Il-partit ċentrali Momentum jikkundana l-applikazjoni ta’ db Group sabiex jinbnew seba’ sulari oħra fil-proġett kontroversjali tagħhom.
Fi stqarrija, il-partit jispjega l-ġlieda legali b’appell wara l-ieħor kontra dan il-proġett. Skonthom, din l-applikazzjoni turi “il-kilba bla waqfien” ta’ min qed jieħu ħsieb l-aktar iżviluppi maġġuri f’Malta.
Il-proposta ta’ db Group, li kienet tinvolvi żewġ torrijiet ta’ 17 u 18-il sular kull wieħed għal torri ta’ 23 u 25 sular. Huma jgħidu li din il-mossa tinjora l-interess pubbliku, il-komunita’ tal-madwar u wkoll il-kompromessi fl-ippjanar li saru fil-passat.
db Group argumentaw li għandhom dritt jibnu iżjed għaliex hemm “spazju mhux użat” fil-Gross Floor Area. Momentum twieġeb għal dan billi tgħid li dan il-kumment huwa insult għal kull min kien qed jiġġieled sabiex jipproteġi l-ftit art pubblika li għadha titgawda mill-komunita’.
Momentum jgħidu li r-residenti ta’ Pembroke, kif ukoll kull min jgħix f’Malta, diġa’ tilef ħafna spzju pubbliku riżultat ta’ degradazzjoni ambjentali, li ħalla effett negativ fuq il-kosta wkoll.
“Aħtaf art kemm tiflaħ, u nħeba taħt kliem ta’ pjanar,” iddeskriva l-istrateġija ta’ db Group iċ-Chairperson tal-Momentum Arnold Cassola.
Il-partit appella lill-Awtorita’ tal-Ippjanar sabiex tiċħad din l-applikazzjoni, kif ukoll appella liċ-ċittadini sabiex ikunu voċiferi u jissottomettu l-oġġezzjonijiet tagħhom kontra dan il-proġett.
“Il-futur tal-irħula tagħna, is-sema tagħna, il-kosta tagħna, il-bajjiet tagħna u l-ambjent komuni tagħna ma jistgħux ikunu rvinati mill-ambizzjonijiet bla rażan ta’ żviluppatur, li l-uniku għan tiegħu hu li jagħmel miljuni fi qligħ għalih innifsu. Iż-żejjed kollu żejjed,” ikkonkluda Cassola.