L-istatistika uffiċjali suppost ittina idea ċara tal-affarijiet. Għall-grazzja t’Alla, ma wasalniex fl-istat miskin tal-Istati Uniti fejn il-President tal-pajjiż ikeċċi lil min ikun qed imexxi d-Dipartiment tal-Istatistika għax joħroġ numru jew data li juru l-verità li ma jridx juri l-President.
L-aħħar numri uffiċjali li ħarġu juru li hemm bliet Maltin fejn in-numru ta’ barranin jaqbeż in-numru ta’ Maltin. Qed nitkellmu fuq San Pawl il-Baħar, l-Imsida, Tas-Sliema, u San Ġiljan. M’aħniex qed nitkellmu hawnhekk fuq refuġjati, nies li ħarbu minn pajjiżhom minħabba gwerer, jew faqar. Le, qed nitkellmu fuq influss ta’ barranin li qed jgħixu għax hawn qed isibu xogħol. U dan kollu, apparti l-kontribut għat-tkabbir ekonomiku, qed iħalli wkoll effett negattiv fuq l-infrastruttura, is-saħħa, l-edukazzjoni, u t-tessut soċjali.
Bla dubju ta’ xejn ma nistgħux nimmaġinaw pajjiżna jrodd l-arloġġ lura u jħaddem l-operat tal-pajjiż bil-ħaddiema Maltin biss. Imma lanqas jista’ jkun li nispiċċaw fl-assurdità li qed nimpjegaw nies barranin u nikkreaw mostru li biex jibqa’ ħaj irridu nkabbruh u nkabbruh bil-ħaddiema barranin biss. Ħaddiema li huma kkaratterizzati b’pagi baxxi u kundizzjonijiet ħżiena u li ġejjin minn pajjiżi tat-tielet dinja.
Dan dejjem kien il-ħsieb ekonomiku ta’ Joseph Muscat, l-Ex Prim Ministru li kien jiftaħar li hu soċjalist u li huwa bbażat fuq ħsieb Neo-Liberali li huwa msejjes fuq kapitaliżmu sfrenat, kif ukoll konsumeriżmu bla limitu.
Wasal iż-żmien li verament nindunaw li dan il-pajjiż ma jistax ikun jibqa’ sejjer hekk. U veru li d-dħul fiskali ta’ ħafna nies tjieb imma lanqas jista’ jkun li ma niddeċidux fuq capping u fejn huma l-linji.
Dan il-pajjiż ma jistax ikun li litteralment il-Maltin jiġu f’minoranza. Jinstema’ argument xenofobiku, imma huwa ċar li l-preżenza tal-barranin hija xprunata biss minn esiġenzi ta’ min irid isir sinjur qabel iż-żmien, u mhux biex inservu ta’ kenn għal min qed jaħrab minn traġedji f’pajjiżhom.
Għandna diskussjoni serja li naslu b’xi mod li nfasslu politika li tagħraf li lil hinn mill-esiġenzi ekonomiċi hemm ħtieġa li nipproteġu l-identità tagħna u nagħżlu fejn irridu mmorru. Imma biex nagħmlu hekk irridu politiċi b’sinsla li jkollhom il-kuraġġ jieħdu deċiżjonijiet iebsa.