“Ecce Mater Tua”: Wirja li tagħti ħajja lill-Ġimgħa Mqaddsa fil-Mosta
Is-Sezzjoni Żgħażagħ tal-Istilla fi ħdan is-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Mosta qed twassal esperjenza li tgħaqqad il-passat u l-preżent, b’enfasi fuq il-Madonna u l-identità Maltija
minn Jaelle Borg
Fil-qalba tal-preparamenti għall-Ġimgħa Mqaddsa, is-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Mosta qed tkompli tikkonsolida l-irwol tagħha bħala wieħed mill-aktar ċentri attivi fil-ħajja kulturali u reliġjuża tal-lokalità.
F’intervista ma’ Jake Gauci Falzon, PRO tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija, ġiet spjegata fid-dettall il-ħidma li ssir minn din il-fergħa żagħżugħa, li sena wara sena qed tkompli ġġib enerġija ġdida u ideat innovattivi fil-programm tal-Ġimgħa Mqaddsa fil-Mosta.
Tema marbuta mal-identità tal-każin
Din is-sena, il-qofol tal-attivitajiet hija l-wirja “Ecce Mater Tua”, li — kif spjega Gauci Falzon — hija marbuta direttament mal-identità tal-każin, li huwa ddedikat lill-Madonna.
“Dejjem nippruvaw li dak kollu li nagħmlu narawh mil-lenti tal-Madonna u mill-irwol tagħha fl-istorja tas-salvazzjoni,” qal hu, waqt li spjega kif it-tema hija riflessjoni naturali tal-valuri u t-tradizzjoni tal-każin.
Il-wirja tiġbor fiha kollezzjoni varjata u rikka ta’ statwi u arti sagra minn epoki differenti. Fost dawn hemm xogħlijiet minn Lecce fl-Italja kif ukoll opri aktar reċenti minn artisti Maltin magħrufa bħal Pawlu Aquilina, Joseph Cutajar Zahra, Shawn Saliba u Pawlu Camilleri Cauchi.
Aspett partikolari ta’ din il-wirja huwa l-involviment dirett tal-komunità. Fil-fatt, diversi esebiti huma proprjetà ta’ partitarji tal-każin stess, li jingħataw l-opportunità juru l-arti devozzjonali tagħhom. Dan, skont Gauci Falzon, jgħin biex tissaħħaħ ir-rabta bejn il-każin u n-nies li jdawruh.
Ambjent ġdid li jsaħħaħ l-esperjenza
Il-wirja qed issir fi Triq il-Kurat Calleja, ambjent li ġie magħżul apposta biex joħloq atmosfera aktar intima u awtentika. Din hija t-tieni sena li qed tittella’ f’dan il-post, li jinkludi dar tradizzjonali Maltija fi sqaq li jkun imżejjen b’dawl vjola biex jirrifletti l-karattru ta’ dan iż-żmien liturġiku.
Il-ftuħ uffiċjali sar aktar kmieni din il-ġimgħa, b’attività fil-każin li inkludiet diskorsi tal-okkażjoni u siltiet mużikali addattati għal dan iż-żmien sagru. Wara, il-miġemgħa mxiet lejn il-post tal-wirja fejn saret l-inawgurazzjoni uffiċjali u t-tberik mill-Arċipriet tal-Bażilika tal-Mosta, Dun Sebastjan Caruana.
Il-wirja se tibqa’ miftuħa sal-Ġimgħa l-Kbira b’ħinijiet differenti matul il-ġimgħa, biex tilqa’ kemm lill-pubbliku lokali kif ukoll lil viżitaturi oħrajn.
40 sena ta’ impenn fil-Ġimgħa Mqaddsa
Fl-intervista, Gauci Falzon fakkar ukoll kif il-parteċipazzjoni tal-każin fil-Ġimgħa Mqaddsa tmur lura għal madwar 40 sena. Din is-sena qed jiġi ċċelebrat anniversarju importanti — erbgħin sena minn meta l-banda Santa Marija daqqet għall-ewwel darba fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira quddiem il-vara tal-Veronika.
Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-attivitajiet komplew jikbru u jespandu. Illum, il-banda mhux biss tieħu sehem fil-purċissjoni fejn takkumpanja l-vara ta’ Ġuda tul ir-rotta kollha, iżda torganizza wkoll kunċerti ta’ marċi funebri ġewwa l-Bażilika u fuq iz-zuntier.
Kunċert annwali ta’ marċi funebri se jsir fit-30 ta’ Marzu ġewwa l-Bażilika tal-Mosta, fejn il-banda tingħaqad ma’ solisti u mal-kor Maria Assumpta, biex toħloq atmosfera mużikali li tixraq lil dan iż-żmien.
Attivitajiet li jgħaqqdu devozzjoni u tradizzjoni
Barra mill-wirja u l-kunċerti, il-każin qed jorganizza wkoll diversi attivitajiet oħra. Fost dawn hemm il-“Mixegħla” f’Ħamis ix-Xirka, li se ssir għat-tieni sena konsekuttiva. Din tinkludi simboli marbuta mal-Passjoni ta’ Kristu, flimkien ma’ dawl ambjentali u elementi tradizzjonali li joħolqu atmosfera devozzjonali.
Se jkun hemm ukoll bejgħ ta’ ikel u ħelu tradizzjonali, minn fuq is-sede tal-każin ħa tindaqq iċ-ċuqlajta, kif ukoll inizjattivi oħra bħas-Seba’ Visti fil-Bażilika tal-Mosta, li jsiru mill-kumitat ċentrali flimkien mal-membri u partitarji.
Fl-aħħar tal-intervista, Gauci Falzon wassal messaġġ ċar lill-pubbliku: il-ħtieġa li dawn it-tradizzjonijiet jiġu mħarsa u msaħħa permezz tal-parteċipazzjoni.
“Malta għandha sens qawwi ta’ kultura u tradizzjoni. Hija responsabbiltà tagħna li nippreservawha billi nieħdu sehem f’dawn l-attivitajiet u nkomplu nesprimu l-fidi u l-identità tagħna,” qal hu.
B’dawn l-inizjattivi, is-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Mosta, mhux biss qed tkompli tradizzjoni ta’ għexieren ta’ snin, iżda wkoll tħares ’il quddiem biex iżżomm ħaj wirt li huwa parti essenzjali mill-identità Maltija.
