Żejtune: Vjaġġ ċinematografiku Malti bejn l-art, il-mużika u l-identità

Qabel il-premiere ta’ Żejtune fis-swali Maltin, id-Direttur Alex Camilleri jitkellem dwar l-ispirazzjoni wara l-film, ir-rabta tiegħu mal-kultura Maltija u kif it-tradizzjoni tal-għana ssir mezz biex jesplora temi universali ta’ appartenenza u identità 

Ritratt: Żejtune
Ritratt: Żejtune

Iċ-ċinema Maltija qed tkompli tikber u tikseb rikonoxximent, kemm lokalment, kif ukoll internazzjonalment, u wieħed mill-aktar diretturi li qed jagħti kontribut sinifikanti f’dan il-qasam huwa Alex Camilleri flimkien ma’ tim sħiħ. Wara s-suċċess kritiku tal-film tiegħu Luzzu, Camilleri jerġa’ lura bi produzzjoni ġdida, Żejtune

Dan il-film il-ġdid jinseġ flimkien temi ta’ identità, appartenenza u r-rabta mal-art, filwaqt li jdur madwar it-tradizzjoni mużikali Maltija tal-għana. Żejtune iwiegħed li jkun esperjenza ċinematografika sinċiera u emozzjonanti, li tgħaqqad storja profondament Maltija ma’ sens universali li jista’ jolqot lil kulħadd. 

Qabel il-premiere tiegħu fis-swali Maltin fit-8 ta’ April, tkellimna ma’ Alex Camilleri dwar l-ispirazzjoni wara dan il-film, il-viżjoni tiegħu bħala storyteller, u x’nistgħu nistennew minn din il-produzzjoni ġdida. 

Minn fejn ġiet l-ispirazzjoni għall-film Żejtune? 

Bdejt nikteb Żejtune ftit wara li tlaqt minn New York City u mort, temporanjament hekk ħsibt, Malta. F’dak iż-żmien ma kont verament ngħix imkien, u għall-ewwel darba f’ħajti ħassejt xewqa qawwija li nsib dar — jew tal-anqas sens ta’ dar. Spiss jingħad li hemm aktar Maltin jgħixu barra minn Malta milli fuq il-gżejjer stess. Jien trabbejt f’familja bħal din, li kienet emigrat minn Malta snin ilu. Tul ħajti staqsejt lili nnifsi: fejn jappartjenu l-Maltin, jekk forsi mhux fuq dawn il-gżejjer? Nistgħu xorta nsejħu lilna nfusna Maltin mingħajrhom? X’jiġri minn persuna li titlef “l-art” tagħha? 

Fl-istess ħin, kont żviluppajt interess qawwi fl-għana, u qattajt ħafna ljieli twal mal-għannejja, nisimgħu l-mużika tagħhom u nosserva d-dinja tagħhom. Malajr indunajt li stajt nesplora dawn il-mistoqsijiet tiegħi dwar l-appartenenza permezz ta’ din it-tradizzjoni rikka u ftit esplorata. Meta skoprejt li l-għana għandu għeruq fil-passat agrikolu ta’ Malta, dan tani aktar fiduċja biex insegwi l-viżjoni tiegħi: film modern ta’ roadtrip li jgħaqqad l-art u l-mużika. 

Għaliex iddeċidejt tiffoka fuq il-kultura Maltija fil-films tiegħek, kemm f’Luzzu kif ukoll issa f’Żejtune? 

Ma nħossx li hija l-missjoni tiegħi li “nirrappreżenta l-kultura Maltija.” Imma nħoss li għandi l-bżonn li nirrakkonta stejjer veri u umani mill-post li jaffaxxinani l-aktar. Malta hija fejn insib il-karattri, ix-xenarji, il-kuntesti storiċi u t-tensjonijiet drammatiċi li jolqtuni l-aktar bħala rakkontatur tal-istejjer. Il-kultura Maltija hija parti naturali mill-ħajja tal-karattri — fil-mod kif jitkellmu, jaħdmu, jitħabtu jew ikantaw. 

Għalija, meta l-kultura tidher fuq l-iskrin, huwa importanti li ma tkunx trattata bħal biċċa mużew, imma bħala xi ħaġa ħajja u naturali, mimlija emozzjoni, identità u storja. Ninteressa ruħi nsib il-punt fejn xi ħaġa speċifika kulturali ssir universali. Nemmen li aktar ma tirrappreżenta post b’mod onest u preċiż, aktar nies minn postijiet oħra jistgħu jaraw lilhom infushom fih. Hija waħda mill-kontradizzjonijiet tal-istejjer, imma dejjem insibha vera: iktar ma tagħmel xi ħaġa żgħira, iktar issir kbira. 

U naħseb li Malta hija mimlija stejjer li ftit li xejn ingħataw din it-tip ta’ attenzjoni ċinematografika. Għalhekk, parti mill-motivazzjoni tiegħi hija sempliċement is-sens li dawn il-karattri u dawn id-dinjiet jistħoqqilhom jiġu rrakkontati — b’umanità, tenerezza u kumplessità. 

Xi jfisser għalik il-film Żejtune? 

Ulysses ta’ James Joyce jgħidha perfettament: “Think you’re escaping and run into yourself. Longest way round is the shortest way home.” 

Għaliex taħseb li dawn il-films huma maħbuba mill-kritiċi u mill-pubbliku? 

Qatt ma aċċettajt l-idea li għandu jkun hemm kunflitt bejn arti kbira u divertiment tajjeb. Ħares lejn ħafna mill-films tal-era klassika — tista’ tidħaq, tinġibed fl-avventura jew tħossok emozzjonat, filwaqt li tkun qed tara xogħol artistiku ta’ livell għoli ħafna. Li tara film “serju” m’għandux iħossok bħal qed tagħmel homework. 

Trabbejt f’nofs imkien fl-Amerika, u aktar tard sibt imħabba kbira għaċ-ċinema internazzjonali u indipendenti. Imma trabbejt ukoll bil-multiplex, l-unika ċinema li kelli aċċess għaliha. U għadni nemmen li wieħed mill-akbar rigali li tista’ tagħti lil xi ħadd huwa li tneħħilu l-piż tal-ħsieb tiegħu stess, anke għal ftit ħin. Jien sempliċement nipprova nagħmel films li nixtieq nara jien stess, u forsi għalhekk ix-xogħol tiegħi qed jintlaqa’ tajjeb kemm mill-kritiċi kif ukoll mill-pubbliku. 

X’tista’ tgħidilna ftit dwar il-film qabel joħroġ fis-swali Maltin? 

Fil-qalba ta’ Żejtune hemm Nenu ‘l-Brazz’ Borg, maestro tal-għana u raġel ta’ 82 sena li qed jagħmel id-debutt tiegħu fuq l-iskrin. Qabel iltqajt ma’ Nenu, kont f’diffikultà kbira biex insib min jista’ jilgħab ir-rwol speċifiku ta’ għannej kariżmatiku u simpatiku. Wara xhur ta’ tfittxija, il-proġett kien kważi spiċċa. Bħalma ġara waqt il-casting ta’ Luzzu, ħeġġiġt lid-direttur tal-casting biex ma jaqtax qalbu u jibqa’ jfittex. 

Ftit ġimgħat wara, smajna b’Nenu, li kien ilu snin ma jidher pubblikament. Dan il-film mhux biss jimmarka d-debutt tiegħu bħala attur, imma wkoll ritorn tant mistenni għall-għana. Li ltqajt miegħu u li ġibt il-vuċi tiegħu fuq l-iskrin kienet waħda mill-akbar privileġġi fil-ħajja kreattiva tiegħi, u ninsab ħerqan li l-udjenzi jħobbuh bħalma ħabbejtu jien. 

X’se jkun il-pass li jmiss wara Żejtune? 

Insib ħafna ispirazzjoni fir-realtà u fl-esplorazzjoni tal-karattri u l-istejjer Maltin, u ma naħsibx li dan se jinbidel dalwaqt. Madankollu, kull opportunità li nagħmel film ġdid iġġib magħha x-xewqa li nisfida lili nnifsi — li nesplora ġeneri ġodda u suġġetti differenti. 

Fl-aħħar mill-aħħar, kull film li tispiċċa jagħtik ħarsa lejn x’inhu jokkupa moħħok f’dak il-mument. Li tagħmel film huwa proċess twil ħafna, u għalhekk dak li nagħżel li nagħmel wara għandu jkun xi ħaġa li tista’ żżomm l-enerġija kreattiva tiegħi għal snin sħaħ. 

 

More in Socjali