Ilħna li ma jinstemgħux: realtà moħbija ta’ kuljum

Filwaqt li ħafna minna jgawdu minn kumditajiet ta’ kuljum, hemm min f’Malta jgħix ġlieda kontinwa biex isib fejn jorqod jew sempliċement jgħix b’dinjità. Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ tliet persuni li jmissu ma' din ir-realta' 

Ħafna minna jqumu filgħodu fil-kumdità ta’ sodda sħuna, jixorbu xi belgħa kafè jew te fuq is-sufan u jmorru għax-xogħol jew l-iskola moħħhom mistrieħ li filgħaxija għandhom fejn jirritornaw. Iżda għal persuni oħra f’Malta, din il-kumdità hi biss ħolma. Għalihom, kull lejl ifisser ġlieda biex isibu fejn jorqdu u kull ġurnata ġġib magħha inċertezza.  

Il-faqar u n-nuqqas ta’ dar mhumiex biss numri fi statistika — huma esperjenzi umani, stejjer ta’ tbatija, u realtajiet li ħafna drabi jinħbew taħt il-wiċċ ta’ soċjetà li tidher prospera.  

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ tliet persuni li jaraw dawn is-sitwazzjonijiet mill-qrib: Ivan Bartolo, Kelliem għall-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali u l-Ġlieda kontra l-Faqar; Michael Falzon, Ministru għall-Ġustizzja Soċjali u Solidarjetà, il-Familja u Drittijiet tat-Tfal, u Sarah Bondin, General Manager tal-Fondazzjoni Suret il-Bniedem. 

 

“Il-ġid ekonomiku mhux qed jasal għand kulħadd” – Ivan Bartolo 

Ivan Bartolo, mhux biss jikkritika l-politika eżistenti — imma jipproponi bidla fundamentali fil-mod kif pajjiżna jifhem l-iżvilupp. 

“Il-politika kienet li nkabbru l-kejk,” jgħid. “Imma jien ngħid: ejja naqsmuh. Mhux biżżejjed li tgħid li għandek surplus u tkabbir. Ejja naraw min qed igawdi, u min le.” 

Bartolo jikkwota każijiet ta’ tfal f’ambjenti umdi, familji li jgħixu f’garaxxijiet mingħajr dawl naturali, u persuni f’akkomodazzjoni proviżorja li ma tagħtihom l-ebda stabbiltà mentali jew emozzjonali. “Hemm tfal li jgħixu f’kamra waħda ma’ erba’ persuni oħra. Din mhux ħajja. Mhux għejxien.” 

Skontu, ħafna għadhom ma jifhmux x’jiġifieri vulnerabbiltà, għax “għadu ma ġralhomx”. 

Bartolo jpoġġi ħafna mill-problema fuq in-nuqqas ta’ infrastruttura soċjali b’saħħitha u reali, u jtenni l-bżonn ta’ pjan nazzjonali li ma jħarisx biss lejn housing, imma wkoll lejn impjiegi b’pagi li jgħajxu, servizzi ta’ saħħa mentali, u edukazzjoni li tappoġġja. 

 

“Faqar dejjem se jkun hemm — imma rridu nwessgħu x-xibka” – Michael Falzon 

Il-Ministru għall-Ġustizzja Soċjali, is-Solidarjetà u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, jirrikonoxxi li anke f’pajjiż b’ekonomija b’saħħitha bħal Malta, hemm dejjem faxxa ta’ nies li — għal diversi raġunijiet — ma jilħqux igawdu mill-ġid li qed jinħoloq. 

“Kull pajjiż u kull ekonomija għandha grupp ta’ nies li, għal diversi raġunijiet, ma jilħqux biżżejjed. Ma ninsultax jew niġġudika lil ħadd, imma l-verità hi li mhux kulħadd ikun f’pożizzjoni li jipparteċipa fil-ġid,” qal Falzon waqt intervista mal-gazzetta ILLUM. 

“U Malta mhix eċċezzjoni. Għandna faxxa ta’ nies li, jew il-pajjiż ma jilħaqhomx, jew huma stess — minħabba ċ-ċirkostanzi tagħhom — ma jkunux jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet.” 

Meta mistoqsi x’inhuma l-kawżi ewlenin tal-faqar f’Malta, il-Ministru jispjega li hemm diversi fatturi: 

“Għandek min ma jistax jaħdem, u għalhekk diġà huwa eskluż mill-proċess produttiv tal-ekonomija. Imbagħad hemm min, forsi minħabba nuqqas ta’ edukazzjoni jew għażliet ħżiena, jispiċċa ma jirnexxilux jibni lilu nnifsu ekonomikament. Però, importanti ngħid li jiena m’iniex hawn biex niġġudika.” 

“Le, ma eliminajniex il-faqar — u ħadd qatt mhu se jirnexxilu jeliminah kompletament. Imma nistgħu ngħidu li f’dawn l-aħħar 11-il sena, sar progress. Il-miżuri li daħħalna ħadmu, imma dejjem ħa jkollna nżidu għax ir-realtajiet jibqgħu jinbidlu.” 

 

L-Evoluzzjoni ta’ missjoni soċjali: l-isfond ta’ Fondazzjoni Suret il-Bniedem 

“Il-Fondazzjoni bdiet 25 sena ilu meta Fr Leopoldo Tabone, li kien chaplain tal-ħabs, beda jiltaqa’ ma’ ħafna priġunieri li joħorġu mill-ħabs u m’għandhom l-ebda post fejn imorru. Minn hemm beda kollox,” spjegat Sarah Bondin, il-General Manager tal-Fondazzjoni. 

Minn dar żgħira fil-Fgura għall-irġiel, illum il-Fondazzjoni tmexxi ħamest idjar

“Minn refuġjati, sa ommijiet Maltin bi wliedhom f’sitwazzjonijiet familjari kumplessi u persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali. Kultant wieħed għandu xogħol, għandu dħul tajjeb, imma sitwazzjoni personali jew mentali tfarraklu kollox.” 

 

Il-Kumplessità dejjem tikber 

“F’dawn l-aħħar snin, rajna żieda mhux neċessarjament fin-numri, imma fil-kumplessità tal-każijiet. Li persuna m’għandhiex fejn toqgħod jew ma tistax tgħix id-dar taghha, dik il-persuna mhijiex biss persuna qed tfittex sodda u saqaf fuq rasha — qed nitkellmu fuq nies li għandhom problemi psikosoċjali, dipendenza fuq sustanzi, jew għaddew minn trawmi serji.” 

Sarah tispjega li fl-aħħar tliet snin irċevew madwar 700 referral, ħafna minnhom min-National Mental Health Services jew mill-Fondazzjoni għas- Servizz Soċjali. “Kien hemm każ fejn ġuvni wasal Malta waħdu wara li ħarab gwerra. Ma kellu assolutament lil ħadd ... Kif beda jsib saqajh ried ikompli l-istudji tiegħu u għex magħna waqt li kien qiegħed jistudja. Illum temm l-istudji tiegħu fl-MCAST u għandu xogħol. Għadu jżurna sal-lum.” 

Storja oħra hi ta’ mara b’tifel ta’ ħames snin li għal ħafna snin għexet f’relazzjoni vjolenti. “Kienet imfarrka kompletament, emozzjonalment u finanzjarjament. It-tifel kellu problemi ta’ mġiba severa. Aħna ħdimna sabiex it-tifel jattendi sessjonijiet ta’ play therapy, filwaqt li l-omm bdiet taħdem fuqha nnifisha. Illum qed taħdem u anke attendiet kors dwar it-trobbija tal-ulied. Ir-relazzjoni tagħhom inbidlet kompletament. Għadha tgħix magħna, imma issa qiegħda tippjana għad-dar tagħha stess.” 

 

Tmexxija u viżjoni: l-irwol ta’ Sarah 

Bħala General Manager, Sarah għandha responsabbiltà għat-tmexxija tal-Fondazzjoni, inkluż il-programmi u servizzi, ir-riżorsi, u l-finanzi tal-ħames djar. “Irridu naraw, mhux biss fejn persuna qed torqod, imma fejn sejra f’ħajjitha. Irridu ngħinu lil kull persuna li qiegħda tgħix magħna biex tfassal it-trejqa tagħha sabiex tagħmel il-bidliet neċessarji biex timxi ’l quddiem. Kull każ hu differenti — trid tkun tista’ tindirizza l-bżonnijiet individwali, mhux toffri ‘one-size-fits-all’ soluzzjoni.” 

Hi temmen ħafna fil-kollaborazzjoni. “Ma nistgħux naħdmu waħedna. Irridu naħdmu ma’ professjonisti oħra, ma’ istituzzjonijiet differenti u anke mal-komunità. Jekk irridu noħolqu bidla, irridu nqiegħdu lill-persuna fiċ-ċentru tas-servizzi u nkunu aħna flimkien ma’ oħrajn li nimxu magħha din it-triq sabiex tagħmel il-bidliet neċessarji għal ħajja ta’ aktar dinjità.  

 

Il-kultura tal-ġudizzju u l-istigma 

“Wieħed mill-akbar ostakli għas-suċċess ta’ dawn il-persuni huwa l-ġudizzju. Għad hawn min jaħseb li jekk xi ħadd qed jgħix f’dar residenzjali bħal tagħna, qed jabbuża mis-sistema jew mhux jagħmel biżżejjed. Dan mhux vera.” 

Hi tgħid li l-istigma f’Malta naqset xi ftit, imma għadha teżisti. “Il-kumment klassiku hu ‘dan mhux se jiġri lili’. Imma jekk titlef xogħlok, jew tinqabad f’relazzjoni vjolenti, jew timrad serjament — kollox jista’ jinbidel. Il-faqar jista’ jolqot lil kulħadd.” 

Sarah tkompli tgħid kif dak li s-soċjetà qiegħda tippromovi llum il-gurnata — dak li għandi ngħix ħajja materjali ta’ ċertu livell aktar minn dak li huwa neċessarju, li ngħix il-mument u li jkolli kollox b’mod immedjat għax inkella nitwarrab mis-soċjetà — jikkawża wkoll ħafna pressjoni soċjali. Ovvjament dan joħloq stress żejjed li jista’ jwassal persuna biex tikkomplika ħajjitha b’diversi riskji, sabiex tkun konformi mas-soċjetà. 

Fost kull statistika hemm wiċċ, qalb, u storja. Il-faqar f’Malta mhux xi realtà imbiegħda — huwa preżenti, sikwit moħbi wara ħitan. Ħafna drabi, dawk li jsofru mhumiex ‘oħrajn’, imma jistgħu jkunu l-ġar, sħabek fuq ix-xogħol, jew xi ħadd li darba kellu kollox u spiċċa b’xejn. 

Dak li jidher sempliċi għal ħafna — saqaf fuq rasna, sodda nadifa, kelma ta’ sapport — jista’ jkun kollox għal min tilef kollox. Il-bidla ma tiġix biss mill-politika jew mill-istituzzjonijiet, imma minn kull wieħed u waħda minna li nagħżlu li ma nibqgħux indifferenti. 

Il-faqar mhux mistħija. L-għajnuna mhix dgħufija. U l-vera saħħa ta’ pajjiż titkejjel f’kemm jagħraf jieqaf ma’ ta’ taħtu. Għax pajjiżna jkun tassew b’saħħtu meta ħadd ma jibqa’ b’għajta fil-vojt u b’qalbu miksura mingħajr ħadd lest biex jisma’. 

U forsi, dakinhar, il-kelma “dar” tibda tfisser ħafna aktar minn erba’ ħitan u saqaf. Tibda tfisser tama, dinjità, u ċans ġdid. 

 

More in Socjali