“Tista’ tiġri lil kull min hu uman” — riflessjoni wara t-traġedja tat-tarbija li tħalliet fil-karozza
Traġedja li ħalliet lil pajjiżna bla kliem — Imma wara kull aħbar, hemm ġenituri, għeja, u ħtija bla tarf
minn Jaelle Borg
Il-pajjiż tħawwad b’mod qawwi wara l-aħbar li tfaċċat nhar il-Ħamis — tarbija ta’ sena tilfet ħajjitha wara li tħalliet fil-karozza għal madwar ħames sigħat. Kienet storja li, f’mument wieħed, qatgħet il-qalb ta’ kulħadd. Ħadd ma seta’ jifhem, ħadd ma ried jemmen, u kważi kulħadd staqsa l-istess ħaġa: kif jista’ jiġri dan?
Din mhix biss storja ta’ telfa kbira, imma wkoll xokk kollettiv dwar il-fraġilità tal-ħajja u r-realtà moderna li qed ngħixu fiha. Għax wara kull traġedja bħal din, toħroġ ukoll il-verità iebsa — li l-ġenituri tal-lum qed jgħixu taħt pressjoni kontinwa, ġiri bla nifs, u sens ta’ piż li jkabbar il-periklu ta’ żbalji umani li jistgħu jkunu fatali.
Ftit sigħat wara li ħarġet l-aħbar, Roberta Bisazza qasmet messaġġ fuq il-midja soċjali li malajr ġie mifrux u maħbub minn mijiet ta’ nies.
Bisazza kitbet dwar ir-“realtà li llum il-ġenituri qed iġorru ħafna aktar milli qatt ġarrew qabel”. Xogħlijiet full-time, self fuq id-dar, kontijiet, sussidji, email tax-xogħol u tal-iskola, gruppi ta’ WhatsApp għall-klassi, għall-ġenituri, għall-parties, għall-familja. Kollox jiġri fl-istess ħin. U kollox jitlob l-attenzjoni immedjata.
“Ħajja li saret ġirja waħda kbira,” tgħid hi, “fejn 24 siegħa qatt ma jidhru biżżejjed.”
F’nofs dan kollu, hemm ukoll pressjoni emozzjonali li ħafna drabi ma tidhirx — l-għeja, il-ħtija, u l-biża’ li tonqos bħala ġenitur.
Il-mistoqsija li bdew jistaqsu bosta kienet waħda diffiċli: jista’ dan jiġri lil kull ġenitur? Jista’ xi ħadd, anke l-aktar persuna attenta u mħabbta, jagħmel żball daqshekk kbir u traġiku?
Biex nifhmu aktar dan il-fenomenu, tkellimna ma’ Dorothy Scicluna, psikologa u psikoterapista, li spjegat kif dak li ħafna jaraw bħala “inkomprensibbli” huwa, fil-fatt, reazzjoni newroloġika li tista’ tolqot lil kull min hu uman.
Scicluna tispjega li dan il-każ huwa magħruf bħala “Forgotten Baby Syndrome” — meta, taħt ċirkostanzi ta’ stress, għeja, u rutina ripetittiva, il-moħħ jinqata’ bejn l-intenzjoni u l-azzjoni.
“Meta ġenitur ikun għaddej minn perjodu ta’ għeja kbira u pressjoni, il-moħħ jista’ jaqleb awtomatikament fuq autopilot,” tgħid hi. “Huwa bħal meta naslu x-xogħol u lanqas niftakru t-triq li għamilna — imma f’dawn is-sitwazzjonijiet, il-konsegwenza tista’ tkun traġika.”
Hija tispjega wkoll li moħħ l-omm jgħaddi minn tibdiliet newroloġiċi profondi waqt u wara t-tqala, u jista’ jieħu sa sena biex jirkupra kompletament. Dan ma jfissirx li l-moħħ ikun “marid”, imma li jkun iffukat fuq it-tarbija u l-bżonnijiet tagħha. Madankollu, is-soċjetà moderna ħafna drabi tistenna li l-mara terġa’ lura għax-xogħol u l-ħajja normali fi ftit xhur biss.
F’dawn iċ-ċirkostanzi, in-nuqqas ta’ rqad u l-istress kroniku għandhom effett serju fuq il-funzjoni tal-moħħ. Scicluna tispjega li nuqqas ta’ mistrieħ jaffettwa s-sistema glymphatic, li normalment tnaddaf il-moħħ waqt l-irqad. “Meta dan il-proċess jonqos, il-moħħ isir bħal ta’ persuna taħt l-effett tal-alkoħol,” tgħid. “U f’ħajja mimlija pressjonijiet — traffiku, xogħol, emails, obbligi tat-tfal — il-ġenitur jopera fuq fuel ħażin.”
Hija żżid li taħt dawn il-kundizzjonijiet, ir-rutina tista’ tfixkel il-memorja prospettiva — dik li tfakkarna nagħmlu affarijiet fil-futur, bħall-ħsieb li ngħaddu għat-tifel miċ-ċentru. “Taħt stress, il-moħħ jagħżel is-sistema li mdorri biha — l-autopilot — u għalhekk jinsa b’mod mhux intenzjonali,” tgħid b’mod ċar.
Scicluna tinsisti li dan mhux każ ta’ traskuraġni jew nuqqas ta’ mħabba, iżda ta’ ġisem u moħħ eżawriti taħt piż eċċessiv. “Dan jista’ jiġri lil kull ġenitur ħanin,” tgħid hi.
Fil-fatt, statistika internazzjonali turi li kważi nofs il-każijiet (47%) ta’ dan il-fenomenu jinvolvu ġenituri li jinsew iħallu lit-tfal iċ-childcare.
Il-verità hi li l-ħajja moderna, b’ritmu daqshekk mgħaġġel, qed tagħmel lil kulħadd aktar vulnerabbli. L-attenzjoni tinqasam fuq għexieren ta’ ħwejjeġ fl-istess ħin — ix-xogħol, it-tfal, il-ħinijiet, il-mowbajl, il-pressjoni soċjali — u xi drabi l-moħħ isir daqshekk mimli li jgħaddi f’mod awtomatiku, bħallikieku qed jaħdem fuq auto pilot.
F’xi każijiet, dan jista’ jfisser li xi ħaġa vitali tintesa — mhux minħabba indifferenza, imma minħabba li l-bniedem, sempliċement, hu limitat.
F’soċjetà li tħobb tkun l-ewwel biex tikkummenta, biex tiddiskuti u tikkundanna, il-kliem ta’ Bisazza sar sejħa għal riflessjoni. Għax wara kollox, wara kull aħbar, hemm nies — ġenituri li jħossu ħtija, komunità li tħoss niket, u pajjiż kollu li jrid jitgħallem jifhem qabel jiġġudika.
Din it-traġedja, kerha kemm hi kerha tiftħilna bieb għal diskussjoni importanti ħafna dwar is-saħħa mentali, l-istress, u l-appoġġ soċjali li għandu jingħata lill-familji.
Il-ħajja tal-lum hi mimlija b’piżijiet li ħafna drabi jgħaddu mingħajr ma jiġu osservati: pressjoni ekonomika, nuqqas ta’ mistrieħ, konnessjoni teknoloġika kontinwa. Dawn il-fatturi kollha flimkien jistgħu joħolqu ambjent fejn żball wieħed — sekonda waħda ta’ distrazzjoni — isir katastrofi.
Forsi hu żmien li nieqfu, li nifhmu li l-kura vera għall-oħrajn tibda b’empatija, mhux bi kliem iebes. U li kull wieħed u waħda minna, jekk verament irridu nuru solidarjetà, għandna nagħmlu hekk billi nisimgħu, nifhmu u nħossu — mhux billi niġġudikaw.
