Meta t-tradizzjoni tħaddan il-kreattività: il-liedna l-ġdida ta’ Ħal Lija

 

Is-sezzjoni Żgħażagħ Lijani qed jaħdmu fuq liedna twila erbgħin metru li se tkun parti mill-festa tas-sena d-dieħla 

F’kull raħal Malti, il-festa mhix biss ġimgħa ta’ briju u ferħ, iżda wkoll ta’ dedikazzjoni, arti, u tradizzjoni li tgħaqqad lill-komunità kollha u li tibda ferm qabel ma tasal il-festa. F’Ħal Lija, il-grupp bl-isem Sezzjoni Żgħażagħ Lijani hu magħmul minn ħdax-il żagħżugħ u żagħżugħa fl-età ta’ 16 u 25 sena u jaqa’ taħt l-Għaqda Festi Esterni. Dal-grupp ħa f’idejh proġett ambizzjuż li diġà qed jiġbed l-attenzjoni ta’ ħafna: liedna twila 40 metru li se tiddekora t-toroq fil-festa tas-sena d-dieħla. 

Il-proġett, li nibet mill-passjoni u l-imħabba lejn ir-raħal, beda ftit ġimgħat wara l-festa tal-2025. Il-President tas-Sezzjoni, Damian Micallef, jirrakkonta kif beda l-ħsieb. 
“Wara l-festa li għaddiet, xtaqna nagħmlu xi ħaġa differenti bħala grupp,” jgħid Damian. “Is-sena li għaddiet armajna liedna antika, imma din kienet ilha ma tintrama snin. Għalhekk ridna noħolqu waħda ġdida tagħna — xogħol li jġorr isimna fuqu.” 

Dak li għal ħafna jkun sempliċi biċċa armar, għalihom sar simbolu ta’ rikonoxximent u kontinwità. “Il-liedna hi parti mill-identità Maltija,” ikompli jgħid Damian. “Hi tradizzjoni li tgħaqqad il-passat mal-preżent. Hu sabiħ li tkompliha u tagħtiha ħajja ġdida.” 

Kważi kuljum, il-maħżen tal-festa f’Ħal Lija jimtela bil-ħoss ta’ martelli, pinzell u daħk. Il-membri, ħafna minnhom taħt il-25 sena, jiltaqgħu skont il-ħin li jkollhom. 
“Kull darba ninqasmu fi gruppi żgħar ta’ tlieta,” tispjega Kara Grima, waħda mill-membri ta’ 16-il sena. “Ma jistax kulħadd jaħdem fuq l-istess biċċa f’daqqa, u b’hekk naqsmu li jkun hemm bżonn isir bejnietna.” 

It-tim mhux biss qed jibni xi ħaġa dekorattiva, imma wkoll relazzjonijiet sodi. Il-ħidma fil-maħżen saret spazju ta’ komunità u ta’ tagħlim. 
“Din l-ewwel darba li ħdimna liedna mill-bidu nett,” tgħid Kara. “U meta tara x-xogħol jitlesta, tħoss sodisfazzjon kbir. Qisek qed tara ħolma ssir realtà.” 

Huma spjegaw li l-liedna se tkun ħadra biċ-ċrieki ħomor, disinn li mhux magħżul b’kumbinazzjoni. 

“Ridna norbtuh mal-kulur tal-festa tagħna, l-aħmar,” jispjega Damian.  

Għal ħafna minn dawn iż-żgħażagħ, il-proġett sar mezz biex jiskopru t-talent tagħhom.” 

Meta staqsejniehom kif iħossuhom meta jaraw xogħol li kienu parti minnu jispikka fit-tweġiba tagħhom is-sodisfazzjon personali. Kara tgħid b’emozzjoni: “Din l-ewwel darba li ħdimnieha imma bħal xogħol ieħor li ġieli għamilna jew l-attivitajiet li norganizzaw kull xahar, tħoss sodisfazzjon kbir tara xi ħaġa tirnexxi wara ħafna preparazzjoni.” Il-kliem tagħha jirrifletti l-isforz tat-tim kollu. 

Gabriel Mifsud, membru ieħor, jenfasizza s-sens ta’ kontribuzzjoni: “Inħossni ferħan li tajt sehem għar-raħal u rnexxa.” Dak it-ton ta’ kburija komunitarja joffri spjegazzjoni sempliċi għaliex il-proġett huwa importanti — mhux għax juri ħila teknika biss, imma għax joffri sens ta’ appartenenza. 

Kara tiddeskrivi l-esperjenza ta’ kuljum: “Fiha ħafna xogħol, però nieħdu pjaċir flimkien — nitkellmu, nidħqu — u fl-aħħar mill-aħħar nafu li x-xogħol u l-ħin li qed nagħtu se jsebbaħ it-toroq tar-raħal minn hawn u għaxar xhur oħra.” Din il-kombinazzjoni ta’ xogħol u ferħ titħallat ma’ sens ta’ sagrifiċċju volontarju li jiġbed eluf ta’ residenti u viżitaturi meta l-festa tibda. 

Minkejja l-entużjażmu ta’ dawn iż-żgħażagħ, Damian jiftaħ qalbu dwar il-futur tal-kultura festiva fost il-ġenerazzjonijiet il-ġodda. 
“Bil-ħajja mgħaġġla tal-lum, mhux faċli ssib żgħażagħ li jibqgħu jaħdmu sal-10 ta’ billejl fil-maħżen,” jgħid hu. “U l-verità hi li mhux ħafna għad għandhom dik l-imħabba lejn il-kultura Maltija. Għadna ftit li nħossuha parti minna.” 

Imma jemmen li forsi jista’ jinbidel xi ħaġa sempliċement bl-għodda tal-edukazzjoni. 
“Jekk il-ġenituri jħeġġu lit-tfal, u jekk l-iskejjel jinkludu ftit tagħlim dwar dawn it-tradizzjonijiet, naħseb nistgħu naraw bidla. Għax meta t-tfal jifhmu x’hemm wara l-festa, japprezzawha aktar.” 

Meta wieħed iħares lejn il-liedna, li ftit ftit qed tieħu l-forma tagħha fil-maħżen ta’ Ħal Lija, jinduna li dan mhux biss proġett ta’ armar, imma ta’ qalb, passjoni u komunità. Kull biċċa tal-liedna tirrappreżenta sagħtejn jew tliet sigħat wara l-iskola, jew wara ġurnata sħiħa ta’ xogħol. Ħafna minn dawn iż-żgħażagħ huma studenti u jaħdmu, u, minkejja l-għeja, jagħżlu li jqattgħu l-ħin liberu tagħhom fil-maħżen. 

Hija xhieda ta’ ġenerazzjoni li, minkejja l-pressjoni tal-ħajja moderna, għadha temmen li t-tradizzjoni għandha valur. Għal dawn iż-żgħażagħ, il-liedna mhix biss biċċa armar li se tidher għal ftit jiem fis-sajf li ġej, iżda simbolu ta’ dedikazzjoni, ħbiberija, u mħabba lejn il-kultura Maltija. F’din il-ħidma ta’ kuljum, il-festa ssib il-qalb tagħha — fil-ħidma siekta u sinċiera ta’ min għadu jemmen fil-ġmiel ta’ dak li jgħaqqadna bħala Maltin. 

 

More in Socjali