[BIL-FILMAT] Passjoni u tradizzjoni: il-wirt tal-Kamra tan-Nar ta’ San Mikiel
F’dan l-anniversarju storiku, tkellimna ma’ Karmenu Pirotta — wieħed mill-veterani tal-Kamra tan-Nar ta’ San Mikiel — li għal aktar minn 50 sena baqa’ jagħti qalbu u ħinu għal dan il-wirt uniku
Mitt sena ta’ storja, arti, u passjoni. Din hi l-mitt sena li qed tiċċelebra l-Kamra tan-Nar ta’ San Mikiel ġewwa Ħal Lija din is-sena! Għal dawn is-snin kienet u għadha parti mill-qalb tal-festa tas-Salvatur li tiġi ċċelebrata fis-6 ta’ Awwissu — festa li tgħaqqad lill-komunità kollha u li fiha n-nar għandu post speċjali. Il-vjaġġ tagħha huwa wieħed li jixgħel mhux biss is-sema, imma wkoll il-qlub ta’ dawk kollha li taw u għadhom jagħtu ħajjithom għal dan il-wirt tant prezzjuż.
Fost dawk li b’ħidma ċerta għenu lill-kamra tikber u tagħti l-aqwa tagħha, hemm Karmenu Pirotta — raġel li llum jgħix fl-Awstralja, iżda li qalbu għadha hawn. Karmenu ilu aktar minn 50 sena jagħti minn żmienu u mill-esperjenza tiegħu lill-kamra, u sal-lum, kull sena jiġi Malta xhur qabel il-festabiex jgħin fit-tħejjijiet tan-nar, flimkien ma’ ibnu.
“Meta bdejt kelli biss 18-il sena,” jgħid bi tbissima nostalġika. “Ma kontx nitla’ l-kamra tan nar imma kont noqgħod ġo ħanut li kienu jsejħulu l-Lewlu u kont noqgħod nobrom l-iskrataċ. Imbagħad jirrakkonta kif kien imur għand il-mastrudaxxa li kienu tliet aħwa, u wieħed minnhom, Mosè, kien iħajru biex jitla’ l-kamra tan-nar u meta għalaq l-età li seta’ jagħmel dan, hu beda jitla’ wkoll. Hu jgħidilna li “dak iż-żmien kont nikkarga l-istilla u kont tajjeb fiha u mmexxi, u dejjem obdejt lis-superjuri tiegħi.”
Mis-snin kollha li ilu jaħdem in-nar huwa fakkar wieħed mill-ewwel xogħlijiet, il-ftuħ tal-Hilton — show grandjuż li fih ħadem b’ħerqa kbira. Huwa rrakkonta wkoll kif kien parti mix-xogħol li ntuża fir-rebħ tat-tazza ta’ Monaco. “Ma kontx mort dakinhar, imma ... ħdimna ħafna fuqu.”
U f’moħħu tibqa’ wkoll l-okkażjoni meta x-xogħol tal-ħabib tiegħu, magħruf f’Ħal Lija bħala l-Laċita, ħa l-ewwel post fil-kurunazzjoni tar-Reġina.
Filwaqt li jsemmi dan kollu, ifakkarna wkoll li mhux kollox hu faċli. “L-aktar biċċa delikata hi l-fire one — fejn ikollok wires jgħaddu minn kullimkien, u trid toqgħod attent li ma jinħaraqx xi wieħed,” jgħid b’serjetà. Il-preċiżjoni f’dak il-mument hi kollox.
Imma l-akbar tħassib tiegħu? In-nuqqas ta’ żgħażagħ li jitilgħu l-kamra. Fix-xitwa, kultant ikun hemm biss tlieta jew erbgħa. Huwa jgħid li ma tantx għad baqa’ żgħażagħ li jinterassahom jitilgħu jaħdmu n-nar.
Din is-sena, hekk kif il-Kamra tan-Nar ta’ San Mikiel tagħlaq mitt sena storja, il-Kamra qed tħejji spettaklu li jkun tassew xhieda ta’ dak kollu li nkiseb matul is-snin. “Il-fire one se jkun show sabiħ ħafna,” jgħid Karmenu. “Nisperaw li kollox imur sew,” iżid b’dik il-ġabra ta’ emozzjoni li jħossu dawk li jafu xi tfisser il-festa tas-Salvatur.
Karmenu spjega wkoll kif kien wieħed mill-pijunieri tal-Festa ta’ San Mikiel li huwa l-patrun tal-kamra tan-nar tagħhom. Festa li llum tiġi ċċelebrata bejn wieħed u ieħor fid-29 ta’ Settembru. Festa li baqgħet tikber — b’risq il-patrun u b’ġieħ lil dawk li bnewha bi snin twal ta’ xogħol, bħal Karmenu stess.
U hekk, f’din is-sena tant speċjali, il-Kamra tan-Nar ta’ San Mikiel tħares lura lejn mitt sena mimlija għaraq, passjoni, u ħbiberiji li ssawru taħt l-istess saqaf. Dak li beda bħala sforz żgħir minn grupp ta’ nies impenjati, illum kiber fi skola ta’ arti, dedikazzjoni, u tradizzjoni, imħabba li tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra.
Daqs tlett 'ijiem oħra dan il-wirt se jiġi ċċelebrat kif jixraqlu. Il-lejla tat-Tlieta 5 ta’ Awwissu, fid-9:30pm, il-qalb ta’ Ħal Lija terġa’ tħabbat taħt sema miżbugħa bil-kulur. Mhux biss spettaklu, imma ġieħ lil dawk kollha li taw u li għadhom jagħtu ħinhom, ħajjithom, u ruħhom biex din it-tradizzjoni tibqa’ ħajja.
Minn hawn, nixtiequ lil Lijani kolla l-festa t-tajba, mimlija mumenti ta’ ferħ u ħbiberija, u li tibqa’ ħajja fil-qlub ta’ dawk li jgħożżu din it-tradizzjoni.
Jaelle Borg hija studenta fit-tieni sena tal-kriminoloġija