Jiġi ppubblikat l-ewwel gwida editorjali ta' MaltaToday f’jum il-25 anniversarju

F’għeluq il-25 anniversarju tagħha, MaltaToday tippreżenta “The Newsroom Handbook” – bil-għan li jistabbilixxi ton konsistenti u standard etiku għoli fil-kitba tal-aħbarijiet.

F’għeluq il-25 anniversarju, il-gazzetta oħt,  MaltaToday ippreżentat uffiċjalment l-ewwel gwida editorjali tal-kamra tal-aħbarijiet tagħha – The Newsroom Handbook: A Guide to Writing News – waqt avveniment li sar it-Tnejn filgħaxija fil-lokalità industrijali ta’ Marsa, ġewwa  The Other Brewery Co.

F’diskors li għamel waqt it-tnedija tal-ktieb, il-fundatur u direttur editorjali ta’ MaltaToday, Saviour Balzan, qal li dan il-ktieb hu pass storiku mhux biss għall-kamra tal-aħbarijiet tiegħu, iżda wkoll għall-ġurnaliżmu Malti kollu. “Għall-ewwel darba, ġurnal qed jippreżenta stil ta’ kitba li ma jservix biss bħala gwida lingwistika imma wkoll bħala rappreżentazzjoni ċara tal-etika u l-prinċipji editorjali tagħna,” qal Balzan.

Il-ktieb jinkludi prinċipji etiċi u prattiċi essenzjali għal kull ġurnalist, bħalma huma meta wieħed għandu jitlob kumment, kif għandha tiġi trattata storja sensittiva, u l-mod kif il-lingwa  għandha tintuża fil-kitba bl-Ingliż. Gwida ċara wkoll tingħata dwar l-użu ta’ kliem.

Il-gwida tagħmel preferenza għall-Ingliż Brittaniku iżda tagħraf ukoll li ċertu kliem Amerikani bħalma hu “truck” jiġu aktar użati minn qarrejja lokali milli minn “lorry”. Barra minn hekk, MaltaToday tagħżel li tidentifika postijiet bħat-The Three Cities b’isimhom oriġinali Maltin: Bormla, Isla u Birgu, u mhux Cospicua, Senglea u Vittoriosa.

Fost il-kontenut ta’ The Newsroom Handbook, wieħed isib ukoll lessiku b’termini ġurnalistiċi u spjegazzjonijiet qosra dwar l-użu u l-kitba korretta tagħhom, bil-għan li l-ġurnalisti, kemm ġodda kif ukoll esperjenzati, ikollhom għodda prattika u aġġornata fil-kitba tagħhom.

Il-gwida hija disponibbli għall-bejgħ mill-uffiċċju ta’ MediaToday f’San Ġwann għal €10.99. Dawk interessati jistgħu wkoll jibagħtu email fuq [email protected] biex jiksbu kopja.

L-avveniment ta’ tnedija ġie ċċelebrat b’għażla ta’ birer u  preżenza ta’ ġurnalisti li ħadmu jew għadhom jaħdmu ma’ MediaToday, f’ġurnata li timmarka pass ieħor fil-mixja ta’ dan il-ġurnal indipendenti.

More in Socjali