Fit-28 ta’ Settembru li ġej, il-Malta Community Chest Fund flimkien mal-familja Schiavone se jorganizzaw it-tieni edizzjoni ta’ Cycling with Jack, attività sportiva u ta’ solidarjetà li tfakkar il-memorja taċ-ċiklist Jack Schiavone waqt li jinġabru fondi b’risq dawk fil-bżonn.
Jack Schiavone kien figura rispettata fix-xena lokali taċ-ċikliżmu. Rebaħ diversi unuri matul il-karriera tiegħu, irrappreżenta lil Malta f’kompetizzjonijiet internazzjonali u eventwalment ġie maħtur kowċ nazzjonali. Huwa ħalla din id-dinja wara battalja mal-kanċer, matulha ngħata l-appoġġ mill-Malta Community Chest Fund.
Cycling with Jack tnisslet bħala inizjattiva ta’ martu Caroline u wliedhom, bħala mod ta’ kif ifakkru l-memorja tiegħu u jroddulha lura lis-soċjetà b’rikonoxximent tal-għajnuna li rċevew.
Il-ġurnata se tibda minn Kulleġġ Santa Klara, Pembroke, minn fejn iċ-ċiklisti se jaqdfu sa Manoel Island u lura. Fil-Kulleġġ Santa Klara stess se jkun hemm diversi attivitajiet u divertiment għall-familja kollha, inkluż żona għat-tfal, rota statiċi, ċikliżmu għat-tfal taħt superviżjoni professjonali, kif ukoll basketball u wirja ta’ BMX.
Il-pubbliku hu mistieden jieħu sehem b’xejn fl-attività, għalkemm kull donazzjoni b’risq il-Malta Community Chest Fund tkun apprezzata.
Il-President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, faħħret inizjattivi bħal dawn li jitwieldu mill-esperjenza diretta tal-familji fil-bżonn. Hija qalet: “Caroline hi eżempju ċar ta’ kif noħolqu katina ta’ persuni li jgħinu lil xulxin, u j’alla l-eżempju tagħha jiħduh oħrajn. Il-poplu għandu jikkopera u jieħu sehem f’dawn l-attivitajiet, biex il-ġid inkattruh.”
Caroline Schiavone, il-mara ta’ Jack, iddeskriviet l-attività bħala riflessjoni ħajja tal-valuri tiegħu. “Jack dejjem għaqqad il-passjoni tiegħu għaċ-ċikliżmu mal-valuri tas-solidarjetà u l-ġenerożità. Il-Malta Community Chest Fund kien magħna mhux biss għall-għajnuna finanzjarja iżda wkoll f’kull mument ta’ bżonn bħala familja,” qalet.
Min-naħa tagħha, Sina Bugeja, Chairperson tal-Malta Community Chest Fund, appellat biex iċ-ċiklisti u l-familji jieħdu sehem. Hija ddeskriviet l-attività bħala “mod altruwist kif qed infakkru l-memorja ta’ Jack Schiavone u fl-istess ħin ngħinu lil min għandu bżonn.”
Matul il-ġurnata, l-uffiċjali tal-LESA se jorganizzaw attivitajiet edukattivi dwar is-sigurtà fiċ-ċikliżmu u l-użu responsabbli tar-roti fit-toroq. Se jkun hemm ukoll mużika, ikel, xorb u divertiment varjat biex il-familji kollha jkunu jistgħu jgawdu minn ġurnata sħiħa ta’ sport u solidarjetà.
Ir-reġistrazzjoni għall-parteċipanti li jixtiequ jaqdfu tinsab diġà miftuħa u tista’ ssir online fuq mccf.store.