sproporzjonat u mingħajr kumpens
minn Jaelle Borg
Il-ġimgħa li għaddiet il-Qorti Kostituzzjonali għamlet dak li għal għexieren ta’ snin deher kważi impossibbli: għalaq, b’sentenza definittiva u bla skossi, il-kapitlu twil tal-Bank Nazzjonali ta’ Malta. Wara aktar minn tletin sena ta’ litigazzjoni u kważi ħamsin sena ta’ kontroversja politika, storika u ekonomika, il-Qorti ddeċidiet li l-azzjonisti tal-bank sofrew ksur ċar tad-dritt tagħhom għall-proprjetà meta fl-1973 ġew imġiegħla jċedu l-ishma tagħhom lill-Gvern mingħajr kumpens. Il-Qorti ordnat li jiġu kkumpensati bi kważi €71.8 miljun, ċifra li, għalkemm ferm inqas minn dak li riedu l-azzjonisti, tirrappreżenta l-ewwel u l-uniku rikonoxximent formali tal-Istat li dak li ġara kien żball serju u sproporzjonat.
Is-sentenza għandha piż storiku, mhux biss minħabba s-somma, iżda għax tagħlaq episodju li għal ħafna familji u negozji Maltin ma kien qatt ingħalaq. Iżda l-mistoqsija li tibqa’ tinħass fuq fomm kulħadd hija waħda sempliċi: għaliex damet kważi nofs seklu biex issir ġustizzja? Ir-risposta tinsab fil-mod kif ġara t-teħid tal-bank, fil-kumplessità politika u emozzjonali tal-każ.
Lura għal Diċembru tal-1973, f’dawk il-jiem, il-Bank Nazzjonali kien milqut minn kwistjoni qawwija fuq id-depożiti. F’sigħat kienu tħarrku aktar minn Lm2.5 miljun, u fil-pajjiż beda jinfirex il-paniku li l-bank kien fallut. Il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Dom Mintoff sejjaħ lill-azzjonisti ewlenin għal laqgħa urġenti fil-Berġa ta’ Kastilja. Skont ix-xhieda, Mintoff kien kategoriku u bla kompromessi. Qalilhom li jekk ma jċedux l-ishma immedjatament, kien lest jiddikjara “Bank Holiday” u jagħlaq il-bank, billi jlaħħaq mal-kriżi b’mod li kien iżid il-paniku u jwassal għal kollass totali.
L-għada filgħodu, il-paniku politiku nbidel f’azzjoni diretta. Suldati u pulizija marru d-djar tal-azzjonisti f’nofsillejl u fit-3 ta’ filgħodu, u tawhom il-messaġġ li l-firma tagħhom kienet “meħtieġa”. Xi wħud iffirmaw taħt pressjoni, oħrajn irrifjutaw. Sa tmiem il-ġurnata, il-Parlament kien diġà għadda liġi straordinarja li neħħiet ir-responsabbiltà limitata tal-azzjonisti u għamlet l-ishma ta’ dawk li ma ffirmawx bla valur. Kienet laqgħa li saret taħt pressjoni qawwija, bi kliem iebes u b’tensjoni politika li ma kinitx tippermetti diskussjoni miftuħa. Bin-narrattiva uffiċjali ta’ “kollass imminenti”, il-Gvern ħa l-kontroll totali tal-bank u ftit wara waqqaf il-Bank of Valletta, li minnufih beda juri profitti li qatt ma jixbhu dik ix-xena ta’ emerġenza li kienet inħolqot.
U hawn tidħol il-kawża tal-azzjonisti. Għal snin sħaħ dawn il-familji argumentaw li l-bank ma kienx verament fallut, li l-likwidità tiegħu kienet għadha stabbli, li l-proviżjoni għal dejn ħażin kienet ġiet iffiltrata biex tidher aktar gravi milli kienet, u li l-Bank Ċentrali kien naqas milli jagħti l-għajnuna li ta lil istituzzjonijiet oħra fi kriżijiet simili. Imma l-problema kienet waħda enormi: il-każ kien politiku ħafna. Kull darba li nbidel il-Gvern, inbidel ukoll il-mod kif kienet tiġi trattata l-istorja. L-azzjonisti nġabru fl-1992 u fetħu l-ewwel kawżi kostituzzjonali. Il-proċess kien wieħed twil. Jidħol imħallef, joħroġ imħallef. Jitilfu dokumenti, jidhru dokumenti oħra. It-testimonjanzi ta’ ħafna mill-azzjonisti oriġinali nqatgħu fin-nofs għax mietu waqt li l-proċess kien għaddej. Kull darba li kien hemm progress, kienet tinqala’ xi kwistjoni ġdida jew argument legali ġdid.
Il-każ eventwalment wasal quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem f’każ importanti li jismu Cauchi vs Malta, li fih il-QEDB ikkonkludiet li Malta kienet kisret id-dritt għall-proprjetà. Dan kompla jagħti spinta lill-kawżi ġewwa Malta. Madankollu, il-proċess kien twil, għax il-qrati kellhom janalizzaw volumi enormi ta’ dokumenti, każijiet konnessi u kalkoli kumplessi dwar valur storiku, valur ekonomiku u valur potenzjali li qatt ma se jkun magħruf b’ċertezza.
Meta waslet is-sentenza tal-ġimgħa li għaddiet, il-Qorti Kostituzzjonali ppruvat tagħti bilanċ bejn l-istorja, il-ġustizzja u r-realtà ekonomika tal-lum. Għarfet li l-Istat kellu d-dritt jidħol biex jipproteġi d-depożitanti, iżda żiedet li dan l-intervent ma jistax isir billi jiġu ssagrifikati kompletament id-drittijiet fundamentali tal-azzjonisti. Għarfet il-ħsara, iżda ċaħdet il-kumpens astronomiku ta’ aktar minn biljun ewro li kien jiddestabilizza s-suq finanzjarju. Għalhekk iddeċidiet l-ammont ta’ €71.8 miljun bħala kumpens reali u proporzjonat.
Wara nofs seklu, dan il-każ ġie ffinalizzat. Xorta waħda, il-fatt li l-Istat fl-aħħar ammetta l-iżball tiegħu jibqa’ mument storiku li jagħlaq episodju li ilu jiddomina l-kuxjenza nazzjonali għal ħafna snin.
