Impjant tar-riċiklaġġ tal-Magħtab se jipproċessa 70,000 tunnellata ta’ skart fis-sena sal-2030

Il-kapaċità ta’ 70,000 tunnellata tal-impjant tar-riċiklaġġ ta’ Magħtab hija bbażata fuq żieda mistennija fil-popolazzjoni u l-assunzjoni li 50% tal-materjal riċiklabbli li bħalissa jintrema fil-boroż suwed se jkun separat fl-oriġini

Faċilità proposta fil-Magħtab biex tipproċessa l-iskart riċiklabbli mistennija tlaħħaq ma’ madwar 70,000 tunnellata ta’ skart fis-sena sal-2030, skont stimi bbażati fuq it-tkabbir tal-popolazzjoni. L-informazzjoni ġejja mill-istudju ta’ impatt ambjentali (EIA) għall-faċilità, li għadu kif ġie ppubblikat għall-konsultazzjoni pubblika.

L-istudju jbassar żieda ta’ 3.7kg skart riċiklabbli għal kull persuna u tkabbir fil-popolazzjoni stmat ta’ 33,500 persuna sa l-2030. Iċ-ċifra globali tassumi wkoll li nofs il-kontenut riċiklabbli li bħalissa jintrema fil-boroż suwed se jiġi separat fil-post u li l-iskema tal-BCRS tkompli tnaqqas in-numru ta’ plastik u fliexken imħallta li jidħlu fil-fluss tal-iskart.

Il-faċilità magħrufa bħala Materials Recovery Facility (MRF) se tinbena fil-kumpless ECOHIVE fil-Magħtab, fejn qed jiġu ppjanati wkoll proġetti oħra fosthom inkineratur għall-iskart mhux riċiklabbli, impjant għall-ipproċessar tal-iskart organiku u inkineratur għall-iskart perikoluż minn sptarijiet u annimali. L-istudju jikkonferma r-rwol kruċjali tal-proġett biex Malta tilħaq il-miri tal-UE dwar ir-riċiklaġġ iżda jidentifika wkoll impatti ambjentali, fosthom il-bżonn li 244 siġra protetta fil-post jiġu trapjantati jew imneħħija u sostitwiti permezz ta’ tħawwil ta’ kumpens.

Ir-riċiklaġġ se jsir f’żewġ linji: fibri (karti, kartun, rivisti) u kontenituri (fliexken tal-plastik, metall, film tal-plastik u kontenituri tax-xorb). Il-ħġieġ mhux se jiġi pproċessat fil-MRF. Il-faċilità se tlaħħaq ma’ 40,000 tunnellata fis-sena ta’ fibri u 30,000 tunnellata fis-sena ta’ kontenituri.

L-iskart se jiġi separat permezz ta’ sistemi awtomatiċi minflok linji manwali. Madwar 160 vjaġġ ta’ trakkijiet fil-ġimgħa se jkunu meħtieġa biex iservu l-post.

Skont il-miri Ewropej, Malta trid tilħaq rata ta’ riċiklaġġ ta’ 60% sal-2030 u 65% sal-2035. L-EIA tindika li bejn l-2000 u l-2020 r-rata medja ta’ riċiklaġġ kienet ta’ madwar 10%, ferm inqas mill-medja tal-UE ta’ 39%. Wara n-nar li qered l-impjant ta’ Sant’Antnin fl-2017, Malta baqgħet mingħajr MRF dedikat, iżda fl-2024 ġiet approvata faċilità temporanja ta’ 40,000 tunnellata fis-sena f’Magħtab biex tlaħħaq sal-bini ta’ dan l-impjant il-ġdid.

Is-sit tal-proġett jinsab fil-Lvant tal-miżbla ta’ Ta’ Żwejra fuq żona ta’ 21,373 metru kwadru, b’11,900 metru kwadru allokati għall-bini tal-MRF, 400 metru kwadru għall-faċilitajiet soċjali u l-bqija għall-aċċess u l-manuvraġġ tal-vetturi.

Il-post hu bħalissa art agrikola b’ħitan tas-sejjieħ u pjanti baxxi. Stħarriġ agrikolu kkonkluda li l-art għandha fertilità baxxa u tintuża biss għat-tkabbir tal-ħuxlief. L-iżvilupp se jbiddel b’mod permanenti l-użu tal-art minn agrikolu għal industrijali.

Il-proġett jista’ jfixkel siti ta’ bejta għall-għasafar bħal bagħal tal-kamp, pitirross u merill jekk il-kostruzzjoni ssir fi żmien il-bejta. Dawl artifiċjali jista’ jaffettwa wkoll kolonji ta’ għasafar tal-baħar fil-qrib, inkluż dik tal-garnija ta’ San Pawl il-Baħar. Miżuri ta’ mitigazzjoni jinkludu li ma jsirux xogħlijiet billejl.

Problemi oħra msemmija jinkludu trab u storbju waqt l-iskavar u riskju ta’ nirien minħabba l-immaniġġjar tal-plastik. Miżuri proposti jinkludu ħitan ta’ madwar is-sit, faċilitajiet biex jitnaddfu r-roti tat-trakkijiet u sistemi biex jitrażżan it-trab.

L-istudju jenfasizza wkoll il-benefiċċji ambjentali indiretti: billi jitbiegħed l-iskart riċiklabbli mill-miżbla, jitnaqqas ir-riskju ta’ plastik li jispiċċa fil-baħar u jaffettwa l-għasafar u l-ħlejjaq.

L-impatt viżiv tal-proġett hu deskritt bħala “ikrah imma meħtieġ”, iżda se jkun mitigat b’kisja tal-ġebel u aktar ħdura.

Il-proċess se jibda mis-separazzjoni fl-oriġini, permezz ta’ boroż griżi jew ħodor fi djar u negozji, li mbagħad jinġabru u jiġu ttrasportati lejn l-ECOHIVE minn Wasteserv. Fuq il-post, l-iskart jgħaddi minn diversi stadji ta’ separazzjoni – fosthom permezz ta’ manjeti, separaturi ballistiċi u sistemi ottici – biex il-materjali jiġu separati b’mod effiċjenti u mibgħuta għar-riċiklaġġ.

More in Socjali