L-ex kanditat Ewropew Lee Bugeja Bartolo jappella għal liġijiet fuq ilqugħ ta’ sigurtà fil-pixxini

Wara l-mewt xokkanti ta’ tifel ta' 6 snin f’pixxina privata, l-ex kanditat MEP, Lee Bugeja Bartolo, sejjaħ għal liġijiet li jobbligaw barrieri ta’ sigurtà madwar kull pixxina f’Malta

Jumejn ilu, Malta nħasdet bil-mewt traġika ta’ Zaylen, tifel ta’ sitt snin li tilef ħajtu wara li waqa’ f’pixxina f’dar privata. F’dawn il-jiem ta’ niket u rabja, wieħed mill-ewwel vuċijiet pubbliċi li talab għal azzjoni konkreta kien dak ta’ Lee Bugeja Bartolo, ex MEP tal-Partit Nazzjonalista. 

“Fis-sena li twelidt fiha jien, fl-1990, l-Awstralja beda jintroduċi liġijiet sabiex pools, ikunu fejn ikunu, jkunu mdawrin b’perimeter. Hekk titlob il-liġi. No ifs or buts,” kiteb Bugeja Bartolo f'post pubbliku fuq Facebook. “Dan sar wara serje ta’ traġedji simili għal dik ta’ lbieraħ f’Malta fejn ħalliena iċ-ċkejken Zaylen. Traġedja li xxukkjat ħafna, inkluż lili.”

Wara dan l-appell emozzjonanti, Bugeja Bartolo qal b’mod ċar li Malta għandha ssegwi l-eżempju tal-Awstralja u tindirizza dak li sejjaħ bħala nuqqas serju fis-sistema tas-sigurtà madwar il-pixxini privati. “Qed nappella lill-Gvern ta’ Malta biex jagħmel l-istess" sostna. 

Fl-Awstralja, dan jibqa’ wieħed mill-kawżi ewlenin ta’ mewt aċċidentali fost tfal taħt il-ħames snin, u l-maġġoranza ta’ dawn il-każijiet iseħħu f’pixxini privati. Għalkemm il-preżenza ta’ adulti li jissorveljaw tibqa’ essenzjali, il-barrieri ta’ sigurtà huma meqjusa bħala l-linja sekondarja ta’ protezzjoni. Dawn mhumiex child-proof iżda huma child-resistant, u l-intenzjoni tagħhom hija li jillimitaw l-aċċess għat-tfal, mhux li jipprevjenuh b’mod assolut. Minkejja dan, iċ-ċifri juru li l-miżuri introdotti mill-Awstralja fil-bidu tad-disgħinijiet wasslu għal tnaqqis sostanzjali fl-għadd ta’ mwiet fost it-tfal fiż-żmien li ġie wara.

B’din l-informazzjoni f’idejh, Bugeja Bartolo sostna li issa huwa ż-żmien li Malta tieħu azzjoni. “L-ewwel u qabel kollox is-saħħa u s-sigurtà ta’ wliedna. Umbagħad id-dehra u tlellix,” kiteb, b’referenza għall-mentalità li ħafna drabi tagħti prijorità lill-estetika jew lill-kumdità aktar milli lis-sigurtà.

F’Malta bħalissa ma hemm ebda liġi li tobbliga lqugħ ta’ sigurtà madwar kull pixxina privata, u l-użu tagħhom hu biss suġġeriment, mhux imposi. 

 

More in Socjali