1. X’inhi l-esperjenza tiegħek bil-kompetizzjonijiet u x-xena sportiva barra minn Malta?
L-esperjenza tiegħi barra minn Malta kienet waħda ferm intensiva u ta’ sfida, iżda fl-istess ħin ferm ta’ sodisfazzjon. F’kompetizzjonijiet bħal FIA u WSK qed naffaċċja l-aqwa sewwieqa fid-dinja fil-kategorija tiegħi. Hija esperjenza li teħtieġ dedikazzjoni sħiħa u taħriġ kontinwu. Tgħallimt ħafna u kull tellieqa barra sservi bħala opportunità biex nitjieb u nitgħallem aktar.
2. X’inhuma l-ikbar differenzi li nnutajt bejn ix-xena sportiva lokali u dik barranija?
Il-livell ta’ kompetizzjoni u l-organizzazzjoni huma żewġ aspetti fejn il-barranin jispikkaw. Barra minn Malta, is-sistemi huma professjonali ħafna, b’appoġġ tekniku kontinwu, strateġiji sofistikati u timijiet kbar li jaħdmu wara kull atleta. Hawn Malta għadna lura f’dawn l-oqsma, u l-opportunitajiet għal tkabbir huma aktar limitati.
3. Hemm xi differenzi sinifikanti bejn it-taħriġ ipprovdut Malta u dak ipprovdut barra? U jekk iva, x’inhuma?
Iva, hemm differenza evidenti. Barra, it-taħriġ huwa ppersonalizzat, b’għalliema u coaches b’esperjenza internazzjonali li jagħmlu analiżi fil-fond tal-prestazzjoni tiegħek. Barra minn hekk, għandek aktar sessjonijiet eżaminattivi, tagħmir teknoloġiku avvanzat u aċċess għal korsi professjonali. F’Malta dan kollu għadu pjuttost limitat.
4. Tħoss li l-atleti li jitħarrġu Malta għandhom l-istess kwalità ta’ taħriġ u/jew tagħmir li għandhom atleti barranin?
B’mod ġenerali le. F’Malta għad hemm nuqqas ta’ investiment fit-tagħmir, fir-riżorsi u fit-taħriġ professjonali. L-atleti barranin għandhom ħafna aktar għajnuna u faċilitajiet, u b’hekk tkun aktar faċli għalihom biex jilħqu livell għoli aktar malajr.
5. Kif tħossok dwar il-fatt li qed tirrappreżenta lil pajjiżek? Tħoss xi tip ta’ pressjoni biex tagħti l-aqwa prestazzjoni f’isem il-pajjiż?
Inħossni onorat ħafna li qed nirrappreżenta lil Malta fuq livell internazzjonali. Huwa mument ta’ kburija kull darba li npoġġi l-bandiera Maltija fuq is-suit tiegħi. Hemm ċerta pressjoni, iva, iżda din tgħinni nimmotiva ruħi biex dejjem nagħti l-aħjar li nista’, mhux biss għalija, imma għal pajjiżi wkoll.
6. Meta tispjega lil atleti oħrajn li int minn Malta, x’inhi r-reazzjoni tagħhom?
Ħafna drabi jkunu sorpriżi, għax Malta mhux magħrufa daqs pajjiżi oħra fil-karting. Iżda dan iqanqal interess, u ħafna drabi jirrispettaw ħafna l-fatt li qed nikkompeti fuq dan il-livell għoli minkejja li ġej minn pajjiż żgħir. Kultant isiru kurjużi biex jafu aktar dwar is-sistema sportiva tagħna.
7. Taħseb li Malta tista’ tappoġġa lill-atleti tagħha b’mod aħjar? Speċjalment fejn jidħlu atleti li qed jirrappreżentaw lill-pajjiż barra minn xtutna?
Iva, nemmen hekk. Għandna bżonn aktar investiment fl-isports, speċjalment għal dawk li qed jirrappreżentaw lil Malta barra. L-appoġġ finanzjarju, infrastrutturali u tekniku jista’ jagħmel differenza kbira biex jgħin lill-atleti Maltin jilħqu l-potenzjal tagħhom.
8. Biddillek il-perspettiva tiegħek f’kwalunkwe mod il-fatt li qed tikkompeti barra? Kif għenitek timmatura bħala sportiv dil-esperjenza?
Żgur li iva. Il-fatt li qed nikkompeti barra għenni nara kemm hemm x’nitgħallem u kemm hemm livell għoli li jista’ jintlaħaq. Għenitni nsir aktar dixxiplinat, determinat u konxju mill-ħtieġa li dejjem nitjieb. Tgħallimt ukoll kif inlaħħaq ma’ pressjoni u nżomm iffokat f’sitwazzjonijiet diffiċli.
9. Riċentement, il-Gvern Malti ħabbar il-miżura li jħallas sitt xhur sħubija għall-gym għaż-żgħażagħ bejn it-18 u l-20 sena. X’taħseb dwar din il-miżura?
Hija miżura tajba li tħeġġeġ stil ta’ ħajja attiv fost iż-żgħażagħ. Madankollu, nittama li jkun hemm aktar inizjattivi mmirati speċifikament lejn atleti kompetittivi u professjonali li għandhom bżonn aktar minn sempliċi aċċess għall-gym.
10. Tixtieq tagħlaq b’xi esperjenza partikolari kemm ilek tikkompeti barra?
Waħda mill-aktar esperjenzi li baqgħet f’moħħi kienet meta gejt mal-ewwel 10 ġol-finali ta’ tellieqa tal-FIA din is-sena. Kien mument ta’ sodisfazzjon kbir, u ġieli jġegħelni niftakar kemm sar sagrifiċċju biex nasal hemm. Dak il-mument tani motivazzjoni biex inkompli niġġieled għal aktar suċċess. Nixtieq nagħlaq billi nirringrazzja lil Malta Motorsport Federation, Sports Malta, Kart Republic, GLD motorsports, lil missieri u ommi, u lil dawk kolla li għenuni nasal fejn qiegħed issa.