Il-Kamra Maltija tal-SMEs esprimiet l-appoġġ tagħha għall-inizjattiva ta’ akkomodazzjoni affordabbli li ġiet imnedija b’mod konġunt mill-Gvern u l-Knisja, wara li għamlet reviżjoni dettaljata u indirizzat xi tħassib inizjali dwar il-proġett.
Il-Kamra kienet ammettiet li teżisti lakuna fis-suq li żżomm familji ta’ dħul baxx u medju milli jsiru sidien ta’ djarhom. Madankollu, kienet qajmet ukoll tħassib li l-iskema setgħet toħloq riskju ta’ abbuż, ineffiċjenzi jew interferenza fil-mekkaniżmi tas-suq liberu.
Sabiex jinstabu soluzzjonijiet, il-Kamra kellha laqgħat separati mal-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Rodrick Galdes, kif ukoll mal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Affordabbli.
F’dawn id-diskussjonijiet, il-Kamra qalet li ngħatat l-assigurazzjonijiet meħtieġa dwar l-aspetti ta’ governanza u stabbiltà tas-suq. Dawn ser ikunu protetti permezz ta’ mekkaniżmu ġust u trasparenti, implimentat biex jimminimizza l-preokkupazzjonijiet li kienu tqajmu.
“Il-Kamra tal-SMEs għalhekk tappoġġja l-inizjattiva u tħeġġeġ lill-awtoritajiet biex ikomplu jimplimentaw salvagwardji stretti u trasparenza sabiex il-familji li huma l-mira tal-iskema jibbenefikaw b’mod sħiħ,” qalet fi stqarrija.
Il-Kamra żiedet li se tkompli żżomm kuntatt mal-partijiet interessati sabiex tiżgura li l-iskema tibqa’ allinjata mal-għanijiet tagħha, iżżomm il-prinċipji ta’ trasparenza u tindirizza b’mod effettiv il-bżonnijiet ta’ familji ta’ dħul medju-baxx.