Kważi sentejn wara li l-Gvern ippreżenta tliet abbozzi ta’ liġijiet dwar ir-riforma fil-midja fil-Parlament, issa tnediet konsultazzjoni pubblika biex il-proċess jerġa’ jixgħel fuq sisien aktar trasparenti u inklussivi.
Skont stqarrija uffiċjali, id-dokument ta’ konsultazzjoni hu bbażat fuq rapport dettaljat mill-Kumitat ta’ Esperti tal-Midja mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia. Il-konsultazzjoni ser tħares lejn diversi aspetti sensittivi u kruċjali għall-prattika ġurnalistika, fosthom il-mod kif is-settur jista’ jsaħħaħ awto-regolamentazzjoni, il-ħolqien ta’ kodiċi nazzjonali tal-etika ġurnalistika, kif ukoll il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-influwenza indebita fuq il-midja.
Il-Gvern se jfittex ukoll ideat dwar kif għandha tkun protetta r-reputazzjoni tan-nies mingħajr ma tiġi mminata l-libertà tal-espressjoni, u dwar kemm huma effettivi r-rimedji ġudizzjarji li għandu min iħossu midrub.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, qal li dan huwa mument kruċjali biex jinħoloq qafas legali li tassew jiddefendi l-valuri demokratiċi. Huwa stieden lil kulħadd biex jipparteċipa, u qal li l-Gvern qed jistenna b’interess kbir kontribuzzjonijiet minn dawk kollha li jemmnu f’ġurnaliżmu serju u fattwali bħala pilastru tas-soċjetà demokratika.
Din il-konsultazzjoni ġiet meqjusa minn ħafna bħala meħtieġa u mistennija. Fl-2023, meta l-Gvern ippreżenta l-abbozzi ta’ liġijiet fil-Parlament mingħajr ebda konsultazzjoni pubblika, diversi ġurnalisti, edituri u attivisti fil-qasam tal-midja wrew diżappunt u rabja. Huma kienu appellaw biex l-abbozzi jitressqu quddiem is-soċjetà ċivili f’forma ta’ White Paper, biex jippermettu diskussjoni miftuħa u parteċipazzjoni wiesgħa qabel ma l-liġijiet jiġu finalizzati.