Turisti f’Malta jaqbżu t-386,000 f’Ġunju 2025 – nefqa totali ta’ kważi €396 miljun

Żieda ta’ 10.8% fl-għadd ta’ turisti meta mqabbel ma’ Ġunju 2024, b’infiq rekord ta’ €395.9 miljun u iktar minn nofshom iżuru wkoll Għawdex u Kemmuna

Malta kompliet tikseb suċċess fil-qasam tat-turiżmu, hekk kif f’Ġunju 2025 l-għadd tat-turisti li żaru l-pajjiż laħaq it-386,776 – żieda ta’ 10.8% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel.

Skont dejta uffiċjali, 357,834 minn dawn il-viżitaturi ġew għal btala, mentri 19,437 ġew għal raġunijiet relatati max-xogħol. Il-grupp ta’ età dominanti kien dak ta’ bejn il-25 u l-44 sena, li kkompona 35.3% tat-turisti kollha. Wara dan il-grupp, kien hemm dawk ta’ bejn il-45 u l-64 sena (27.4%).

Meta wieħed janalizza l-oriġini tat-turisti, jirriżulta li 43.6% ġew mir-Renju Unit, l-Italja u Franza. Dan ikompli jikkonferma r-relazzjonijiet b’saħħithom ta’ Malta ma’ dawn is-swieq Ewropej tradizzjonali.

L-iljieli kollha mqattgħin f’Malta matul Ġunju 2025 laħqu madwar 2.5 miljun, żieda ta’ 8.6% fuq l-istess xahar fl-2024. Il-maġġoranza assoluta ta’ dawn l-iljieli (89.8%) kienu f’akkomodazzjonijiet mikrija, b’tul medju ta’ żjara ta’ 6.4 iljieli.

Fir-rigward tan-nefqa, l-istatistika turi li l-infiq globali mit-turisti f’dak ix-xahar kien ta’ €395.9 miljun, li jirrappreżenta żieda sostanzjali ta’ 19.1% fuq l-istess perjodu is-sena l-oħra. L-infiq medju għal kull lejl stmat għal €159.5.

Interessanti wkoll li 61.9% tat-turisti, jew 239,332 ruħ, żaru Għawdex u Kemmuna – kemm għal jum wieħed kif ukoll għal żjarat li inkludew iljieli.

Bejn Jannar u Ġunju 2025, ġew irreġistrati 1,805,730 turist – żieda ta’ 13.5% fuq l-istess perjodu fl-2024. L-iljieli kollha mqattgħin laħqu madwar 10.7 miljun, biż-żieda tkun ta’ 13.2%.

In-nefqa totali matul dan il-perjodu kienet stmata għal €1.564 biljun, 21.1% aktar mill-ewwel sitt xhur tal-2024. Barra minn hekk, l-infiq medju ras għal ras tela’ għal €866, meta mqabbel ma’ €812 fl-2024.

Aktar minn nofs it-turisti (54.7%) għażlu wkoll li jinkludu Għawdex u Kemmuna fil-vjaġġ tagħhom – indikazzjoni ċara tal-attrazzjoni dejjem tikber tal-gżejjer ż-żgħar bħala parti mill-esperjenza turistika Maltija.Dan it-tkabbir sostenut fil-qasam tat-turiżmu jindika mhux biss ir-rkupru mill-impatt tal-pandemija f’dawn l-aħħar snin, iżda wkoll il-frott ta’ strateġiji ta’ promozzjoni u titjib fl-infrastruttura li qed iżommu lil Malta fuq il-mappa bħala destinazzjoni ewlenija fil-Mediterran.

More in Socjali