Il-Kurja tispjega għaliex xi skejjel tal-Knisja jaċċettaw tfal ta’ reliġjonijiet oħra
Jistgħu l-iskejjel tal-Knisja jibqgħu Kattoliċi u fl-istess ħin jiftħu l-bibien għal kulħadd? Il-Kurja twieġeb fost dibattitu jaħraq fuq il-midja soċjali
minn Jaelle Borg
Wara li din il-gazzetta rrappurtat dwar id-dibattitu li qam fuq il-midja soċjali dwar jekk l-iskejjel tal-Knisja f’Malta għandhomx jaċċettaw tfal ta’ reliġjonijiet oħra, issa kien imiss lill-Arċidjoċesi ta’ Malta tispjega l-pożizzjoni tagħha fuq is-suġġett.
Taħt l-istess artiklu li ġie ppubblikat, kummenti ġodda fuq il-midja soċjali reġgħu fasslu dibattitu ieħor, b’opinjonijiet imqassma bejn min jara li “skola tal-Knisja” għandha tkun riservata għal studenti Kattoliċi u min jemmen li l-fidi Nisranija nnifisha titlob li jiġi milqugħ kulħadd, irrispettivament mir-reliġjon.
“Skola tal-Knisja jew skola miftuħa għal kulħadd?” kien kliem li reġa’ deher f’ħafna kummenti.
Ħafna ġenituri esprimew tħassib dwar il-fatt li l-iskejjel tal-Knisja qed jitbiegħdu mill-għeruq Kattoliċi tagħhom.
Storikament l-iskejjel tal-Knisja maż-żmien bdew jattiraw studenti minn sfondi privileġġjati
Oħrajn staqsew għaliex ġenituri Kattoliċi jridu jippreżentaw ċertifikat tal-magħmudija biex japplikaw, filwaqt li tfal ta’ reliġjonijiet oħra jistgħu jidħlu mingħajr dan ir-rekwiżit.
Fl-istess waqt, kien hemm min iddefenda l-ftuħ ta’ dawn l-istituzzjonijiet, billi qal li r-reliġjon Kattolika għandha tkun eżempju ta’ mħabba lejn kulħadd.
Fid-dawl ta’ dan, il-gazzetta ILLUM staqsiet lill-Arċidjoċesi ta’ Malta biex tispjega l-pożizzjoni tagħha fuq dan is-suġġett. It-tweġiba dettaljata ngħatat mis-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika, li flimkien mad-Djoċesi ta’ Għawdex jamministra u jikkordina l-proċess tad-dħul fl-iskejjel tal-Knisja.
Is-Segretarjat qal li kull sena jiġu aġġornati u ppubblikati regolamenti uffiċjali li jirregolaw id-dħul fl-iskejjel tal-Knisja.
Minħabba li l-applikazzjonijiet dejjem ikunu aktar mill-postijiet disponibbli, dan il-proċess jinkludi poloz pubbliċi u miżuri ta’ trasparenza sħiħa.
F’każijiet fejn jibqgħu postijiet vojta — mhux fis-snin li fihom isiru l-poloz (Years 2–6 u Years 8–11) — japplikaw ir-regolamenti interni tal-iskola rispettiva.
Dritt ekkleżjastiku u awtonomija ta’ kull skola
Il-Kurja spjegat li l-ftehim tal-1991 bejn is-Santa Sede u r-Repubblika ta’ Malta jagħti lill-awtoritajiet ekkleżjali d-dritt li jistabbilixxu liberament il-kriterji ta’ ammissjoni fl-iskejjel tal-Knisja.
Is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika jservi bħala entità ta’ kordinament u gwida, iżda kull skola hija legalment awtonoma u tiddependi mill-Ordni reliġjuż li jmexxiha, ħlief dawk li jaqgħu direttament taħt l-Arċidjoċesi jew id-Djoċesi t’Għawdex.
Għalhekk, xi skejjel jagħżlu li jaċċettaw biss studenti Kattoliċi, oħrajn l-Insara kollha, u oħrajn tfal minn kull twemmin, iżda dejjem b’rispett lejn l-identità Kattolika tagħhom.
Is-Segretarjat żied jgħid li ġenituri li japplikaw biċ-ċertifikat tal-Magħmudija jżidu ċ-ċansijiet tad-dħul, peress li wliedhom jistgħu japplikaw għall-iskejjel kollha tal-Knisja.
Skont id-dejta għall-2025, madwar 2.8% tal-istudenti ammessi fl-iskejjel tal-Knisja mhumiex Kattoliċi.
Lezzjonijiet tar-Reliġjon u inklużjoni
Il-Kurja kkonfermat li l-lezzjonijiet tar-Reliġjon jibqgħu parti obbligatorja mill-kurrikulu f’kull skola tal-Knisja, mingħajr alternattiva ta’ suġġett ieħor.
Is-Segretarjat spjega li, minħabba raġunijiet loġistiċi, studenti ta’ twemmin ieħor huma mistennija jibqgħu fil-klassi waqt dawn il-lezzjonijiet, u l-ġenituri jistgħu jagħżlu jekk it-tfal jitgħallmux is-suġġett b’mod akkademiku.
Il-Kurja saħqet li l-iskejjel jiġu mfakkra kontinwament dwar l-importanza tad-djalogu u kontra kull forma ta’ esklużjoni, u li anke dawk l-iskejjel li jilqgħu biss Kattoliċi għandhom jgħaddu valuri ta’ rispett, imħabba u inklużjoni.
Il-bilanċ bejn awtonomija u kordinament ċentrali
Is-Segretarjat qal li huwa jħeġġeġ djalogu kontinwu bejn reliġjonijiet differenti sabiex titnaqqas il-firda u tiġi promossa kultura ta’ rispett u għaqda.
Dan jgħodd ukoll għall-Knisja nnifisha, li hi magħmula minn firxa ta’ fehmiet u perspettivi. Għalhekk, huwa importanti li jinżamm bilanċ bejn kordinament ċentrali u awtonomija individwali tal-iskejjel, inkluż fil-mod kif jitħaddem il-prinċipju ta’ inklużjoni reliġjuża.
Is-Segretarjat ikkonferma li hemm proċess ta’ riflessjoni u riċerka li diġà beda dwar il-futur tal-iskejjel tal-Knisja f’Malta. Dan il-proċess għandu l-għan li jiddefinixxi x’inhi l-identità ta’ skola tal-Knisja llum, fid-dawl ta’ bidliet soċjali, tnaqqis fil-vokazzjonijiet reliġjużi, u realtà kulturali dejjem aktar diversa.
Il-Kurja qalet li Knisja li tingħalaq fiha nnifisha għandha riskju kbir li ssir irrelevanti, għall-kuntrarju ta’ Knisja li tinħareġ, tilqa’, u takkumpanja.
Id-dokument li jirriżulta minn dan il-proċess huwa mistenni li jiġi ppubblikat fil-futur qrib.
Il-funzjoni soċjali tal-iskejjel tal-Knisja
B’referenza għal xi kritika li dehret fl-artiklu tal-ILLUM, is-Segretarjat fakkar li storikament l-iskejjel tal-Knisja twaqqfu biex iservu lill-“imwarrba”, iżda maż-żmien bdew jattiraw studenti minn sfondi aktar privileġġjati.
Illum, qal is-Segretarjat, dawn l-iskejjel jirriflettu aħjar it-taħlita soċjali tal-pajjiż, u dan sar b’impenn konxju u b’ħarsien sħiħ tal-identità Kattolika tagħhom.
“Din l-identità ma tintilifx meta skola tal-Knisja tagħżel li tilqa’ studenti ta’ twemmin ieħor, anki jekk hi waħda mill-isfidi li trid taffaċċja,” tgħid it-tweġiba uffiċjali.
Skont is-Segretarjat, dan hu l-ispirtu li l-Knisja f’Malta tippromovi fost l-iskejjel tagħha, anke permezz tar-regolamenti tad-dħul, sabiex jinżamm bilanċ bejn fehmiet differenti fi ħdan Knisja li tilqa’, toħroġ, tiltaqa’ u takkumpanja.
