Imut Noah, it-tifel ta’ sena u erba’ xhur li waqa’ f’pixxina fix-Xagħra

Noah it-tifel ta’ sena u erba’ xhur li waqa’ f’pixxina privata fix-Xagħra, Għawdex, imut ftit jiem wara l-inċident

Ritratt:Facebook
Ritratt:Facebook
Downloadable Files

Tifel ta’ sena u erba’ xhur li kien qed jingħata kura intensiva wara li għereq f’pixxina privata f’Għawdex, miet ilbieraħ billejl skont stqarrija mill-Pulizija maħruġa s-Sibt filgħodu.

L-inċident seħħ f’residenza privata fix-Xagħra nhar it-Tnejn li għadda, meta t-tifel, jismu Noah, instab mitluf minn sensih fil-pixxina minn ommu u missieru. Huwa ngħata l-ewwel għajnuna fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex u sussegwentement ġabuh lejn l-Isptar Mater Dei.

Skont il-Pulizija, l-inkjesta maġisterjali taħt id-direzzjoni tal-Maġistrat Simone Grech għadha għaddejja, u l-investigazzjonijiet dwar iċ-ċirkostanzi tal-inċident għadhom miftuħa.

Il-ġenituri tat-tifel, Joanna u Simon Mizzi, ħabbru l-aħbar tat-telfa tat-tifel tagħhom permezz ta’ messaġġ emozzjonanti fuq il-midja soċjali. Huma esprimew kemm kienu kburin bit-tifel tagħhom.

Joanna kitbet li qalbha se tibqa’ mimlija bil-memorji sbieħ tal-aħħar 17-il xahar, filwaqt li appellat biex isem Noah jibqa’ mfakkar. Simon, min-naħa tiegħu, qal li Noah reġa’ ġab lin-nies flimkien permezz tat-talb u l-kuraġġ, u li dan jagħtihom ftit serħan f’dan il-mument diffiċli.

 

More in Socjali