“Dak li kien biżżejjed għall-bieraħ u li forsi huwa tajjeb għal-lum, ma jfissirx li se jibqa’ jkun adegwat u li jaqdi l-bżonnijiet tar-residenti għas-snin li ġejjin”

Sekonda mas-Sindki: Il-gazzetta ILLUM tkompli bis-sensiela ta’ artikli tagħha li permezz tagħhom intom se ssiru tafu s-Sindki tagħkom. F’din il-ġimgħa, dan il-ġurnal ipoġġi ma’ Johan Mula, is-Sindku ta’ Ħal Safi

Bħala sindku, x’inhu l-ikbar inkwiet tiegħek? X’inhi l-ikbar sfida għall-kostitwenti tiegħek? 

Ħal Safi hija waħda mill-iżgħar lokalitajiet f’Malta. Il-kwiet u trankwillità li jirrenjaw fil-lokalità jpoġġuha b’karatteristiċi simili ta’ diversi rħula żgħar Għawdxin.  

Statistika maħruġa mill-NSO turina li f’dawn l-aħħar snin l-iżvilupp urban żdied konsiderevolment f’Ħal Safi. Fil-fatt, riżultati ppubblikati mill-istess NSO miċ-ċensiment li sar fl-2021 juru li l-popolazzjoni f’Ħal Safi żdiedet b’27% fuq medda ta’ għaxar snin. Din hija żieda pjuttost konsiderevoli anke meta mqabbla mal-lokalitajiet tal-madwar li fuq l-istess perjodu kellhom żidiet li jvarjaw minn 9% għal 19% biss, li huma ferm ’il bogħod miż-żieda li kellna f’Ħal Safi, u li issa nikkalkulaw li l-popolazzjoni qed toqrob iktar lejn it-3,000 resident.  

Għalhekk, bl-iżvilupp dejjem jiżdied, l-isfida ewlenija hija dik ta’ kif se jirnexxilna nippreservaw din il-karatteristika ewlenija li tiddistingwina minn irħula oħrajn, u naraw li r-raħal tagħna jibqa’ pjuttost kwiet u fl-istess ħin attraenti għal dawk il-persuni li jixtiequ jiġu jgħixu fil-lokalità tagħna b’dak l-iskop.  

Il-kunsill tiegħek kif javviċina l-iżvilupp urban filwaqt li jippreserva l-wirt u l-ambjent tal-lokalità?  

Fil-limitazzjoni ta’ riżorsi u anke ta’ poteri fejn jidħol l-ippjanar u l-permessi għal iktar żvilupp urban, f’dawn l-aħħar snin il-Kunsill Lokali semma leħnu u anke oġġezzjona fuq applikazzjonijiet ta’ żvilupp fejn ħass li dawn kienu b’xi mod se jaffettwaw negattivament il-wirt jew l-ambjent tal-lokalità, u/jew fejn ħass li tali applikazzjonijiet ma kinux konformi mal-pjan lokali. Nemmnu li dan jibqa’ dover tal-Kunsill Lokali li juża l-armi kollha fid-dispożizzjoni tiegħu sabiex jipproteġi l-wirt u l-ambjent tal-lokalità sabiex jippreservahom għall-ġenerazzjonijiet tal-futur.  

 

Taħseb li l-lokalità tiegħek għandha biżżejjed spazji miftuħa għar-residenti? 

Kif tkellimt iktar qabel, il-popolazzjoni f’Ħal Safi żdiedet konsiderevolment f’dawn l-aħħar snin u jidher li se tkompli tiżdied iktar fis-snin li ġejjin. Dan iġib miegħu n-neċessità li nżidu iktar spazji miftuħa. Dak li kien biżżejjed għall-bieraħ u li forsi huwa tajjeb għal-lum, ma jfissirx li se jibqa’ jkun adegwat u li jaqdi l-bżonnijiet tar-residenti għas-snin li ġejjin. Għaldaqstant, Kunsill Lokali jrid ikun proattiv u jippjana sabiex joħloq iktar spazji miftuħa fil-lokalità sabiex tkun tista’ taqdi n-neċessitajiet u tilħaq l-aspirazzjonijiet tar-residenti fil-futur.   

 

Fis-snin li ġejjin, x’għandha tkun il-prijorità tal-lokalità tiegħek? Kif tixtieq tara l-lokalità tiegħek tipprogressa fil-ħames snin li ġejjin? 

F’Ġunju li għadda saru l-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali. Hemmhekk ġie ppreżentat manifest elettorali li kien jinkorpora l-prijoritajiet għal Ħal Safi fil-ħames snin li ġejjin. Dan il-manifest, li ġie approvat mill-maġġoranza tar-residenti fl-elezzjoni ta’ Ġunju, huwa l-gwida għall-pjan ta’ ħidma tal-Kunsill fejn irridu naraw li dan il-pjan jitwettaq tul il-ħames snin ta’ din il-leġiżlatura.  

Fost dawn il-prijoritajiet insemmi fuq kollox il-wegħda li jitnaqqas drastikament it-traffiku mill-qalba tal-lokalità b’mod partikolari mill-pjazza u t-toroq tal-madwar permezz tal-implimentazzjoni ta’ pjan għall-immaniġġjar tat-traffiku, u flimkien ma’ dan it-twettiq tal-proġett tal-pjazza li parti minnha se tingħata lura lin-nies billi ssir pedonali u b’hekk noħolqu spazju miftuħ ieħor għar-residenti.  

L-iskop ta’ dan kollu huwa li nirrendu l-lokalità iktar nadifa mit-tniġġis permezz tat-tnaqqis tat-traffiku u fl-istess ħin iktar sigura, bit-tragward ikun li fit-toroq tal-lokalità ċkejkna tagħna ninċentivaw metodi alternattvi għall-karozzi bħal pereżempju l-mixi u l-użu tar-roti. Dan jirrikjedi wkoll tibdil fil-kultura u l-mentalità ta’ ħafna Maltin li rridu nużaw il-karozza kull fejn immorru. Nemmnu però li huwa iktar possibbli li jsir f’Ħal Safi minħabba ċ-ċokon tal-lokalità tagħna. 

  

Xi proġetti ppjanati hemm għal-lokalità tiegħek fil-futur qarib? 

Apparti mill-proġett tat-tisbiħ tal-pjazza li bħalissa diġà bdew il-pjanijiet fuqu flimkien mal-Aġenzija Infrastruttura Malta, proġett ieħor li joħroġ mill-manifest elettorali huwa r-riġenerazzjoni mill-ġdid ta’ Ġnien Dun Karm Vella li huwa fost il-prijoritajiet tal-Kunsill. Dan il-proġett se jkun qed jitwettaq bl-għajnuna tal-Aġenzija Project Green.  

Proġetti oħra li hemm ippjanati huma r-restawr tal-Knisja Parrokkjali u t-tisbiħ u restawr taċ-Ċentru Parrokkjali. Hawnhekk il-Kunsill Lokali qed jaħdem flimkien mal-Parroċċa u nista’ ngħid li fir-rigward tal-Knisja Parrokkjali diġà rnexxielna nakkwistaw il-fondi neċessarji sabiex isir ir-restawr tant meħtieġ. Rigward iċ-Ċentru Parrokkjali, li hija binja li tmur lura għal żmien il-Kavallieri, diġà tlesta x-xogħol ta’ restawr mid-Direttorat tar-Restawr u fil-ġimgħat li ġejjin se jkun ukoll qed jibda x-xogħol ta’ manutenzjoni u tisbiħ mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi. Dawn huma żewġ proġetti ferm importanti sabiex inkomplu nippreservaw il-patrimonju storiku ta’ raħalna.  

Proġett ieħor li huwa ppjanat li jitwettaq tul din il-leġiżlatura huwa li nesploraw il-possibbiltà li nġibu l-permessi neċessarji sabiex inkunu nistgħu nibnu t-tielet sular fuq il-binja eżistenti tal-Kunsill Lokali. Dan sabiex ikollna sala oħra li sservi ta’ ċentru reach-out għall-użu u l-benefiċċju tal-għaqdiet u r-residenti tal-lokalità. 

  

Xi tħoss li huwa nieqes mil-lokalità tiegħek li tixtieq tipprovdi lir-residenti? 

Minħabba ċ-ċokon tal-lokalità, hemm ċerti servizzi li r-residenti jridu jmorru f’lokalitajiet tal-madwar sabiex jinqdew. Fis-snin li għaddew il-Kunsill Lokali kien iffirma l-ftehim ta’ devoluzzjoni tal-berġa tas-saħħa. Permezz ta’ dan il-ftehim, ċerti servizzi mediċi bdew jingħataw direttament mill-berġa fil-komunità. Għaż-żmien li ġej, il-Kunsill Lokali se jkun qed jidħol f’taħditiet mad-Dipartiment tal-Kura Primarja sabiex nesploraw li nżidu iktar servizzi tas-saħħa li jkunu jistgħu jiġu offruti mill-klinika fil-komunità.  

Apparti minn hekk, il-Kunsill Lokali jixtieq itejjeb l-aċċess għat-trasport pubbliku f’ċerti żoni fil-lokalità li bħalissa mhumiex milħuqa. F’dan ir-rigward il-Kunsill diġà ħa ħsieb ukoll li jixtri vettura elettrika sabiex jingħata servizz ta’ trasport b’xejn lill-anzjani sabiex imorru qadjiet essenzjali fl-irħula tal-madwar. Matul din il-leġiżlatura se nkunu qed naraw kif nistgħu nwessgħu iktar dan is-servizz lill-anzjani tagħna. 

   

Issib biżżejjed għajnuna mill-awtoritajiet fl-isfidi li taffaċċja bħala sindku? 

Mill-esperjenza tiegħi nista’ ngħid li f’diversi drabi sibt l-għajnuna neċessarja mill-awtoritajiet tal-gvern ċentrali. Ovvjament dejjem ikun hemm eċċezzjonijiet, ngħidu aħna meta l-għajnuna ma tasalx, jew inkella ddum biex tasal minħabba ċerta burokrazija. Hawnhekk fejn nemmen li s-Sindku jrid juża tajjeb il-kuntatti tiegħu biex jara li dak li huwa bi dritt tal-lokalità u r-residenti jibqa’ jiġġieled għalih sakemm jakkwistah.  

Ikun hemm ukoll xi okkażjonijiet fejn sfortunatament Kunsill Lokali ma jiġix ikkonsultat rigward xi proġett li jkun se jsir minn xi entità tal-gvern ċentrali u li jkun se jolqot il-lokalità rispettiva. M’iniex qed ngħid li din hija n-norma li jiġri hekk, però nemmen li Kunsill Lokali għandu b’obbligu dejjem jiġi kkonsultat fi kwalunkwe proġett li jkun b’xi mod se jaffettwa l-lokalità. F’dan ir-rigward nemmen li għandu jinħoloq mekkaniżmu konsultattiv formali bejn l-entitajiet tal-gvern ċentrali u l-Kunsilli Reġjonali u Lokali. Dan iwassal biex isaħħaħ iktar is-sinerġija bejn it-tliet livelli ta’ governanza f’pajjiżna.  

Ovvjament, iktar ma jitnaqqsu l-poteri minn taħt il-Kunsilli Lokali, iktar se jkun hemm okkażjonijiet fejn is-Sindku jkollu litteralment jittallab sabiex jakkwista dak li huwa bi dritt tal-lokalità. Filwaqt li nifhem li mhux kwalunkwe servizz jista’ jiġi diċentralizzat, nemmen però li l-iskop tat-twaqqif tal-Kunsilli Lokali huwa propju sabiex fejn possibbli ċerti deċiżjonijiet jittieħdu fuq livell lokali. Finalment, ir-residenti li joħorġu jivvutaw u jeleġġu r-rappreżentanti tal-lokalità rispettiva tagħhom, jistennew li dawn ikollhom, kemm il-poteri, u kemm ir-riżorsi meħtieġa sabiex jieħdu d-deċiżjonijiet neċessarji u jwettqu l-aspettattivi tagħhom.  

Għaldaqstant nemmen li għandha ssir analiżi profonda fejn jiġu esplorati dawk is-servizzi li jistgħu jgħaddu taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali. Dan ovvjament irid isir flimkien mat-tisħiħ tal-istruttura amministrattiva tal-istess Kunsilli Lokali sabiex nassiguraw li kwalunkwe servizz assenjat lill-Kunsilli jkun hemm biżżejjed riżorsa umana sabiex tali servizzi jingħataw b’effiċjenza lir-residenti tagħna. Apparti minn hekk, nemmen li l-Kunsilli Lokali għandhom ukoll jingħataw ċerta awtonomija finanzjarja sabiex ikunu f’pożizzjoni li jwettqu ċerti proġetti fil-lokalità mingħajr il-ħtieġa li joqogħdu jitkarrbu mal-Gvern Ċentrali sabiex jitwettqu dawn il-proġetti. B’hekk biss ikollna verament gvernijiet lokali. 

   

Bidliet leġiżlattivi riċenti naqqsu l-età minima għas-sindki għal 16-il sena. Dan kif kellu impatt fuq il-kunsill tiegħek, u x’inhi l-perspettiva tiegħek dwar l-involviment taż-żgħażagħ fil-governanza lokali? 

Personalment kont esprimejt l-opinjoni personali tiegħi u tajt ir-raġunijiet għalfejn ma qbiltx li żgħażagħ ta’ età pjuttost tenera jkollhom responsabbiltà daqshekk kbira li jmexxu lokalità. Nemmen li wieħed għandu l-ewwel jakkwista ftit esperjenza qabel jilbes iż-żarbun ta’ Sindku. Meta qed ngħid esperjenza, mhux neċessarjament nirreferi biss għall-esperjenza f’Kunsill Lokali, imma anke esperjenzi oħra fil-ħajja ta’ kuljum. Madankollu, assolutament m’iniex kontra l-involviment taż-żgħażagħ fil-governanza lokali, anzi nemmen li huwa dover tagħna li nħeġġu l-parteċipazzjoni tagħhom. Fil-fatt nista’ ngħid li fil-Kunsill li mmexxi jiena hemm tliet kunsilliera minn ħamsa li huma ta’ età żagħżugħa. Matul din is-sena stajt ninnota li l-element żagħżugħ ġab ideat u enerġija ġdida fil-Kunsill u dan żgur jawgura tajjeb għall-futur.    

 

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika rrapporta li 16-il kunsill lokali temmew l-2023 b’kapital tax-xogħol negattiv, li jindika instabbiltà finanzjarja potenzjali. X’miżuri qed jiġu implimentati biex jiġi żgurat li l-kunsill tiegħek iżomm status finanzjarju b’saħħtu u jikkonforma mar-regolamenti finanzjarji? 

B’sodisfazzjon nirrimarka li l-Kunsill Lokali li mmexxi jiena mhuwiex fost dawn is-16-il Kunsill imsemmija mill-Awditur Ġenerali. Għalkemm xorta nitnikket meta nisma’ li għad hemm mumenti fejn ċerti Kunsilli Lokali qegħdin ripetutament joperaw b’defiċit finanzjarju. Hawnhekk nemmen li huwa l-obbligu tad-Dipartiment tal-Gvern Lokali li jara għalfejn u fejn neċessarju jieħu l-passi meħtieġa kontra dawk il-Kunsilli li b’mod ripetut qed joperaw b’defiċit finanzjarju u b’hekk ikomplu jżidu d-dejn.  

Sabiex nassiguraw li dan ma jiġrix irid l-ewwel nett ikun hemm għaqal fit-tmexxija finanzjarja tal-Kunsill fejn is-Sindku u l-Kunsilliera, flimkien mas-Segretarju Eżekuttiv, jaraw li jfasslu budget li huwa reali, u jaraw li jkollhom il-fondi neċessarji qabel jikkommettu ruħhom li jwettqu ċerti proġetti. Apparti minn hekk, ikun hemm diversi skemi ta’ finanzjament li jinħarġu minn entitajiet governattivi u fondi Ewropej fejn il-Kunsill Lokali għandu jara li japplika għalihom sabiex jakkwista kemm jista’ jkun iktar fondi minn dawn l-iskemi li jippermettulu li jwettaq ċerti proġetti u inizjattivi mingħajr ma’ jinħoloq żbilanċ finanzjarju.  

 

X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar it-tqassim propost tal-lokalitajiet fid-distretti skont kif qed jiġu ppreżentati mill-Uffiċċju Elettorali tal-PL, u ELCOM? Liema proposta taħseb li tkun l-aktar ta’ benefiċċju għall-pajjiż? Jew taħseb li għandu kollox jibqa’ kif inhu? 

Fl-opinjoni tiegħi din hija mistoqsija li sa ċertu punt tmur lil hinn mill-Kunsilli Lokali. Nemmen li qabel kwalunkwe ċaqliet fid-distretti jkun jeħtieġ diskussjonijiet profondi u li finalment iwasslu għal qbil. Personalment ma tantx naqbel u naraha ftit stramba li lokalità għandha tinqasam fuq żewġ distretti. Nemmen ukoll li għandhom isiru diskussjonijiet u eżerċizzju fejn tiġi esplorata l-idea li n-numru ta’ distretti jitnaqqsu. Dan jista’ jservi sabiex inaqqas il-possibbiltà li jkun hemm ċerta disparità bejn id-distretti u li allura jwassal għal inqas bżonn ta’ ċaqliq minn żmien għal żmien. Apparti minn hekk, dan jista’ jservi sabiex ikollna wkoll tnaqqis fil-klijenteliżmu li ċertu element minnu jinħoloq propju minħabba s-sistema elettorali preżenti. Nemmen li issa li għandna sitt Kunsilli Reġjonali li ġew stabbiliti, tkun idea ta’ min jistudjaha sewwa li d-distretti elettorali jkunu ffurmati bl-istess format tagħhom. 

  X’kienet l-aktar parti ta’ sodisfazzjon mir-rwol tiegħek bħala sindku s’issa? 

Nemmen li l-ikbar sodisfazzjon ta’ kwalunkwe sindku hija li, permezz tal-ħidma, proġetti u inizjattivi mwettqa fil-lokalità, jirnexxilu jagħmel id-differenza u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti tiegħu. Titjib fil-kwalità tal-ħajja għandu jseħħ, mhux permezz ta’ proġetti infrastruttuali biss, imma anke b’inizjattivi u proġetti ta’ fejda f’oqsma oħrajn bħall-qasam soċjali, is-saħħa, l-edukazzjoni, il-kultura, l-ambjent, is-siġurtà, eċċ .

 

More in Socjali