Kriżi għall-istudenti barranin tal-IEU wara l-għeluq tal-iskola
Numru ta’ studenti barranin tal-IEU jinsabu mingħajr passaporti, dokumenti u akkomodazzjoni wara l-għeluq tal-iskola

More in Socjali
Numru ta’ studenti barranin tal-IEU jinsabu mingħajr passaporti, dokumenti u akkomodazzjoni wara l-għeluq tal-iskola
Numru ta’ studenti barranin li kienu qed jistudjaw fl-International European University (IEU), li issa għalqet il-bibien tagħha, jinsabu f’sitwazzjoni delikata hekk kif tilfu l-passaporti tagħhom, l-akkomodazzjoni u flus imħallsa bil-quddiem.
Il-problemi bdew wara li l-IEU tilfet il-liċenzja edukattiva tagħha aktar kmieni dan ix-xahar, deċiżjoni li waqqfet il-korsijiet kollha u ħalliet lill-istudenti bla futur ċar. Barra mill-fatt li tilfu somom kbar ta’ flus, il-kredenzjali tagħhom issa huma fil-periklu, u b’hekk ħafna minnhom ma jistgħux lanqas ikomplu jistudjaw f’pajjiżi oħra.
Din ġabet magħha wkoll konsegwenzi serji fuq il-viżi tal-istudenti, li issa m’għadhomx validi. Dan ifisser li teoretikament l-istudenti jistgħu jaffaċċjaw deportazzjoni jekk ma tinstabx soluzzjoni fil-ħin.
Il-General Workers’ Union (GWU) daħlet fil-kwistjoni biex tgħin lill-istudenti. Is-segretarju tas-settur tal-ikel u l-ospitalità, Kevin Abela, qal lil-gazzetta oht, Malta Today, li l-unjin ser tiddiskuti ma’ Identità biex kull student jingħata direzzjoni u ma jintlaqax l-iktar daqqa ta’ ħarta – dik tal-irtirar mill-pajjiż.
“Il-problema mhix biss finanzjarja. Hemm min spiċċa bla ċertifikat wara li temm kors, u hemm oħrajn li m’għandhomx passaport jew dokumenti uffiċjali f’idejhom,” sostna Abela.
Bħallikieku mhux biżżejjed, ħafna studenti jinsabu wkoll mhedda b’evizzjoni mill-postijiet fejn qed jgħixu. Skont l-istudenti, il-ħlas tal-akkomodazzjoni kien parti mill-miżata tal-kors, iżda l-proprjetarji tal-postijiet allegatament qalu li l-IEU waqfet tħallas il-kera.
Il-kordinatur tal-GWU għall-ħaddiema barranin, Manav Sanger, appella lill-awtoritajiet biex l-istudenti ma jerġgħux jiġu vittimizzati. Fl-istess ħin wissiehom joqogħdu attenti minn “aġenti” li joffru ftehimijiet li jidhru tajbin wisq biex ikunu veri.
Fid-dawl ta’ din il-kriżi, Knights College ħabbar li se joffri boroż ta’ studju apposta għall-istudenti tal-IEU li tħallew fi stat ta’ inċertezza. Permezz ta’ dan il-programm, dawn l-istudenti se jkollhom l-opportunità li jkomplu l-istudji tagħhom f’diplomi akkreditati fil-qasam tal-business management, hospitality u adult care.