Tibdiliet kontroversjali fil-liġijiet tal-ippjanar

Il-Gvern jipproponi tibdil radikali li jippermetti deċiżjonijiet aktar diskrezzjonarji, jnaqqas id-dritt tal-Qorti li tħassar permessi u jimponi limiti ġodda fuq appell minn NGOs u partijiet terzi

Il-Gvern nieda pakkett ta’ riformi estensivi fil-qafas legali tal-ippjanar — ħafna aktar wiesgħa minn dak li kien imwiegħed bħala sempliċi reviżjoni tal-proċess tal-appelli — ftit ġranet qabel il-waqfa tas-sajf tal-Parlament. Ir-riformi, li diġà qed iqajmu tħassib fost diversi għaqdiet ambjentali u esponenti legali, jinkludu żieda sostanzjali fis-setgħat tal-Bord tal-Ippjanar, tnaqqis fid-drittijiet ta’ appell u tibdil fil-mod kif jiġu interpretati l-politiki tal-ippjanar.

Deċiżjonijiet aktar diskrezzjonarji mill-Bord

Waħda mid-differenzi ewlenin hija li l-Bord tal-Ippjanar jista’ jiddevja minn regolamenti u politiki eżistenti jekk jippreżenta raġunijiet ibbażati fuq il-kuntest, id-disinn arkitettoniku jew fatturi spazjali. Dan ifisser li anke jekk politika ma tagħtix spazju għal flessibbiltà, il-Bord xorta jista’ jaqta’ deċiżjoni differenti, sakemm jiġġustifika b’mod ċar u juri evidenza marbuta mal-post speċifiku.

Il-liġi l-antika kienet tistabbilixxi ġerarkija ċara bejn pjanijiet differenti: il-Pjan Strateġiku għall-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) kellu prijorità fuq pjanijiet lokali, li min-naħa tagħhom kellhom prijorità fuq pjanijiet ta’ azzjoni u development briefs.

Il-liġi proposta tbiddel kollox: kwalunkwe dokument li joħroġ aktar tard — anke jekk inferjuri fil-ġerarkija — jieħu prijorità fuq dak ta’ qabel. Dan ifisser li development brief jew action plan ġdid jista’ jikkontradixxi pjan lokali, u xorta jieħu preċedenza.

Il-liġi tipproponi wkoll tibdil fid-definizzjoni ta’ "xogħol illegali", li issa tirreferi għal xogħol mingħajr permess wara l-1978, minflok l-1967. Il-Gvern qed jispjega li dan huwa marbut mal-fatt li l-awtorità għandha ritratti mill-ajru validi biss mill-1978 'l hawn.

Apparti minn hekk, il-kunċett ta’ “modifiki minuri” qed jinkludi wkoll bidliet fil-limitu tal-għoli jew fil-klassi tal-użu tal-art — xi ħaġa li kienet eskluża qabel. Dan jista’ jwassal biex jinbidel karattru ta’ żona mingħajr il-bżonn ta’ proċess ta’ konsultazzjoni sħiħ.

B’mod li se jkun kontroversjali, il-Ministru responsabbli mill-ippjanar se jkollu s-setgħa li jerġa’ jagħti validità lil permess skadut — xi ħaġa li l-liġi preżenti ma tippermettix jekk il-permess ikun diġà għadda ż-żmien tiegħu. Dan jista’ jiftaħ il-bieb biex proġetti abbandunati jerġgħu jiġu attivati mingħajr proċess ġdid.

Riforma fl-appelli: iżjed limiti u inqas drittijiet

Il-proċess tal-appelli qed jiġi mġedded b’mod drastiku. It-tribunal għandu jiddeċiedi fi żmien massimu ta’ ħames xhur f’każijiet ta’ appell minn partijiet terzi, waqt li l-Qorti tal-Appell trid tagħti deċiżjoni fi żmien ħames xhur oħra — jiġifieri li xogħol jista’ jkun sospiż għal mhux aktar minn 10 xhur.

Iżda l-iktar parti sensittiva hija li l-appelli minn NGOs u partijiet terzi jistgħu jsiru biss fuq bażi ta’ oġġezzjonijiet li jkunu diġà ġew sottomessi qabel ma ngħata l-permess — ħlief jekk ikun jista’ jiġi ppruvat li l-kwistjoni ma setgħetx kienet prevedibbli dak iż-żmien. Dan jimplika li l-għaqdiet se jkollhom jieħdu parir legali qabel il-permess joħroġ.

Barra minn hekk, tribunal jista’ jimponi multa sa €5,000 fuq min jippreżenta appell meqjus bħala “frivolu jew vessatorju” — deċiżjoni li ma tkunx appellabbli. Il-perjodu ta’ appell ukoll qed jitnaqqas minn 30 għal 20 ġurnata.

Limiti fuq is-setgħat tal-Qorti

Il-Qorti tal-Appell m’għadhiex tista’ tikkanċella permess direttament. Jekk tiddikjara deċiżjoni tat-tribunal bħala nulla, trid tirritorna l-każ lura għand l-istess tribunal għal deċiżjoni ġdida skont il-linji gwida tal-qorti. Barra minn hekk, jekk qorti ma tiddeċidix fi żmien 5 xhur, permess ma jibqax sospiż, u kull xogħol li jsir wara ma jkunx affettwat minn deċiżjoni sussegwenti.

Multi sa €2,000 kuljum

Il-multi għal min jonqos milli jikkonforma ma’ Enforcement Notices se jogħlew b’mod drastiku — minn €50 kuljum għal massimu ta’ €2,000 kuljum. Dan jista’ jservi bħala deterrent aktar effettiv, iżda wkoll iqajjem tħassib dwar proporzjonalità f’ċerti każijiet.

L-abbozz għadu qiegħed fil-fażi parlamentari iżda diġà qed iqajjem reazzjonijiet kontrasti. Għaqdiet ambjentali, periti u ċertu sezzjonijiet tas-soċjetà ċivili qed jiddeskrivu dawn il-bidliet bħala tentattiv biex jiġi istituzzjonalizzat l-arbitrarju u li d-dritt għall-ġustizzja u għall-appell qed jiġi mnaqqas. Minn naħa oħra, il-Gvern jinsisti li dawn huma riformi meħtieġa biex il-proċessi jkunu aktar effiċjenti u adattati għall-ħtiġijiet kontemporanji tal-iżvilupp.

 

More in Socjali