Rapporti diretti ta’ sajjieda Maltin lill-Kamra tal-Kontroll tad-Dipartiment tas-Sajd wasslu biex saru spezzjonijiet li kixfu attivitajiet ta’ sajd illegali minn bastimenti Tuneżini fil-baħar territorjali ta’ Malta.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, Alicia Bugeja Said, ikkonfermat li l-uffiċjali tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA), li kienu abbord il-bastiment Ocean Sentinel, irreaġixxew immedjatament għar-rapporti tas-sajjieda u rnexxielhom jidentifikaw u jsegwu dawn il-vapuri.
“Dan jikkonferma li permezz tal-kooperazzjoni tas-sajjieda tagħna u l-azzjoni immedjata tad-Dipartiment flimkien mal-EFCA, qed nirnexxu nwaqqfu dawn l-abbużi,” qalet Bugeja Said. Hija enfasizzat li l-abbużi li jpoġġu lill-veri sajjieda f’pożizzjoni sfavorevoli mhumiex aċċettabbli. “Ma nistgħux naċċettaw ksur ta’ regoli li jħallu lill-komunità tagħna bla difiża. Se nieħu kull pass meħtieġ biex issir ġustizzja,” żiedet tgħid.
Reazzjonijiet politiċi
L-aħbar dwar l-aħħar każ ta’ sajd illegali qanqlet ukoll reazzjonijiet minn Membri Parlamentari Ewropej.
L-MEP Thomas Bajada sostna li issa li kien bastiment Ewropew li identifika dawn l-abbużi, l-Unjoni Ewropea tista’ tkun imġiegħla tieħu azzjoni aktar qawwija. “Dan kollu juri x’kienu ilhom jgħaddu minnu s-sajjieda tagħna għal ħafna snin. Fuq kollox, is-soluzzjoni tista’ tinstab biss permezz ta’ kollaborazzjoni bilaterali u internazzjonali. Għalhekk jien ltqajt direttament mal-Ambaxxatur Tuneżin f’Malta u se nsegwi mill-qrib il-preparazzjonijiet għall-laqgħa annwali tal-GFCM,” qal Bajada.
Anke l-MEP Peter Agius esprima t-tħassib tiegħu, speċjalment dwar il-ħut lampuka, fejn irrimarka li s-sajjieda Tunisini ilhom jiksru l-istaġun ta’ sajd f’żmien meta l-Maltin huma marbuta bir-regolamenti tal-UE.
Il-każijiet ta’ sajd illegali minn sajjieda Tuneżinii f’ilmijiet Maltin issa reġgħu daħlu fuq quddiem fl-aġenda politika u istituzzjonali. Il-Gvern qed jassigura li se jieħu kull pass possibbli biex jissaħħu l-protezzjoni u l-kontrolli, filwaqt li l-komunità tas-sajjieda qed tħeġġeġ biex dawn il-ksur sistematiċi jieqfu darba għal dejjem.