Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Presidenza ta’ Malta fil-Kunsill tal-Ewropa qed titmexxa b’viżjoni ċara: tqiegħed iż-żgħażagħ, il-paċi u r-riformi mmexxija miċ-ċittadin fiċ-ċentru tad-diskussjoni. Huwa kien qed jindirizza l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa f’Strasburgu, fejn enfasizza kif Malta ma tarax liż-żgħażagħ bħala sempliċi futur, imma bħala mexxejja attivi fil-preżent.
F’diskors li wera l-impenn ta’ Malta lejn il-valuri ewlenin tal-Kunsill – id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt – Abela ħabbar li f’Ottubru li ġej Malta se tospita l-Konferenza tal-Ministri responsabbli miż-Żgħażagħ. L-għan ta’ dan l-avveniment hu li jġib flimkien dawk li jfasslu l-politika u ż-żgħażagħ stess, biex flimkien jiddiskutu l-bini ta’ futur demokratiku mmexxi mill-ġenerazzjoni l-ġdida.
Abela qal li sfidi globali jeħtieġu risposti globali u komuni. Qal li ma nistgħux nibqgħu siekta quddiem traġedji bħal dawk f’Gaża, u appellat biex l-internazzjonalizmu jintuża bħala forza biex jintemm id-demm li qed jinxtered u biex tiġi mħarsa l-liġi internazzjonali. F’dan il-kuntest, enfasizza li l-Kunsill tal-Ewropa għandu rwol essenzjali f’mumenti ta’ tensjoni u kunflitt globali, bħalma huma l-gwerer fl-Ukrajna u fil-Lvant Nofsani.
Il-Prim Ministru fakkar li Malta, minkejja li hija pajjiż żgħir, qed taħdem bħala pont bejn is-46 pajjiż membru. Huwa saħaq li l-ebda nazzjoni mhi żgħira wisq biex tagħti kontribut għall-bidla. Fost l-inizjattivi lokali li juru dan l-impenn lejn iż-żgħażagħ, semma l-ħolqien tal-Youth Advisory Forum – forma ta’ kabinett taż-żgħażagħ – kif ukoll it-tnaqqis tal-età tal-vot għal 16-il sena. Qal ukoll li Malta ħatret l-iżgħar Kummissarju Ewropew li għandu l-portafoll taż-żgħażagħ.
Fid-diskors tiegħu, Abela elenka numru ta’ riformi li saru f’Malta bil-pariri u l-appoġġ tal-Kunsill tal-Ewropa, fosthom permezz tal-Kummissjoni ta’ Venezja, Greco u Moneyval. Dawn jinkludu tibdil fil-proċess tal-ħatra tal-ġudikatura, saħħa fl-Uffiċċju tal-Ombudsman, riformi fil-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, u bidla fil-proċess tal-għażla tal-President tar-Repubblika, li issa jeħtieġ maġġoranza ta’ żewġ terzi fil-Parlament.
Abela semma wkoll il-passi li ħadet Malta favur il-libertà tal-espressjoni, inkluż l-adozzjoni tad-direttiva tal-UE kontra l-kawżi SLAPP, li tipproteġi ġurnalisti minn kawżi abbużivi. Huwa fakkar li l-femiċidju issa hu rikonoxxut bħala reat fil-Kodiċi Kriminali u li saru riformi importanti biex jiġi promoss ir-rwol tan-nisa fis-soċjetà u fil-politika.
Huwa temm billi saħaq li Malta dejjem rat il-Kunsill tal-Ewropa bħala d-dar naturali tal-valuri ewlenin li jħaddan: paċi, demokrazija, drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt. Il-Prim Ministru tenna li Malta se tkompli taħdem b’lealtà lejn id-djalogu u l-multilateraliżmu bħala parti integrali mill-politika barranija tagħha.